Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

hostel
© Wasfi Akab - Flickr, CC by 2.0

Suġġerimenti għas-sopravivenza waqt żjara f’ħostel

X'hemm aħjar biex tivvjaġġa madwar id-dinja u tiltaqa' man-nies bla ma tonfoq wisq, milli toqgħod f'ħostel? Hawn taħt għandek issib kif tagħmel iż-żjara tiegħek tajba kemm jista’ jkun.

Għalkemm xi ħostels ikollhom kmamar privati jew dormitorji żgħar, normalment ikollok tuża kamra tal-banju komuni; tistenniex wisq privatezza. Imma b'differenza mil-lukandi, il-ħostels huma ambjenti soċjevoli ħafna (speċjalment jekk tkun qed tivvjaġġa waħdek) fejn tista’ tiltaqa’ ma’ ħafna nies. U jekk ma tiħux grazzja magħhom, ma għandekx għalfejn terġa' tarahom wara li titlaq mill-ħostel. Dan jiddependi minnek!

 

L-aħjar mod biex tkampa f’ħostel huwa li tkun "cool", kalm u li taqbad tparla man-nies. Ibda bl-istaff: Probabbilment dawn ikunu mill-pajjiż u jistgħu jagħtuk l-aħjar pariri għal affarijiet li trid tara, postijiet fejn tiekol u fejn tmur meta toħroġ. Tista’ ssib ħbieb biex toħroġ magħhom jew tiftiehem mal-"party animals" fost in-nies li jkun hemm fil-ħostel, tikseb pariri dwar l-ivvjaġġar jew sempliċiment tpartat l-istejjer.

 

Barra minn hekk, dawn huma xi affarijiet essenzjali li għandek tippakkja biex kollox jimxi ħarir:

 

  • Ħadd ma jieħu pjaċir jieħu doċċa bix-xagħar ta' ħaddieħor ma' saqajh jew jissogra li jaqbdu xi fungus. Għalhekk ħu flip-flops miegħek! Ovvjament, mhux dawk l-għaljin tal-ġilda, ġodda fjamanti, iżda dawk l-irħas tal-plastik li ma jiġrilhom xejn fl-ilma u s-sapun.
  • Li toqgħod tqum billejl għax tibża' li xi ħadd ikun qed jisraqlek l-affarijiet jista' jħassarlek il-vaganzi (aħseb u ara jekk jisirquk fil-fatt), allura lesti katnazz għall-bagalja, u l-basket, jew biex taqfel l-affarijiet personali mas-sodda. Żomm il-kartiera , passaport, telefown u oġġetti oħra ta’ valur taħt l-imħadda jew inkella fuq persuntek.
  • Meta jkollok lil xi ħadd jonħor il-lejl kollu tispiċċa tiddispra: Ikun aħjar għal kulħadd jekk ikollok par saddieda tal-widnejn (earplugs) biex tibblokka l-ħoss (ps: Jekk taf li inti tonħor u xorta tixtieq toqgħod f’ħostel, se tmur tajjeb ma' kulħadd jekk tqassam xi earplugs lill-oħrajn).
  • Ħu x-xugamani miegħek — jekk tkun tista’ — lożor jew sleeping bag. Xi ħostels jipprovduhom iżda mhux kollha u mhux kollha jaħsluhom tajjeb wisq. Barra minn hekk, normalment ikollok tħallas xi ħaġa iktar għal kiri ta’ xugamani u lożor.
  • Xi wħud iħossu li għandhom jixgħelu d-dwal kollha meta jaslu lura minn barra billejl — u dan lejliet meta jkollok tqum kmieni biex taqbad l-ajruplan; maskra tal-irqad tista’ tiffrankalek li jqajmuk. 

 

U fl-aħħar iżda mhux l-inqas: Iċċekkja r-rivisti tal-ħostel fejn qed tippjana li tmur; Dan huwa l-aħjar mod biex tevita xi sorpriża kerha!