Portal Ghaz-Żgħażagħ Ewropej

Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

Group of young people
© shutterstock.com - Petrenko_Andriy

Ibqa' qawwi u sħiħ matul il-vjaġġ tiegħek!

Sejjer fejn sejjer u ma' min sejjer, li tibqa' qawwi u sħiħ hu essenzjali. Iċċekkja dawn il-pariri u aċċerta ruħek li l-vjaġġ tiegħek ma jirrovinax ruħu.

1. Ħu ħsieb saħħtek: ftakar li tieħu miegħek il-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) . Tista' tiddawnlowdja bla ħlas l-app tal-EHIC biex tgħinek tikkuntattja s-servizzi ta' għajnuna fil-pajjiż li tkun qed iżżur. Jekk sejjer f'pajjiż barra l-Ewropa, jew f'pajjiż li mhux kopert mill-EHIC, aħseb biex tagħmel assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar. Għandek iġġorr ukoll miegħek kitt bażiku tal-ewwel għajnuna, jodju, pakketti ta' alkoħol, eċċ.

 

F'każ ta' emerġenza fi kwalunkwe pajjiż tal-UE ċempel 112 minn kull telefown, bla ħlas. L-operaturi jitkellmu diversi lingwi, jiddependi mill-pajjiż.

 

Jekk qed tivvjaġġa lejn lokalità eżotika, żur it-tabib tiegħek qabel titlaq sabiex tieħu t-tilqim meħtieġ kollu u ssir taf xi prekawżjonijiet tas-saħħa għandek tieħu.

 

2. Kun af drittijietek: ma tagħmilx differenza jekk tivvjaġġax bil-ferrovija, bl-ajru, b'tal-linja jew bil-vapur fl-UE għandek id-drittijiet tal-passiġġieri biex jipproteġuk f'każ li tesperjenza dewmien, kanċellazzjonijiet jew għandek bżonnijiet speċjali għall-mobilità. Tista' tiddawnlowdja l-app għall-mowbajl dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.

 

3. Iżżommx flusek kollha fl-istess post: meta tkun qed tivvjaġġa, iżżommx il-flus kontanti u l-kards ta' kreditu tiegħek kollha flimkien, ħalli tal-anqas kard waħda u xi ftit flus kontanti f'post differenti, preferibbilment mhux fuq persuntek. Jekk waħda mill-kards ta' kreditu tiegħek tinsteraqlek jew tintiliflek, qis li tirrapporta dan lill-pulizija u li tikkuntattja lill-bank li ħariġha malajr kemm jista' jkun biex tikkanċella l-kard.

 

4. Iżżommx il-kartiera tiegħek fil-but ta' wara: biex tevita li tinsteraq mill-but tal-qalziet, żomm il-kartiera tiegħek f'wieħed mill-bwiet ta' quddiem jew ta' ġewwa, b'mod speċjali f'wieħed li jista' jinqafel.

 

5. Issejvja d-dokumenti tiegħek onlajn: skenja d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħek, bħall-ID, il-passaport jew il-viżi u ibgħathom b'email lilek innifsek. B'dan il-mod dejjem tista' taċċesshom f'każ li titlef l-oriġinali. Jekk titlef l-ID kard jew il-passaport, jew jekk jinsteraqlek, mur għand il-pulizija u kkuntattja l-eqreb konsulat jew ambaxxata.

 

6. Oqgħod attent minn persuni li ma tafx: stabbilixxi limiti dwar kemm tista' tafda lil min ma tafx, bħal meta tmur magħhom f'żona riskjuża f'belt jew meta taċċetta ikel jew xorb. Ukoll, taċċettax pakketti jew rigali mingħand persuni li ma tafx akkost ta' kollox.

 

7. Tiddandanx b'ġidek: tkun fejn tkun dan hu kważi ovvju, iżda b'mod speċjali f'postijiet li ma tafx, mhux galbu li tiddandan b'ġojjelli jew ħwejjeġ għaljin jew iġġorr kamera tar-ritratti kbira kollha xinxilli madwar għonqok. Għalhekk ipprova evita li tattira attenzjoni żejda u tagħmel lilek innifsek il-mira għall-ħallelin.

 

8. Tafdax ħwejġek minn taħt għajnejk: hu wkoll ovvju tassew li meta tkun fi spazji pubbliċi ma għandekx tħalli l-bagalji ma' saqajk jew imdendlin ma' dahar is-siġġijiet. Għandek tikteb ismek u l-kuntatt tiegħek fuq il-bagalji u tabbandunax il-lagiġ tiegħek sakemm jiġi ċċekkjat.

 

9. Tirreżistix lura: jekk sfortunatament tiġi aggredit, agħti l-kartiera, l-arloġġ, il-mowbajl tiegħek, eċċ. Jekk tipprova tirreżisti lura tirriskja li tindarab.

 

10. Oqgħod attent fejn tuża l-karta tal-kreditu tiegħek: il-kompjuters pubbliċi, bħal dawk tal-internet cafes jista' jkollhom softwer li jirrikordjaw l-għafsiet tal-buttuni, biex b'hekk il-passwords tiegħek ikunu jistgħu jintużaw minn ħaddieħor.

 

11. Żomm kuntatt: qis li żżomm kuntatt b'mod regolari mal-familja tiegħek u li huma jkunu jafu l-itinerarju tiegħek. B'dan il-mod, jekk jinqalagħlek xi ħaġa jkunu jafu fejn għandhom ifittxuk. Bi ħlasijiet orħos għar-roaming u l-konnessjoni tal-internet disponibbli kważi kullimkien, li żżomm kuntatt sar ħafna aktar faċli.

 

12. Agħmel il-homework tiegħek: aqra dwar id-destinazzjoni tiegħek biex tqis li tkun informat dwar il-preokkupazzjonijiet ta' sikurezza, id-drawwiet lokali, l-inħawi li għandek tevita, eċċ.

 

13. Kun għaqli meta tuża t-trasport pubbliku: oqgħod attent f'subways, stazzjonijiet tal-ferrovija, liftijiet, siti turistiċi, swieq iffullati u kwalunkwe post ieħor b'ammont kbir ta' nies. Żomm profil baxx u tagħtix l-impressjoni li tinsab mitluf, agħti l-impressjoni li tinsab konfidenti anki jekk fil-fatt tkun tassew mitluf.  Ukoll, mhux rikkmandat li tieħu taksis li ma jkunux uffiċjali.

 

Apparti mill-pariri dwar l-ivvjaġġar sikur, tinsiex l-aktar wieħed importanti: tħallix is-sens komun warajk f'pajjiżek!