Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

DiscoverEU


DiscoverEU




Għandek 18-il sena u int ċittadin tal-Unjoni Ewropea? Ipprepara ruħek biex tesplora l-Ewropa!

 

X’inhi DiscoverEU?

DiscoverEU hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tagħtik l-opportunità li tivvjaġġa madwar l-Ewropa. Billi tivvjaġġa prinċipalment bil-ferrovija (hemm eċċezzjonijiet biex dawk li jgħixu fuq gżejjer jew f’żoni remoti jkunu jistgħu jieħdu sehem), se tiskopri l-pajsaġġi Ewropej impressjonanti u l-varjetà bla tmiem ta’ bliet u rħula. Dan il-vjaġġ se jagħtik ukoll l-opportunità biex tiltaqa’ ma’ vjaġġaturi li jaħsbuha bl-istess mod, issir aktar indipendenti u kunfidenti kif ukoll tesplora l-identità tiegħek tal-UE. Iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw matul iż-żewġ rounds ta’ applikazzjoni li jsiru kull sena u l-Unjoni Ewropea tagħti lil dawk magħżula pass tal-ivvjaġġar.  

 

Meta se  jsir r-round li jmiss?

Kważi 30 000 żagħżugħ u żagħżugħa ngħataw pass tal-ivvjaġġar fl-2018. Se tiftaħ round oħra mit-2 ta’ Mejju f’12:00 (CEST) sas-16 ta’ Mejju 2018 f’12:00 (CEST). Il-buttuna “Applika Issa” se tidher f’din il-paġna fid-D-Day!

 

Biex tkun eliġibbli, trid tkun twelidt bejn it-2 ta’ Lulju 2000 (inkluż) u l-1 ta’ Lulju 2001 (inkluż), ikollok nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fi żmien tal-għoti tad-deċiżjoni, u timla n-numru korrett tal-ID jew il-passaport fil-formola tal-applikazzjoni online. Kulma għandek tagħmel hu li tieħu sehem fil-kwiżż u tirrispondi mistoqsija sussidjarja. Jekk tintgħażel, tista’ tivvjaġġa għal perjodu minimu ta’ jum wieħed u sa 30 jum bejn l-1 ta’ Awwissu 2019 u l-31 ta’ Jannar 2020. Għaliex ma taħtafx din l-opportunità biex tesperjenza l-libertà tal-moviment, tifhem aħjar id-diversità tal-Ewropa, tgawdi r-rikkezza kulturali tagħha, tagħmel ħbieb ġodda u fl-aħħar mill-aħħar, tiskopri lilek innifsek?

Innota li jekk għandek diżabbiltà jew problema ta’ saħħa li tagħmel il-vjaġġ tiegħek diffiċli, għandna kundizzjonijiet speċjali biex ngħinuk tieħu sehem f’DiscoverEU.

 

Nista’ nivvjaġġa ma’ sħabi?

Iva tista'! Int biss trid tiddeċiedi. Tista’ tmur waħdek jew iġġib il-ħbieb tiegħek. Fil-fatt, tista’ żżid sa 4 ħbieb fil-grupp tiegħek. Il-membri kollha tal-grupp irid ikollhom 18-il sena.

Tista’ torganizza wkoll laqgħat u tikkombina pjanijiet tal-ivvjaġġar ma’ vjaġġaturi oħrajn ta’ DiscoverEU! Il-Grupp ta’ Facebook ta’ DiscoverEU hu pjattaforma tajba biex tagħmel dan. Ingħaqad mal-Grupp issa biex tiċċettja ma’ parteċipanti oħra.

 
 ‘Hemm dinja sħiħa hemm barra. Ippakkja l-backpack, l-aktar ħabib tiegħek u mur.”

 

X’inhu mistenni minni?

Meta ssir Ambaxxatur ta’ DiscoverEU, inti tiġi mistieden tirrapporta dwar l-esperjenzi tiegħek tal-ivvjaġġar, permezz tal-għodod tal-midja soċjali bħal Instagram, Facebook jew Twitter billi tuża #DiscoverEU. Tista’ wkoll tagħti preżentazzjoni fl-iskola tiegħek jew fil-komunità lokali tiegħek. Barra minn hekk, tista’ tipparteċipa wkoll fid-#DiscoverEU photo/video #Competition u tirbaħ premjijiet sbieħ.

 

Nixtieq inkun naf aktar!

Interessat f’dawn l-aħħar rounds ta’ applikazzjonijiet? Iċċekkja l-iskeda informattiva ta’ DiscoverEU biex taqra aktar dwar l-inizjattiva u l-esperjenzi ta’ xi wħud miż-żgħażagħ vjaġġaturi tagħna.

 

L-Ewropa qed tistenniek. Ħu l-ewwel pass.

 

Filmat TEDx ta’ ispirazzjoni minn Vincent-Immanuel Herr

#FreeInterrail - A Vision of a Europe for All | Vincent-Immanuel Herr | TEDxOTHRegensburg

 

 

Teħtieġ aktar informazzjoni?

Jekk għandek mistoqsija dwar DiscoverEU, jekk jogħġbok iċċekkja t-tweġibiet fil-paġna tal-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs). Jekk din il-paġna ma tipprovdilekx l-informazzjoni meħtieġa, jekk jogħġbok ikkuntattjana direttament billi tikklikkja “Staqsina!” Naspiraw li nwieġbu l-mistoqsijiet kollha fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol.
Staqsina!