Portal Ewropew taż-Żgħażagħ
Informazzjoni u opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

DiscoverEU


DiscoverEU




X’inhi DiscoverEU?

Għandek 18-il sena? Tħossok lest għal avventura? Jekk iva, kun lest biex tesplora l-Ewropa billi tingħaqad ma’ DiscoverEU, inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ li jivvjaġġaw fl-Ewropa.

Matul l-ewwel serje ta’ applikazzjonijiet f'Ġunju 2018 applikaw 100,480 ċittadin żagħżugħ u żagħżugħa u tal-inqas 15,000 żagħżugħ u żagħżugħa ngħataw pass tal-ivvjaġġar. Iċċekkja l-iskeda informattiva ta’ DiscoverEU biex taqra aktar dwar l-inizjattiva u l-esperjenzi ta’ xi wħud miż-żgħażagħ vjaġġaturi tagħna.

Matul it-tieni serje ta’ applikazzjonijiet, li se ssir bejn il-Ħamis 29 ta’ Novembru f’12:00 (CET) u t-Tlieta 11 ta’ Diċembru f’12:00 (CET), tal-inqas 12,000 żagħżugħ u żagħżugħa se jingħataw l-opportunità li jivvjaġġaw mal-Ewropa kollha

Fil-biċċa l-kbira se tivvjaġġa bil-ferrovija, li tippermettilek tassorbixxi l-varjetà ma tispiċċa qatt ta’ rħula u pajsaġġi meraviljużi li l-kontinent tagħna għandu x’joffri.

Biex niżguraw aċċess wiesa’ fil-kontinent kollu, il-pass tal-ivvjaġġar se joffri wkoll alternattivi bħall-karozzi tal-linja jew il-ferries. F’każijiet eċċezzjonali u meta ma jkun hemm ebda mezz ta’ trasport ieħor, se tkun tista’ taqbad l-ajruplan. Dan se jiżgura li ż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni remoti jew fuq gżejjer ikollhom ukoll iċ-ċans li jieħdu sehem.

Il-wirt kulturali Ewropew jiġi f’ħafna għamliet u forom. Żur li-Kapitali Ewropea tal-Kultura pereżempju (taf liema żewġt ibliet għandhom l-unur tal-Bliet Kapitali tal-Kultura fl-2018?). Tista’ tmur f’wieħed mill-ħafna festivals jew spettakli tal-arti. Jew forsi tippreferi timraħ f’mużewijiet jew tmur fuq vjaġġ f’park naturali? Hemm ħafna x’tiskopri!

Għaliex ma taħtafx din l-opportunità biex tesperjenza l-libertà tal-moviment, tifhem aħjar id-diversità tal-Ewropa, tgawdi r-rikkezza kulturali tagħha, tagħmel ħbieb ġodda u fl-aħħar mill-aħħar, tiskopri lilek innifsek.

 

Min jista’ japplika?

Tista’ tapplika biss jekk:

  • għandek 18-il sena fil-31 ta’ Diċembru 2018 jiġifieri dawk li twieldu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 (inkluż) u l-31 ta’ Diċembru 2000 (inkluż);
  • għandek in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni ta’ għoti (mistennija f’nofs Jannar 2019);
  • timla n-numru tal-ID jew tal-passaport tiegħek b’mod korrett fil-formola tal-applikazzjoni online;

Jekk tintgħażel, tista’ tivvjaġġa biss jekk:

  • tibda l-vjaġġ tiegħek f’pajjiż li huwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti;
  • qed tippjana li tivvjaġġa bejn jum wieħed u mhux aktar minn 30 jum;
  • qed tippjana li tivvjaġġa bejn il-15 ta’ April 2019 (l-ewwel data tat-tluq) u l-31 ta’ Ottubru 2019 (l-aħħar data tar-ritorn);
  • tippjana li tivvjaġġa f’minn tal-inqas pajjiż barrani wieħed li huwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti;
  • lest li ssir Ambaxxatur ta’ DiscoverEU.

Nota: Jekk ivvjaġġajt ma’ DiscoverEU fl-ewwel serje ta’ applikazzjonijiet tal-2018, m’intix eleġibbli li tapplika għal din is-serje.

Iż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali huma mistiedna jipparteċipaw f’DiscoverEU. Dawn se jingħataw għajnuna b’informazzjoni u pariri, u l-ispejjeż tal-assistenza speċjali (persuna li takkumpanja, kelb għall-persuni neqsin mid-dawl, eċċ.) għandu mnejn jiġu koperti.

 

Meta u kif tapplika?

Is-serje ta’ applikazzjonijiet se ssir bejn il-Ħamis 29 ta’ Novembru f’12:00 (CET) u t-Tlieta 11 ta’ Diċembru f’12:00 (CET).

Se jkollok tagħti d-data personali tiegħek u tagħti aktar dettalji dwar kif se tipprepara għall-vjaġġ tiegħek. Se jkollok twieġeb 5 mistoqsijiet ta’ kwizz b'għażla multipla dwar il-kultura u d-diversità tal-Ewropa kif ukoll dwar l-inizjattivi dwar iż-żgħażagħ tal-UE li għandhom fil-mira liż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, se jkollok twieġeb il-mistoqsija sussidjarja, li se tippermetti lill-Kummissjoni Ewropea li tikklassifika lill-applikanti f’każ li jkun hemm wisq applikazzjonijiet. Prattikament, sabiex tibda l-applikazzjoni tiegħek, se jkollok tikklikkja fuq il-buttuna “Applika issa” li se tidher fir-rokna ta’ fuq fil-lemin ta’ din il-paġna ladarba jibda l-perjodu ta’ applikazzjoni.

 

Nista’ nivvjaġġa ma’ sħabi?

Meta timla l-applikazzjoni tiegħek, tista’ tistieden sa 4 persuni addizzjonali biex jingħaqdu mal-grupp tiegħek (mhux iktar minn 5 persuni kull grupp). Trid timla l-formola ta’ applikazzjoni, tipparteċipa fil-kwizz u twieġeb il-mistoqsija sussidjarja. Imbagħad, meta tissottometti l-applikazzjoni, se jidher kodiċi fuq l-iskrin li jrid jingħata lill-membri l-oħra tal-grupp. Dan il-kodiċi jippermetti lill-membri tal-grupp li jirreġistraw mal-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej u li jimlew id-data personali tagħhom. Il-membri kollha tal-grupp irid ikollhom 18-il sena.

Attent: Jista’ jkun li int tingħata pass tal-ivvjaġġar, iżda l-membri tiegħek jibqgħu b'xejn. Dan iseħħ jekk huma ma jimlewx l-applikazzjoni tagħhom permezz tal-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej qabel ma jagħlaq il-perjodu ta’ applikazzjoni.

Kun af li tista’ torganizza laqgħat u tikkombina pjanijiet tal-ivvjaġġar ma’ vjaġġaturi oħrajn ta’ DiscoverEU! Il-Grupp ta’ Facebook ta’ DiscoverEU hu pjattaforma tajba biex tagħmel dan. 

 

Opzjoni għal ivvjaġġar flessibbli u opzjoni għal ivvjaġġar fiss, x’inhi d-differenza?

Jekk tintgħażel, se tintalab timla formola tal-ibbukkjar online. Fiha tista’ tagħżel bejn opzjoni għal ivvjaġġar flessibbli u opzjoni għal ivvjaġġar fiss. X’inhi d-differenza bejniethom?

Opzjoni għal ivvjaġġar flessibbli

Opzjoni għal ivvjaġġar fiss

Id-dati li se tivvjaġġa fihom jibqgħu flessibbli. Madankollu, kun af li l-Pass tal-Ivvjaġġar għandu “data tal-bidu”. Minn din id-data tal-bidu ‘l quddiem, il-Pass tal-Ivvjaġġar se jkun validu għal xahar.

Se jkollok tagħżel dati tal-ivvjaġġar fissi u destinazzjonijiet fissi li ma jistgħux jinbidlu wara li tissottometti l-formola tal-ibbukkjar tiegħek.

Se tkun tista’ tivvjaġġa fuq perjodu ta’ xahar, u tivvjaġġa b'mod fiżiku f’numru fiss ta’ ġranet tal-ivvjaġġar (dan ifisser li int tista’ tqatta' numru fiss ta’ ġranet tal-ivvjaġġar fuq il-ferroviji). L-opzjoni għal ivvjaġġar flessibbli tippermettilek tivvjaġġa lejn ħafna pajjiżi tal-UE.

Se tkun tista’ żżur sa 2 pajjiżi li huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti. Dan ma jinkludix il-pajjiż minn fejn tibda u lanqas ma jinkludi l-pajjiżi li se tgħaddi minnhom.

Inti tista’ tivvjaġġa fi ġranet konsekuttivi, jew tista’ tifrixhom matul il-perjodu tal-ivvjaġġar. Kun avżat li hemm imnejn ikollok tirriżerva postok fuq ċerti ferroviji. Dan jista’ jkun obbligatorju f’ċerti ferroviji b’veloċità għolja jew li trid tqatta’ l-lejl fuqhom.

Il-Kummissjoni Ewropea mhux se tkopri tariffi supplimentari li hemm imnejn ikollok tħallas biex tirriżerva postok.

Hemm baġit limitat ta’ EUR 260 li għandu jiġi rispettat. Jiġifieri ara li tkun ċert li l-itinerarju li qed titlob hu fattibbli fi ħdan dak il-baġit.

 

X’qed nistennew mingħandek?

Meta ssir Ambaxxatur ta’ DiscoverEU, inti tiġi mistieden tirrapporta dwar l-esperjenzi tiegħek tal-ivvjaġġar, pereżempju permezz tal-għodod tal-midja soċjali bħal Instagram, Facebook jew Twitter billi tuża #DiscoverEU. Imma tista’ wkoll tagħti preżentazzjoni fl-iskola tiegħek jew fil-komunità lokali tiegħek. Tista’ tipparteċipa wkoll fid-#DiscoverEU photo/video #Competition u tirbaħ premjijiet sbieħ. Ispira ruħek billi tħares lejn ir-ritratti u l-vidjows mis-serje preċedenti. U, irrispettivament tiġix magħżul jew le, tinsiex tingħaqad mal-Grupp ta’ Facebook ta’ DiscoverEU!

 

L-Ewropa qed tistenniek. Ħu l-ewwel pass.

 

Filmat TEDx ta’ ispirazzjoni minn Vincent-Immanuel Herr

#FreeInterrail - A Vision of a Europe for All | Vincent-Immanuel Herr | TEDxOTHRegensburg

Video Description: 

Fatti dwar l-ewwel serje ta’ applikazzjonijiet

Tixtieq tkun taf aktar dwar l-ewwel serje ta’ applikazzjonijiet? Iċċekkja l-iskeda informattiva ta’ DiscoverEU biex taqra aktar dwar l-inizjattiva u l-esperjenzi ta’ xi wħud miż-żgħażagħ vjaġġaturi tagħna:

Teħtieġ aktar informazzjoni?

Jekk għandek mistoqsija dwar DiscoverEU, jekk jogħġbok iċċekkja t-tweġibiet fil-paġna tal-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs). Jekk din il-paġna ma tipprovdilekx l-informazzjoni meħtieġa, jekk jogħġbok ikkuntattjana direttament billi tikklikkja “Staqsina!” Naspiraw li nwieġbu l-mistoqsijiet kollha fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol.
Staqsina!