Ir-regoli tal-kompetizzjoni DiscoverEU


Ir-regoli tal-kompetizzjoni DiscoverEU


1. Deskrizzjoni

DiscoverEU hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq proposta mill-Parlament Ewropew, bl-għan li toffri liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena esperjenza ta’ vvjaġġar li tippermettilhom jieħdu vantaġġ mil-libertà tal-moviment fl-Unjoni Ewropea, jiskopru d-diversità tal-Ewropa filwaqt li jivvjaġġaw, jitgħallmu dwar il-wirt kulturali u l-istorja, jagħmlu kuntatt ma’ nies mill-kontinent kollu u fl-aħħar mill-aħħar jiskopru lilhom infushom.

Taħt din l-inizjattiva, il-Kummissjoni Ewropea se tagħżel tal-anqas 30,000 żagħżugħ u żagħżugħa tal-età ta' 18-il sena fit-30 ta’ Ġunju 2020. Iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Il-perjodu tal-applikazzjoni se jkun miftuħ mill-Ħamis 12 ta’ Marzu 2020 f’12:00 CET sal-Ħamis 26 ta’ Marzu 2020 f’12:00 CET.

Il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi liż-żgħażagħ li jintgħażlu passes tal-ivvjaġġar biex jesploraw l-Unjoni Ewropea bejn l-1 ta’ Lulju 2020 u t-28 ta’ Frar 2021 għal perjodu massimu ta’ xahar.

Bħala regola bażika, l-applikanti magħżula se jivvjaġġaw bil-ferrovija. Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-usa’ aċċess possibbli, il-proġett għandu joffri modi alternattivi ta’ trasport bħal ferries u coaches meta jkun hemm bżonn, filwaqt li jitqiesu l-aspetti ambjentali, ta’ ħin u ta’ distanza.

F’każijiet eċċezzjonali, u meta ma jkun hemm ebda mezz ta’ trasport ieħor, se jkun permess l-ivvjaġġar bl-ajruplan. Dan se jiżgura li ż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni remoti jew fuq gżejjer ikollhom ukoll l-opportunità li jieħdu sehem fl-inizjattiva.

2. L-applikanti eliġibbli

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti:

  • irid ikollhom 18-il sena fit-30 ta’ Ġunju 2020, jiġifieri dawk iż-żgħażagħ li twieldu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 (inkluż) u t-30 ta’ Ġunju 2002 (inkluż);
  • irid ikollhom in-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti;
  • iridu jimlew in-numru tal-ID jew tal-passaport korrett fil-formola ta’ applikazzjoni online.

Jekk jintgħażlu, l-applikanti jistgħu jivvjaġġaw biss jekk dawn:

  • jibdew il-vjaġġ tagħhom f’pajjiż li huwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti;
  • iridu jippjanaw li jivvjaġġaw bejn jum wieħed u mhux aktar minn 30 jum inkluż;
  • jippjanaw li jivvjaġġaw f’minn tal-anqas pajjiż barrani wieħed li huwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti;
  • huma lesti li jsiru Ambaxxaturi ta’ DiscoverEU

Kwalunkwe applikant li ma jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà mhux se jiġi kkunsidrat fil-proċess ta’ selezzjoni.

DiscoverEU hija azzjoni ta’ tħejjija mibdija mill-Parlament Ewropew bl-objettiv li tipprovdi opportunitajiet ta’ vvjaġġar u ta’ mobilità liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena. L-azzjoni hija speċifikament immirata lejn iż-żgħażagħ ta’ 18-il sena peress li din l-età ġeneralment timmarka pass ewlieni lejn l-età adulta u ċ-ċittadinanza Ewropea.

3. Il-proċedura ta’ applikazzjoni

Ir-rawnd ta’ applikazzjonijiet għall-inizjattiva DiscoverEU hu miftuħ permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni speċifika online fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Mhux se jkun possibbli li tibgħat applikazzjoni qabel jew wara d-data ta’ skadenza.

Hemm 7 passi f’din il-proċedura ta’ applikazzjoni:

  1. L-applikanti l-ewwel iridu jgħaddu minn verifika tal-eliġibbiltà, li timplika li huma jintalbu jimlew id-data tat-twelid u n-nazzjonalità tagħhom. Jekk id-data ma tikkonformax mar-regoli ta’ eliġibbiltà msemmija taħt il-punt 2 “Applikanti eliġibbli”, dawn mhux se jkunu jistgħu jipproċedu għall-pass li jmiss. Barra minn hekk, dawn se jintalbu wkoll li jaqblu mar-regoli tal-kompetizzjoni DiscoverEU, jaqblu li d-data personali tagħhom se tinħażen u tiġi pproċessata għall-iskop tal-kompetizzjoni DiscoverEU, u li jaqblu li jiġu kkuntattjati b’rabta ma’ DiscoverEU mill-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea għall-istess skop.
  2. L-applikanti jridu jindikaw jekk jixtiqux jivvjaġġaw waħedhom, jew fi grupp ta’ mhux aktar minn 5 persuni.
  3. L-applikanti jridu jipprovdu indirizz tal-email validu. Ladarba jagħmlu dan, huma jirċievu email awtomatika mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ biex jiġi verifikat li l-indirizz tal-email huwa validu. Din il-verifika hija meħtieġa peress li l-komunikazzjoni mal-applikanti wara s-selezzjoni se ssir bl-email. Billi titlob lill-applikanti jikkonfermaw l-indirizz tal-email tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea tipprevjeni l-użu mhux awtorizzat ta’ indirizzi tal-email minn persuni oħra.
  4. Wara l-validazzjoni tal-indirizz tal-email tagħhom, iż-żgħażagħ iridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni. L-ewwel, iridu jagħtu d-data personali tagħhom: in-nazzjonalità, id-data tat-twelid, l-isem, il-kunjom, is-sess, l-indirizz tal-email, in-numru tat-telefown, il-pajjiż ta’ residenza, ir-reġjun, l-okkupazzjoni u n-numru tal-karta tal-identità nazzjonali jew tal-passaport. Iż-żgħażagħ b’mobilità mnaqqsa u/jew b’diżabilitajiet se jkollhom il-possibilità li jindikaw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.
  5. Ladarba jimlew id-data personali tagħhom, l-applikanti kollha jridu jwieġbu kwiżż ta’ 5 mistoqsijiet b’għażla multipla dwar għarfien ġenerali fuq l-Unjoni Ewropea u dwar inizjattivi oħra tal-Unjoni Ewropea mmirati lejn iż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, huma se jintalbu jwieġbu mistoqsija sussidjarja. L-applikanti se jintgħażlu sal-baġit disponibbli u jiġu kklassifikati skont it-tweġibiet tagħhom.
  6. Fil-pass li jmiss, l-applikanti jintalbu jagħtu informazzjoni addizzjonali dwar il-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom (jiġifieri meta qed jippjanaw li jibdew il-vjaġġ tagħhom, jekk żarux diġà pajjiż tal-UE, jekk din hix l-ewwel darba li se jkunu qed jivvjaġġaw waħedhom mingħajr il-ġenituri tagħhom, dak li jixtiequ jitgħallmu minn din l-esperjenza, kif se jiffinanzjaw il-vjaġġ tagħhom u kif saru jafu dwar l-inizjattiva DiscoverEU). L-informazzjoni mdaħħla f’din it-taqsima mhijiex vinkolanti u mhu se jkollha ebda impatt fuq il-proċess ta’ selezzjoni. Id-data miġbura se tintuża għal skopijiet ta’ statistika u ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni Ewropea, bil-ħsieb li tittejjeb l-inizjattiva DiscoverEU.
  7. L-applikanti kollha jirċievu konferma bl-email permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, ladarba jkunu bagħtu l-applikazzjoni tagħhom. Din l-email tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet irreġistrata, u tkun tinkludi wkoll il-kodiċi tal-applikazzjoni u l-iskeda taż-żmien għall-komunikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ għotja.

Kulħadd se jirċievi kodiċi mas-sottomissjoni tal-formola ta’ applikazzjoni. L-applikanti għandhom iżommu dan il-kodiċi tal-applikazzjoni għal kwalunkwe komunikazzjoni addizzjonali. Jekk applikant jixtieq jistieden lil żgħażagħ oħrajn biex jingħaqdu mal-grupp tiegħu, l-applikant isir il-kap tal-grupp u jkollu jikkomunika l-kodiċi lill-membri l-oħra tal-grupp biex ikunu jistgħu jirreġistraw. Abbażi tal-kodiċi pprovdut mill-kap tal-grupp, il-bqija tal-membri tal-grupp imbagħad iridu jirreġistraw online, u jimlew id-data personali tagħhom.

Jekk jogħġbok innota li l-membri tal-grupp mhux se jkollhom għalfejn jipparteċipaw fil-kwiżż u l-mistoqsija sussidjarja peress li l-kap tal-grupp biss se jkollu jimla l-kwiżż u l-mistoqsija sussidjarja. Madankollu, huma xorta jridu jimlew id-data personali tagħhom biex jivvalidaw l-applikazzjoni tagħhom. Il-membri tal-grupp iridu jissodisfaw l-istess kriterji ta’ eliġibbiltà: irid ikollhom 18-il sena u n-nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti. Jekk l-applikanti indikaw li jixtiequ jivvjaġġaw waħedhom, xorta jistgħu jżidu ħbieb mal-applikazzjoni tagħhom wara s-sottomissjoni u qabel l-iskadenza finali, skont l-istess proċedura msemmija hawn fuq.

Applikazzjoni ta’ grupp se tiġi vvalutata bħala applikazzjoni waħda. Dawk il-membri tal-grupp li jkunu mlew il-formola tal-applikazzjoni bl-użu tal-kodiċi ipprovdut mill-kap tal-grupp biss se jiġu kkunsidrati għas-selezzjoni. Il-membri tal-grupp m’għandhomx jirreġistraw b’mod individwali.

Il-gruppi jistgħu jkunu magħmula minn persuni ta’ nazzjonalitajiet differenti li jgħixu f’postijiet differenti.

Tista’ tiġi sottomessa applikazzjoni waħda biss għal kull persuna. L-ewwel applikazzjoni rreġistrata fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ se tkun l-unika waħda li tiġi kkunsidrata fil-proċess ta’ selezzjoni. L-individwi ma jistgħux japplikaw fi gruppi differenti. Jekk fi kwalunkwe stadju, jinstabu applikazzjonijiet multipli, l-ewwel applikazzjoni biss irreġistrata fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ se tiġi kkunsidrata.

Iż-żgħażagħ li ngħataw pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU fl-ewwel rawnd ta’ applikazzjonijiet f’Novembru 2019 mhumiex eliġibbli biex jissottomettu t-tieni applikazzjoni. Dan se jiġi identifikat fl-istadju tas-sottomissjoni. Jekk fi kwalunkwe stadju matul l-implimentazzjoni tal-inizjattiva, jinstabu applikazzjonijiet minn żgħażagħ li ngħataw pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU fl-aħħar rawnd ta’ applikazzjonijiet, jew mill-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea biex jieħu ħsieb l-ibbukkjar tal-vjaġġ jew mill-Kummissjoni Ewropea nnifisha, l-applikant jiġi skwalifikat.

4. Il-Proċess ta’ Selezzjoni u l-Kriterji tal-Għotja

Hemm kwota ta’ passes tal-ivvjaġġar stabbilita għal kull pajjiż. L-allokazzjoni tal-passes tal-ivvjaġġar hija bbażata fuq is-sehem tal-popolazzjoni ta’ kull pajjiż meta mqabbel mal-popolazzjoni totali tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċess ta’ selezzjoni se jsir abbażi tan-nazzjonalità indikata mill-applikant fil-formola ta’ applikazzjoni. F’każ li jkun hemm inqas applikazzjonijiet mill-kwota nazzjonali fissa, il-passes tal-ivvjaġġar li jifdal jitqassmu bejn l-applikanti minn pajjiżi fejn ikun hemm aktar applikanti mill-kwoti fissi.

In-nazzjonalità tal-kap tal-grupp se tiddetermina n-nazzjonalità li għandha titqies għall-kalkolu tal-kwota. Jekk grupp jiġi l-aħħar fil-lista ta’ applikanti magħżula għal kull nazzjonalità u tintlaħaq il-kwota għal dik in-nazzjonalità, jintgħażel il-grupp kollu.

L-applikanti l-ewwel iridu jgħaddu mill-verifika tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, jiġifieri data tat-twelid u ċittadinanza eliġibbli kif imsemmi taħt il-punti 2 u 3. Jekk jogħġbok innota li dawn jiġu vvalutati awtomatikament matul l-applikazzjoni, u d-data pprovduta terġa’ tiġi vverifikata wkoll mill-kuntrattur maħtur mill-Kummissjoni Ewropea li jieħu ħsieb tal-ibbukkjar tal-vjaġġ. Jekk, meta jiċċekkja d-dokument tal-identità u/jew il-passaport tagħhom, il-kuntrattur isib li l-applikant ikun għamel dikjarazzjoni falza, huwa jiġi eskluż mill-kompetizzjoni.

Jekk il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà jkunu ssodisfati, imbagħad l-applikanti jridu jissodisfaw il-kriterji tal-għotja, jiġifieri jwieġbu tajjeb għall-5 mistoqsijiet b’għażla multipla u jwieġbu l-mistoqsija sussidjarja. Fil-każ ta’ gruppi, huwa biss il-kap tal-grupp li jrid iwieġeb il-5 mistoqsijiet tal-kwiżż u l-mistoqsija sussidjarja.

L-applikanti jitqiegħdu fi gruppi skont in-nazzjonalità u kklassifikati skont it-tweġibiet korretti għall-5 mistoqsijiet tal-kwiżż, u mbagħad skont it-tweġiba għall-mistoqsija sussidjarja.

Wara l-għeluq tal-perjodu tal-applikazzjoni, ir-riżultati se jiġu estratti mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u jintbagħtu lill-membri tal-kumitat tal-evalwazzjoni għall-valutazzjoni finali tagħhom.

Jekk ikun hemm wisq applikazzjonijiet (individwali jew gruppi) li jiġu kklassifikati b’mod ugwali fil-punt ta’ limitu impost mill-kwota fissa, imbagħad bħala l-aħħar għażla, il-Kummissjoni Ewropea tapplika l-prinċipju “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” biex jiġu ddeterminati l-aħħar postijiet. 

5. Il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni

Il-kumitat ta’ evalwazzjoni magħmul minn uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea se jiltaqa’ f’April 2020. Il-membri tal-kumitat se jħarsu lejn ir-riżultati tas-selezzjoni abbażi tal-kriterji tal-għotja stabbiliti hawn fuq. Se jivvalutaw u jiddeċiedu fuq il-klassifikazzjoni finali tal-applikanti magħżula li se jingħataw il-passes tal-ivvjaġġar abbażi tat-tweġibiet tagħhom tal-kwiżż u tal-mistoqsija sussidjarja, filwaqt li titqies il-kwota għal kull pajjiż. Ladarba ssir is-selezzjoni, tiġi stabbilita lista ta’ riżerva. L-applikanti f’din il-lista ta’ riżerva jistgħu jingħataw passes tal-ivvjaġġar f’każ li jkun għad fadal baġit mhux allokat jew jekk applikanti magħżula jirrinunzjaw għall-passes tal-ivvjaġġar tagħhom (ara l-punt 7).

Abbażi tal-valutazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea se tadotta d-deċiżjoni tal-għoti bl-informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ passes tal-ivvjaġġar mogħtija, il-baġit totali li qed jiġi allokat għall-passes tal-ivvjaġġar, il-lista tal-applikanti magħżula u l-lista ta’ riżerva.

6. In-notifika tar-riżultati

Bejn it-Tnejn 4 ta’ Mejju 2020 u t-Tnejn 18 ta’ Mejju 2020, l-applikanti kollha se jirċievu notifika bl-email fejn isiru jafu li:

  • intgħażlu bħala benefiċjarji (“applikanti magħżula”)
  • ma ntgħażlux u tqiegħdu fuq lista ta’ riżerva

Meta l-applikanti magħżula jiġu notifikati, il-lista ta’ dawk magħżula se tintbagħat lill-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea li se jieħu ħsieb tal-ibbukkjar tal-vjaġġi. Imbagħad tiġi stabbilita aktar komunikazzjoni bejn dan il-kuntrattur estern u l-applikanti magħżula. Fil-punt 8 hemm aktar informazzjoni.

L-applikanti se jkunu jistgħu wkoll jivverifikaw fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ jekk ikunux intgħażlu jew le permezz tal-kodiċi ta’ applikazzjoni tagħhom.

7. Il-lista ta’ riżerva

L-applikanti kollha li ma jintgħażlux se jitpoġġew fuq lista ta’ riżerva f’ordni dixxendenti tal-klassifikazzjoni tagħhom skont it-tweġibiet tagħhom għall-kwiżż u għall-mistoqsija sussidjarja. F’każ li xi applikanti magħżula jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom jew jekk il-valur tal-passes tal-ivvjaġġar mogħtija jkun inqas mill-baġit disponibbli, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti passes tal-ivvjaġġar lill-applikanti fil-lista ta’ riżerva sakemm jintuża l-baġit kollu disponibbli. Il-konsum tal-baġit jiġi rivedut kull xahar.

L-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ma toħloq ebda intitolament fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea u ma tiggarantixxix li l-applikanti se jintgħażlu fi stadju iktar tard.

L-applikanti mhux magħżula fil-lista ta’ riżerva jistgħu jiġu kkuntattjati mill-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea biex jirranġa l-ibbukkjar tal-ivvjaġġar bi stedina biex jirreġistraw fil-pjattaforma tal-ibbukkjar. Dawk ikkuntattjati lejn tmiem il-proġett, minħabba li huma fil-lista ta’ riżerva, ma jistgħux jitolbu rimborż għal vjaġġi li jkunu saru qabel l-istedina, u lanqas ma jistgħu jitolbu estensjoni tal-perjodu tal-ivvjaġġar.

8. L-ibbukkjar tal-biljetti tal-ivvjaġġar u d-dati għall-ivvjaġġar

L-applikanti magħżula għandhom jibdew il-vjaġġ tagħhom f’pajjiż li huwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti. Il-vjaġġi għandhom jinkludu l-ivvjaġġar f’minn tal-anqas pajjiż wieħed li huwa Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għotja u li huwa differenti mill-pajjiż tat-tluq. Iż-żgħażagħ jistgħu jivvjaġġaw bejn jum u mhux aktar minn xahar inkluż. Il-perjodu tal-vjaġġ għandu jkun bejn l-1 ta’ Lulju 2020 u t-28 ta’ Frar 2021.

Il-passes tal-ivvjaġġar għall-applikanti magħżula se jiġu bbukkjati, mixtrija u mibgħuta mill-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea. L-applikanti magħżula ma għandhom, taħt ebda ċirkostanza, jibbukkjaw il-biljetti huma stess jew permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar. Il-biljetti mixtrija direttament mill-applikanti magħżula mhux se jiġu rimborżati.

Il-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea se jikkuntattja lill-applikanti magħżula u jagħtihom aċċess għal formola ta’ bbukkjar online li jridu jimlew biex jirċievu l-passes tal-ivvjaġġar tagħhom. Il-kuntrattur se jagħżel l-operaturi tat-trasport l-aktar kompetittivi u adatti.

Bħala regola bażika, l-applikanti magħżula se jkollhom l-għażla bejn iż-2 opzjonijiet ta’ vjaġġar li ġejjin:

Opzjoni ta’ vvjaġġar flessibbli Opzjoni ta’ vvjaġġar fissa
Id-dati li fihom l-applikanti magħżula jivvjaġġaw jibqgħu flessibbli. Madankollu, innota li l-Pass tal-Ivvjaġġar se jkollu “data tal-bidu”. Minn din id-data tal-bidu ’l quddiem, il-Pass tal-Ivvjaġġar se jkun validu għal xahar. L-applikanti magħżula se jikkomunikaw lill-kuntrattur l-itinerarju tal-vjaġġ li jixtiequ jagħmlu bil-jiem u l-ħinijiet fissi tal-ivvjaġġar u d-destinazzjonijiet predefiniti. Id-dati tal-ivvjaġġar ma jistgħux jiġu modifikat ladarba l-parteċipant ikun issottometta l-formola tal-ibbukkjar. L-ivvjaġġar għandu jsir f’perjodu ta’ mhux aktar minn xahar.
L-applikanti magħżula se jkunu jistgħu jivvjaġġaw fuq perjodu ta’ mhux aktar minn xahar, b’numru fiss ta’ jiem ta’ vvjaġġar. L-opzjoni tal-ivvjaġġar flessibbli tippermetti lill-applikanti magħżula biex jivvjaġġaw lejn il-pajjiżi tal-UE eliġibbli kollha li jixtiequ. L-applikanti magħżula se jkunu jistgħu jżuru sa 2 pajjiżi li huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti (dan ma jinkludix l-Istat Membru tat-tluq tagħhom u l-Istati Membri li jgħaddu minnhom) fuq perjodu massimu ta’ xahar.
L-applikanti magħżula jistgħu jivvjaġġaw f’jiem konsekuttivi, jew jistgħu jxerrduhom matul il-perjodu tal-ivvjaġġar. Huma jistgħu jivvjaġġaw fuq ferroviji operati minn kumpaniji ferrovjarji Ewropej kif ukoll fuq ferries u mezzi oħra ta’ trasport magħżula mill-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea. Jekk jogħġbok innota li ċerti ferroviji jistgħu jeħtieġu prenotazzjoni. F’dawn il-każijiet, l-applikanti magħżula jridu jagħmlu l-prenotazzjonijiet tal-ferrovija huma stess qabel jew matul il-perjodu tal-ivvjaġġar tagħhom. Ebda suppliment għall-prenotazzjonijiet tal-ferrovija jew spiża oħra li wieħed jiltaqa’ magħha matul il-vjaġġ mhi se tiġi koperta mill-Kummissjoni Ewropea. Ma hemm ebda spiża ta’ prenotazzjoni relatata mal-opzjoni tal-ivvjaġġar fissa, iżda hemm limitu tal-baġit ta’ €258 li għandu jiġi rispettat. L-applikanti magħżula għandhom jiżguraw li l-itinerarju tagħhom huwa fattibbli.

 

Għaż-żewġ opzjonijiet:

  • Hemm limitu tal-baġit ta’ €258 li jrid jiġi rispettat ħlief f’każijiet eċċezzjonali kif deskritt hawn taħt.
  • Il-kanċellazzjonijiet u l-modifiki tal-itinerarji mhumiex appoġġjati.
  • Ebda suppliment jew spiża oħra li wieħed jiltaqa’ magħha matul il-vjaġġ mhi se tiġi koperta mill-Kummissjoni Ewropea.

L-applikanti magħżula li jridu jivvjaġġaw lejn Ċipru, Malta u l-Irlanda għandhom jinfurmaw lill-kuntrattur. Se tiġi applikata l-kwota msemmija fl-Anness I għal dawk li jivvjaġġaw minn Ċipru, Malta u l-Irlanda. Se tiġi applikata din il-kwota għal tliet darbiet għall-applikanti magħżula li jridu jivvjaġġaw lejn Ċipru, Malta u l-Irlanda, u l-biljetti tal-ajru se jiġu bbukkjati fuq il-bażi ta’ “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”.

Se tiġi applikata deroga għar-rekwiżit tal-perjodu tal-ivvjaġġar għaż-żgħażagħ li jgħixu fi Stati Membri b’servizz ċivili jew militari obbligatorju. F’dan il-każ, il-perjodu tal-ivvjaġġar jiġi estiż għal 6 xhur wara tmiem id-dmirijiet legali tagħhom.

9. Il-mezzi ta’ trasport

Bħala regola bażika, l-applikanti magħżula se jivvjaġġaw bil-ferrovija. Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-usa’ aċċess possibbli, il-proġett għandu joffri modi alternattivi ta’ trasport bħal ferries u coaches meta jkun hemm bżonn, filwaqt li jitqiesu l-aspetti ambjentali, ta’ ħin u ta’ distanza. L-ivvjaġġar se jkun fit-tieni klassi.

F’każijiet speċjali biss, jista’ jiġi permess vjaġġar bl-ajruplan. Dan huwa l-każ għal dawk iż-żgħażagħ li jgħixu:

  1. Fid-disa’ reġjuni ultraperiferiċi (eż. Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, la Réunion, Mayotte, Saint-Martin, Madejra, l-Azores u l-Gżejjer Kanarji);
  2. F’pajjiżi/reġjuni li mhumiex aċċessibbli bil-mezzi ta’ trasport imsemmija qabel (networks tal-ferrovija, ferry u coaches);
  3. Meta ż-żgħażagħ ikollhom jivvjaġġaw aktar minn 18-il siegħa bl-art jew bil-baħar qabel ma jaqsmu l-fruntiera tal-pajjiż tat-tluq tal-vjaġġ tagħhom.

Il-vjaġġ ’il barra u ’l ġewwa tagħhom biss jista’ jkun titjira. Għall-bqija tal-vjaġġ tagħhom, il-parteċipanti huma mitluba jivvjaġġaw skont ir-regola bażika (ferrovija jew mezzi tat-trasport alternattivi oħra).

Żgħażagħ minn reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jagħżlu kwalunkwe destinazzjoni li taqbel mar-rekwiżiti stabbiliti. L-applikanti magħżula li jixtiequ jivvjaġġaw lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jagħmlu dan, jekk il-vjaġġ tagħhom ikun fil-limitu tal-baġit ta’ €258.

L-applikanti magħżula li huma residenti jew f’Ċipru, f’Malta jew fl-Irlanda jistgħu jivvjaġġaw bl-ajruplan.

10. Il-valur massimu tal-biljetti tal-ivvjaġġar

L-applikanti magħżula se jingħataw biss il-passes tal-ivvjaġġar lejn id-destinazzjoni magħżula. L-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, tas-sussistenza, tal-assigurazzjoni, tas-supplimenti tal-ivvjaġġar jew spejjeż relatati oħrajn mal-vjaġġ iridu jiġu koperti mill-applikanti nfushom.

Ir-regola bażika hija li kull parteċipant magħżul se jkun intitolat għal finanzjament massimu tal-biljett tal-ivvjaġġar ta’ €258. L-ivvjaġġar jista’ jsir biss fit-tieni klassi. Madankollu, dan l-ammont jista’ jkun ogħla fil-każijiet speċifiċi msemmija hawn taħt:

  • Għall-applikanti magħżula li jivvjaġġaw mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (jiġifieri, Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, la Réunion, Mayotte, Saint-Martin, Madejra, l-Azores u l-Gżejjer Kanarji) lejn l-Ewropa kontinentali. Ladarba fl-Ewropa kontinentali, tapplika r-regola bażika;
  • Għall-applikanti magħżula ’il barra mir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija hawn fuq li jridu jivvjaġġaw bl-ajruplan lejn l-Ewropa kontinentali. Ladarba fl-Ewropa kontinentali, tapplika r-regola bażika;
  • F’xi sitwazzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ (eż. għal applikanti magħżula residenti fi gżejjer oħra li huma parti mill-UE) għandu mnejn jiġi kopert vjaġġ addizzjonali bil-ferrovija/ferry/coach;
  • Għall-applikanti magħżula b’mobilità mnaqqsa u/jew bi bżonnijiet speċjali: l-ispejjeż tal-assistenza speċjali (persuna li takkumpanja, kelb għall-persuni neqsin mid-dawl, eċċ.) għandu mnejn jiġu koperti, abbażi ta’ dokumenti xierqa għall-ġustifikazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tagħhom, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tal-pajjiż ta’ residenza.

11. L-iskeda taż-żmien

Data tal-ftuħ tar-reġistrazzjoni Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2020 (12:00 CET)
Data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni Il-Ħamis, 26 ta’ Marzu 2020 (12:00 CET)
Il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni April 2020
Notifika dwar id-Deċiżjoni tal-Għotja Mejju 2020
L-Ewwel Data tat-Tluq L-1 ta’ Lulju 2020
L-Aħħar Data tar-Ritorn It-28 ta’ Frar 2021

12. L-irtirar u l-kanċellazzjoni tal-vjaġġ mill-parteċipant magħżul

Kull pass tal-ivvjaġġar se jkun nominattiv u ma jistax jiġi trasferit lil persuna oħra taħt ebda ċirkostanza. L-isem fuq il-pass tal-ivvjaġġar ma jistax jinbidel.

Jekk parteċipant magħżul għal xi raġuni jirrifjuta qabel ma l-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea jkun ibbukkja l-pass tal-ivvjaġġar, il-post tiegħu jingħata lil xi ħadd ieħor mil-lista ta’ riżerva f’ordni dixxendenti tal-għażla. L-applikanti magħżula huma mistiedna jinfurmaw lill-kuntrattur qabel ma jibbukkjaw kwalunkwe ħaġa.

Jekk membru tal-grupp (il-kap tal-grupp jew membru tal-grupp) jirrinunzja li jivvjaġġa qabel ma l-kuntrattur tal-Kummissjoni Ewropea jkun ibbukkja l-pass tal-ivvjaġġar, din ir-rinunzja ma tipperikolax il-grupp kollu. Il-bqija tal-membri tal-grupp xorta jistgħu jivvjaġġaw kif ippjanat. Madankollu, il-persuna li tirrinunzja ma tistax tiġi sostitwita. Il-Kummissjoni Ewropea se tagħti dan il-pass tal-ivvjaġġar żejjed lil xi ħadd ieħor mil-lista ta’ riżerva f’ordni dixxendenti tal-għażla.

Huwa aċċettat li xi membri ta’ grupp eventwalment jiddeċiedu li jivvjaġġaw fuq bażi individwali u dan mhux se jaffettwa l-grupp kollu.

Ladarba jsiru l-prenotazzjonijiet, ma titħalla ssir ebda bidla fl-għażla tal-ivvjaġġar flessibbli. Għall-opzjonijiet tal-ivvjaġġar fissi, il-kanċellazzjonijiet u/jew il-modifiki huma soġġetti għat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasportatur; it-tariffi għandhom jiġu mħallsa mill-applikanti.

13. Force Majeure

F’każ li vjaġġ jiġi interrott minħabba sitwazzjonijiet eċċezzjonali imprevedibbli jew avvenimenti lil hinn mill-kontroll tal-parteċipant u mhux attribwibbli għal żball jew negliġenza min-naħa tiegħu, jista’ jingħata pass tal-ivvjaġġar ġdid. Il-kuntrattur tal-Kummissjoni Ewropea jivvaluta dawk is-sitwazzjonijiet partikolari fuq bażi ta’ każ b’każ.

14. Ir-rappurtar dwar il-vjaġġ

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tisma’ mill-applikanti magħżula u tħeġġeġ lill-vjaġġaturi żgħażagħ ta’ DiscoverEU biex jaqsmu l-esperjenzi u l-avventuri tagħhom. Ladarba jintgħażlu, l-applikanti magħżula jsiru Ambaxxaturi tal-inizjattiva DiscoverEU. Dawn huma mistiedna jirrappurtaw dwar l-esperjenzi tal-ivvjaġġar tagħhom, pereżempju permezz tal-midja soċjali bħal Instagram, Facebook u Twitter, jew billi jagħtu preżentazzjoni fl-iskola jew fil-komunità lokali tagħhom. L-applikanti huma mistiedna jingħaqdu mal-Grupp Uffiċjali tal-Facebook #DiscoverEU. Il-vjaġġaturi żgħażagħ iridu wkoll jirrapportaw fi stħarriġ mibgħut mill-kuntrattur tal-Kummissjoni Ewropea wara l-perjodu tal-ivvjaġġar tagħhom.

15. Id-dikjarazzjoni ta’ ċaħda tar-responsabbiltà

Il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi biss għall-passes tal-ivvjaġġar kif spjegat hawn fuq. Għalhekk, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, tas-sussistenza, tal-assigurazzjoni, tas-supplimenti tal-ivvjaġġar jew spejjeż relatati oħrajn mal-vjaġġ iridu jiġu koperti mill-applikanti nfushom. Il-kopertura tal-assigurazzjoni mhix provduta mill-Kummissjoni Ewropea u hija r-responsabbiltà biss tal-applikant magħżul.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-kuntrattur tagħha mhumiex responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat jew imġarrab minn xi wieħed mill-applikanti magħżula fil-kompetizzjoni, inkluż kwalunkwe dannu kkawżat lil partijiet terzi b’konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet sussidjati jew matulhom.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-kuntrattur tagħha mhumiex responsabbli għal kwalunkwe ħsara materjali, mhux materjali jew fiżika mġarrba mill-applikanti magħżula jew dawk li jakkumpanjawhom matul il-vjaġġ tagħhom lejn id-destinazzjoni tagħhom jew matul iż-żjara tagħhom.

Il-vjaġġ mixtieq huwa suġġett għal restrizzjonijiet relatati mal-baġit, iż-żmien u d-disponibbiltà tal-biljetti. Għalhekk jista’ jkun suġġett għal tibdil, u l-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea ma jistax jiggarantixxi li l-vjaġġ mixtieq ikun jista’ jitwettaq.

L-applikanti magħżula se jingħataw il-parir li jiksbu assikurazzjoni tas-saħħa u tal-ivvjaġġar xierqa għall-vjaġġ kollu. Normalment tingħata kopertura tal-assikurazzjoni tas-saħħa bażika mill-assikurazzjoni tas-saħħa nazzjonali matul il-vjaġġ ta’ DiscoverEU permezz tal-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, għandu mnejn li l-kopertura tal-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea jew l-assikurazzjoni tas-saħħa privata ma tinkludux il-każijiet kollha possibbli, speċjalment jekk ikunu meħtieġa ripatrijazzjoni jew intervent mediku speċifiku. F’dawn il-każijiet, nirrakkomandaw assikurazzjoni komplementarja.

Il-Kummissjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li timmodifika r-regoli stabbiliti taħt il-punti 10 u 11 fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali.

16. Il-Liġi Applikabbli

Din il-kompetizzjoni hija rregolata mil-liġi tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ kull tilwima li jista’ jkun hemm bejn l-Unjoni u applikant dwar l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew il-validità tar-regoli ta’ din il-kompetizzjoni, jekk tali tilwima ma tkunx tista’ tissolva b’mod amikevoli.

17. Il-Protezzjoni tad-Data

Id-data mitluba se tintuża biss għall-finijiet tas-selezzjoni tal-applikanti magħżula u biex tippermetti l-ibbukkjar tal-biljetti tal-ivvjaġġar.

Kwalunkwe data personali se tiġi pproċessata mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 (li jħassar ir-Regolament (KE) 45/2001) u skont in-“notifiki tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar” lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni Ewropea (aċċessibbli pubblikament fir-reġistru tal-UPD). Tali data se tiġi pproċessata mill-“kontrollur tad-data” tal-Kummissjoni Ewropea għall-finijiet tal-kompetizzjoni, l-implimentazzjoni u s-segwitu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

L-Istqarrija ta’ Privatezza għall-inizjattiva DiscoverEU tispjega lill-applikanti l-mod li bih l-inizjattiva tuża d-data personali u l-mod kif il-privatezza ta’ din id-data qed tiġi protetta. L-Istqarrija ta’ Privatezza għall-inizjattiva DiscoverEU tinsab f’dan il-link: https://europa.eu/youth/privacy_en

L-applikanti għandhom id-dritt li jagħmlu rikors fi kwalunkwe ħin lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

18. Ilmenti

Se tkun disponibbli formola għall-ilmenti fis-sit web tal-kuntrattur maħtur mill-Kummissjoni Ewropea li jirranġa l-ibbukkjar tal-ivvjaġġar. L-applikanti magħżula se jkunu infurmati dwar din il-possibbiltà meta jibbukkjaw il-biljetti tagħhom.