FAQs


A. IR-REGOLI

A.1 X’inhi DiscoverEU?

DiscoverEU hija inizjattiva tal-Unjoni Ewropea li tagħti liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena l-opportunità li jivvjaġġaw fl-Ewropa. Billi jivvjaġġaw primarjament bil-ferrovija (hemm eċċezzjonijiet biex jippermettu lil dawk li jgħixu fuq gżejjer jew f’żoni remoti biex jieħdu sehem), iż-żgħażagħ jiskopru l-pajsaġġi impressjonanti tal-Ewropa u l-varjetà bla tmiem ta’ bliet u rħula. Dan il-vjaġġ jagħtihom ukoll l-opportunità biex jiltaqgħu ma’ vjaġġaturi tal-istess fehma, isiru aktar indipendenti u kunfidenti kif ukoll jesploraw l-identità tagħhom tal-UE. Iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw matul iż-żewġ rawnds ta’ applikazzjonijiet li jsiru kull sena u l-Unjoni Ewropea tagħti lil dawk magħżula pass tal-ivvjaġġar.

A.2 Min jista’ jipparteċipa?

DiscoverEU hija miftuħa biss għaż-żgħażagħ li jkollhom l-età ta’ 18-il sena fit-30 ta’ Ġunju 2020. Dan ifisser li ż-żgħażagħ li twieldu bejn l-1 ta’ Lulju 2001 (inkluż) u t-30 ta’ Ġunju 2002 (inkluż) huma eliġibbli biex jieħdu sehem f’din l-inizjattiva. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ matul il-perjodu tal-applikazzjoni mill-Ħamis 12 ta’ Marzu 2020 f’12:00 CET sal-Ħamis 26 ta’ Marzu 2020 f’12:00 CET.

A.3 Nista’ nipparteċipa jekk diġà vvjaġġajt b’pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU fir-rawnd ta’ applikazzjonijiet ta’ Novembru 2019?

Iż-żgħażagħ li vvjaġġaw permezz ta’ DiscoverEU fir-rawnd ta’ applikazzjonijiet ta’ Novembru 2019 mhumiex eliġibbli biex jissottomettu t-tieni applikazzjoni. F’każ li jagħmlu dan, dan se jiġi skopert fl-istadju tas-sottomissjoni. Jekk fi kwalunkwe stadju matul l-implimentazzjoni tal-inizjattiva, jinstabu applikazzjonijiet minn żgħażagħ li ngħataw pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU fir-rawnd ta’ applikazzjonijiet ta’ Novembru 2019, jew mill-kuntrattur estern nominat mill-Kummissjoni Ewropea biex jieħu ħsieb l-ibbukkjar tal-ivvjaġġar jew mill-Kummissjoni Ewropea nnifisha, l-applikant jiġi skwalifikat. Madankollu, l-applikanti tar-rawnd ta’ applikazzjonijiet ta’ Novembru 2019 , li għad għandhom 18-il sena fit-30 ta’ Ġunju 2020, jistgħu jipparteċipaw ukoll f’dan ir-rawnd, jekk:

  • ma kinux magħżula f’dak ir-rawnd;
  • huma ntagħżlu iżda kkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom qabel ma vvjaġġaw.

A.4 Għaliex l-inizjattiva hi aċċessibbli biss għaż-żgħażagħ ta’ 18-il sena?

Meta l-Parlament Ewropew stabbilixxa din l-inizjattiva huwa għażel li jiffoka fuq iż-żgħażagħ ta’ 18-il sena, peress li din l-età timmarka pass kbir lejn l-età adulta u ċ-ċittadinanza Ewropea.

A.5 Ma għandix indirizz tal-email. Nista’ napplika għal DiscoverEU?

Jekk tixtieq tapplika, irid ikollok indirizz tal-email validu. Jeżistu bosta provvedituri tal-emails bla ħlas li tista’ tuża! Kun ċert li tiftakar il-kredenzjali tiegħek peress li l-komunikazzjonijiet se jintbagħtu f’dan l-indirizz tal-email.

A.6 Membru tal-familja jew ħabib li għandu iktar minn 18-il sena jista’ jivvjaġġa miegħi?

Iva, sakemm dawn jibbukkjaw u jħallsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar huma stess. Madankollu, nagħtuk parir li ma tibbukkjax il-biljetti jew l-akkomodazzjoni bil-quddiem qabel ma jingħatalek il-pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU.

A.7 Se tingħata preferenza lil operaturi tat-trasport speċifiċi?

Le. Il-kuntrattur estern li jibbukkja l-vjaġġi jista’ jagħżel kwalunkwe mezz ta’ trasport pubbliku u kwalunkwe operatur jew linja (karrozzi privati u coaches mikrija huma, bħala regola ġenerali, esklużi).

A.8 Se nkun qed nistenna għall-passaport jew il-karta tal-ID l-ġdida tiegħi meta napplika. X’għandi nagħmel?

Meta tapplika, tista’ tuża l-passaport jew il-karta tal-identità attwali tiegħek, anke jekk dawn ikunu skadew. Madankollu, jekk tintgħażel, jeħtieġ li jkollok fil-pussess tiegħek dokument tal-identità validu (passaport jew karta tal-identità nazzjonali) meta tkun qed tibbukkja l-pass tal-ivvjaġġar tiegħek mal-kuntrattur estern u meta tivvjaġġa fl-Ewropa.

Jekk tintgħażel, aħna nirrakkomandawlek tistenna sakemm tirċievi d-dokument tal-identità l-ġdid tiegħek qabel ma tikkonferma l-ibbukkjar tiegħek. Jekk il-passaport/il-karta tal-identità tiegħek tiskadi wara t-tlestija tal-ibbukkjar tiegħek, kun ċert li jkollok il-passaport/karta tal-identità skaduta u ġdida tiegħek miegħek meta tivvjaġġa. Jista’ jkollok kopja skenjata tad-dokument tal-identità skadut tiegħek miegħek meta tkun qed tivvjaġġa.

A.9 Hemm verifika tal-identità jekk nintgħażel?

Meta timla l-formola tal-ibbukkjar, tintalab tapplowdja immaġni ta’ dokument tal-identità validu (passaport, karta tal-identità nazzjonali), jew li tiskennjah bil-kamera tal-apparat tiegħek.

A.10 X’inhu mistenni minni bħala parteċipant ta’ DiscoverEU?

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tisma’ mill-vjaġġaturi żgħażagħ u se tħeġġiġhom jaqsmu l-esperjenzi u l-avventuri tagħhom. Hu għalhekk li, ladarba jintgħażlu, il-parteċipanti kollha jsiru Ambaxxaturi ta’ DiscoverEU. Huma mistiedna jaqsmu l-esperjenzi tagħhom tal-ivvjaġġar permezz tal-midja soċjali bħal Instagram, Facebook u Twitter, jew billi jagħtu preżentazzjoni fl-iskola jew fil-komunità lokali tagħhom. Il-parteċipanti huma mistiedna jingħaqdu mal-Grupp uffiċjali tal-Facebook # DiscoverEU.

B. IL-PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

B.1 X’inhu l-proċess tal-applikazzjoni?

Biex tibbenefika mill-inizjattiva, trid tibgħat applikazzjoni għal pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU permezz ta’ https://europa.eu/youth/discovereu ladarba jiftaħ il-perjodu tal-applikazzjoni. Il-perjodu tal-applikazzjoni se jkun miftuħ bejn il-Ħamis 12 ta’ Marzu 2020 f’12:00 CET u l-Ħamis 26 ta’ Marzu 2020 f’12:00 CET. L-applikanti tar-rawnd ta’ applikazzjonijiet ta’ Novembru 2019 , li għandhom 18-il sena fit-30 ta’ Ġunju 2020, jistgħu jipparteċipaw ukoll f’dan ir-rawnd, jekk:

  • ma kinux magħżula f’dak ir-rawnd;
  • huma ntagħżlu iżda kkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom qabel ma vvjaġġaw.

Jekk trid tivvjaġġa fi grupp u tkun kap tal-grupp, l-ewwel trid tapplika u mbagħad tipprovdi lill-membri kollha tal-grupp tiegħek bil-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek. Il-membri tal-grupp iridu jużaw dan il-kodiċi biex jingħaqdu mal-grupp tiegħek online. Sabiex jintgħażlu fil-perjodu ta’ applikazzjoni msemmi hawn fuq, il-membri kollha tal-grupp irid ikollhom 18-il sena, iridu jissottomettu d-data tagħhom u jkunu eliġibbli għal DiscoverEU (ara r-regola A2). Jekk jogħġbok innota li l-membri kollha tal-grupp jistgħu japplikaw darba biss. Jekk inti tissottometti żewġ applikazzjonijiet jew aktar, l-ewwel applikazzjoni rreġistrata fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ biss se tiġi kkunsidrata għas-selezzjoni. Kwalunkwe applikazzjoni oħra mingħandek (individwalment jew fi grupp) mhux se tiġi kkunsidrata.

B.2 Kif jintgħażlu ż-żgħażagħ?

Is-selezzjoni tal-applikanti ssir permezz ta’ għodda ta’ reġistrazzjoni online disponibbli fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, kif imsemmi hawn fuq (ara r-regola B1). L-applikanti l-ewwel għandhom iwieġbu kwiżż ta’ 5 mistoqsijiet b’għażla multipla u mistoqsija sussidjarja waħda. Il-Kummissjoni Ewropea tikklassifika l-applikanti skont in-nazzjonalità wara t-tweġibiet tagħhom għall-kwiżż u l-mistoqsija sussidjarja. Se jintgħażlu tal-anqas 30,000 żagħżugħ u żagħżugħa minn fost l-applikanti li jkunu wieġbu tajjeb għall-kwiżż, u li taw l-eqreb tweġiba għall-mistoqsija sussidjarja. Iż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali (eż. b’mobilità mnaqqsa, neqsin mid-dawl, eċċ) se jkunu intitolati għal appoġġ addizzjonali.

B.3 Kif insir naf jekk ingħatajtx pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU jew jekk ninsabx fil-lista ta’ riżerva?

Meta ssir is-selezzjoni, il-membri kollha tal-grupp jirċievu r-riżultati bl-email. Jekk jogħġbok żomm kopja tal-kodiċi tal-applikazzjoni ta’ DiscoverEU tiegħek. Taqsmux ma ħaddieħor (eż. fuq il-midja soċjali) ħlief mal-kuntrattur estern awtorizzat mill-Kummissjoni Ewropea. Tista’ tiċċekkja l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Sa nofs Mejju 2020 l-applikanti kollha se jirċievu notifika. Jekk ma tintgħażilx, titqiegħed f’lista ta’ riżerva u tista’ tiġi kkuntattjat fi stadju aktar tard f’każ li xi parteċipanti magħżula oħra jiddeċiedu li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom.

B.4 Hemm kwota għal kull nazzjonalità?

Is-selezzjoni se ssir skont in-nazzjonalità u skont in-numru ta’ passes tal-ivvjaġġar allokati għal kull pajjiż. Din l-allokazzjoni hija bbażata fuq il-proporzjon tal-popolazzjoni ta’ kull pajjiż meta mqabbel mal-popolazzjoni ġenerali tal-Unjoni Ewropea. F’każ li jkun hemm inqas applikanti għal ċerti pajjiżi milli passes tal-ivvjaġġar previsti, il-passes tal-ivvjaġġar li jifdal jitqassmu b’mod ugwali fost il-pajjiżi fejn ikun hemm aktar parteċipanti mill-kwota prevista. Il-kwota għal kull pajjiż se tiġi ppubblikata flimkien mar-riżultati tas-selezzjoni.

B.5 Nista’ nivvjaġġa waħdi jew fi grupp ta’ ħbieb?

Il-parteċipanti jistgħu jivvjaġġaw waħedhom jew fi grupp ta’ mhux aktar minn 5 persuni. Inti tista’ tindika dan fil-formola ta’ applikazzjoni tiegħek. F’każ li tiddeċiedi li tivvjaġġa bħala parti minn grupp, irid jinħatar kap tal-grupp f’isem il-grupp qabel ma tissottometti kwalunkwe applikazzjoni. Il-kap tal-grupp jimla l-formola tal-applikazzjoni u jwieġeb għall-kwiżż u l-mistoqsija sussidjarja. Il-kap jirċievi kodiċi meta jibgħat l-applikazzjoni, li mbagħad irid jikkomunikah lil mhux aktar minn 4 membri addizzjonali tal-grupp biex jippermetti r-reġistrazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tal-kodiċi pprovdut mill-kap tal-grupp, il-bqija tal-membri tal-grupp jistgħu mbagħad jirreġistraw online, u jimlew id-data personali tagħhom. Il-membri kollha tal-grupp iridu jikklikkjaw fuq il-buttuna “issottometti” sabiex jiġu rreġistrati.

B.6 Se jintgħażlu l-membri kollha tal-grupp?

Iva, applikazzjoni ta’ grupp tiġi vvalutata bħala applikazzjoni waħda. Jekk jogħġbok innota li dawk biss li jirreġistraw online (u huma eliġibbli biex jipparteċipaw) qabel tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni se jiġu kkunsidrati għas-selezzjoni. Grupp jista’ jkun magħmul minn massimu ta’ 5 persuni.

B.7 Jien applikajt bħala kap tal-grupp, iżda ntgħażilt jien biss. Dan kif?

Jekk inti ntgħażilt bħala l-kap tal-grupp iżda l-membri tal-grupp tiegħek ma ntgħażlux, dan ifisser li l-membri tal-grupp tiegħek ma mlewx l-applikazzjoni tagħhom fil-ħin permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, jew li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ eliġibbiltà, jew li ma kklikkjawx fuq il-buttuna “issottometti” sabiex jiġu rreġistrati fit-tmiem tal-proċess tal-applikazzjoni. Dan jista’ jfisser ukoll li ħabib jew ħbieb tiegħek ippreżenta(w) applikazzjoni multipla, f’dak il-każ tkun tqieset biss l-ewwel waħda li ġiet ippreżentata. Huma biss il-membri tal-grupp li jkunu bagħtu l-applikazzjoni tagħhom sad-data ta’ skadenza permezz tal-kodiċi pprovdut mill-kap tal-grupp li jistgħu jipparteċipaw f’DiscoverEU.

B.8 U jekk nindika li nixtieq nivvjaġġa waħdi u aktar tard inkun nixtieq nifforma grupp ma’ ħbiebi?

Il-parteċipanti kollha jistgħu jkunu kap ta’ grupp. Bħala parteċipant, inti tista’ żżid sa 4 iħbieb li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ DiscoverEU avolja tkun indikajt li tixtieq tivvjaġġa waħdek fil-formola tal-applikazzjoni. Biex tippermetti lil ħbiebek jingħaqdu mal-applikazzjoni tiegħek, inti trid tagħtihom il-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek li tirċievi bl-email. Dawn se jkollhom japplikaw matul il-perjodu ta’ applikazzjoni u jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw (ara r-regola A.2).

B.9 X’nagħmel jekk nintgħażel u nkun irrid nirtira l-parteċipazzjoni tiegħi?

Kulma għandek tagħmel huwa li tibgħat email bil-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek lill-kuntrattur estern nominat mill-Kummissjoni Ewropea biex jirranġa l-passes tal-ivvjaġġar. Dan irid isir qabel ma tibbukkja l-vjaġġ tiegħek permezz tal-formola tal-ibbukkjar. Il-pass tiegħek jingħata lil xi ħadd ieħor fil-lista ta’ riżerva. L-indirizz tal-email tal-kuntrattur estern jiġi kkomunikat lilek jekk tintgħażel.

B.10 Jien ingħatajt pass iżda ma nistax immur. Ħbiebi jistgħu jmorru mingħajri? Nista’ nittrasferixxi l-pass tal-ivvjaġġar lil xi ħadd ieħor?

Jekk inti tkun ingħatajt pass tal-ivvjaġġar iżda l-pjanijiet tiegħek inbidlu, l-unika ħaġa li tista’ tagħmel hi li tirtira l-parteċipazzjoni tiegħek (ara r-regola B.9) peress li ma tistax tittrasferixxi l-pass tal-ivvjaġġar tiegħek lil wieħed minn ħbiebek. Barra minn hekk, kull pass tal-ivvjaġġar se jkollu l-isem tal-parteċipant stampat fuqu, u dan ma jistax jinbidel jew jiġi trasferit lil persuna oħra.

Jekk membru tal-grupp tiegħek (jew il-kap tal-grupp) jikkanċella l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tiegħu, din id-deċiżjoni ma taffettwax lill-bqija tal-grupp u l-bqija tal-membri tal-grupp xorta jistgħu jivvjaġġaw kif ippjanat. Il-persuna li rtirat ma tistax tiġi sostitwita u l-pass tal-ivvjaġġar mhux użat se jingħata lil parteċipant fuq il-lista ta’ riżerva.

B.11 Nista’ nbiddel il-pjanijiet u nivvjaġġa waħdi meta suppost nagħmel parti minn grupp?

Jekk tkun intgħażilt bħala membru ta’ grupp, iżda l-pjanijiet tiegħek jinbidlu u tkun tixtieq tivvjaġġa waħdek, inti tista’ tagħmel dan. Għandek sempliċiment timla l-formola tal-ibbukkjar bħala individwu bil-kodiċi personali tiegħek. Ma tkun meħtieġa ebda azzjoni ulterjuri u l-membri l-oħra tal-grupp mhux se jiġu affettwati.

B.12 Il-pass tal-ivvjaġġar huwa trasferibbli lil persuna oħra?

Le. Kull pass tal-ivvjaġġar se jkollu ismek fuqu u ma jistax jiġi trasferit lil persuna oħra taħt kwalunkwe ċirkostanza. L-isem fuq il-pass tal-ivvjaġġar ma jistax jinbidel.

B.13 Ninsab fil-lista ta’ riżerva. Xi jfisser dan?

L-applikanti mhux magħżula kollha jitqiegħdu f’lista ta’ riżerva, organizzata skont in-nazzjonalità u skont it-tweġibiet tagħhom għall-kwiżż u l-mistoqsija sussidjarja. Meta applikant magħżul jirtira l-applikazzjoni tiegħu jew jekk il-valur tal-passes tal-ivvjaġġar mogħtija jkun inqas mill-baġit disponibbli, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti passes tal-ivvjaġġar lill-applikanti fil-lista ta’ riżerva sakemm jintuża l-baġit kollu disponibbli. L-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ma toħloq ebda intitolament fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea u ma tiggarantixxix li l-applikanit se jintgħażlu fi stadju iktar tard.

Iż-żgħażagħ li jinsabu fil-lista ta’ riżerva jistgħu jiġu kkuntattjati bi stedina biex jirreġistraw fil-pjattaforma tal-ibbukkjar. Dawk ikkuntattjati lejn tmiem il-proġett, minħabba li huma fil-lista ta’ riżerva, ma jistgħux jitolbu rimborż għal vjaġġi li jkunu saru qabel l-istedina, u lanqas ma jistgħu jitolbu estensjoni tal-perjodu tal-ivvjaġġar.

B.14 Ninsab fil-lista ta’ riżerva, x’inhuma ċ-ċansijiet tiegħi li nkun offrut pass tal-ivvjaġġar?

Dan jiddependi minn tliet fatturi:

  • kif weġibt il-mistoqsijiet tal-kwiżż;
  • kemm ikun hemm parteċipanti magħżula li ma jikkonfermawx jew li jikkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom (il-parteċipanti fil-lista ta’ riżerva jiġu offruti passes tal-ivvjaġġar li ma jkunux intużaw minn parteċipanti magħżula;
  • l-ammont ta’ passes tal-ivvjaġġar li jingħataw f’pajjiżek. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ wkoll tagħti passes tal-ivvjaġġar lill-applikanti li jitqiegħdu fil-lista ta’ riżerva biex tuża l-fondi kollha disponibbli.

C. L-IVVJAĠĠAR

C.1 Kemm-il jum nista’ nivvjaġġa?

Tista’ tivvjaġġa bejn jum wieħed u mhux aktar minn 30 jum inkluż. Il-vjaġġ irid isir bejn l-1 ta’ Lulju 2020 (l-ewwel data tal-bidu) u t-28 ta’ Frar 2021 (l-aħħar data tar-ritorn).

C.2 Kemm-il pajjiż nista’ nżur?

Dan jiddependi fuq l-opzjoni li tagħżel:

  • opzjoni fissa: In-numru ta’ destinazzjonijiet huwa limitat għal 2 pajjiżi jew żewġt ibliet fl-istess pajjiż;
  • opzjoni flessibbli: in-numru ta’ pajjiżi mhux limitat. Madankollu, in-numru ta’ jiem ta’ vvjaġġar hu limitat; pereżempju tista’ tkun barra mill-pajjiż sa xahar iżda f’dan ix-xahar ma tistax tuża aktar minn ċertu numru ta’ jiem għall-ivvjaġġar attwali (eż f'ferrovija).

Aktar informazzjoni dwar iż-2 opzjonijiet tinsab fil-mistoqsijiet hawn taħt. Il-kuntrattur estern se jagħtik ukoll aktar informazzjoni jekk tintgħażel. 
 

C.3 Nista’ nibda l-vjaġġ minn pajjiż differenti mill-pajjiż ta’ residenza tiegħi?

Iva, huwa possibbli li tibda l-vjaġġ tiegħek minn pajjiż li mhuwiex il-pajjiż ta’ residenza tiegħek. Madankollu, l-ispiża biex tmur lejn dak il-pajjiż/post mhijiex koperta minn DiscoverEU u hija r-responsabbiltà tiegħek.

C.4 Nista’ nivvjaġġa bit-trasport pubbliku lokali billi nuża l-pass tal-ivvjaġġar tiegħi?

It-trasport pubbliku lokali u t-trasport privat mhuwiex inkluż fil-pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU. Trid tfittex l-informazzjoni inti stess dwar il-mezzi tat-trasport, l-ispejjeż tal-biljetti, eċċ. fid-destinazzjonijiet kollha tal-ivvjaġġar tiegħek qabel jew matul il-vjaġġ tiegħek.

Meta tagħżel pass tal-ivvjaġġar flessibbli ta’ DiscoverEU, tista’ tibbenefika minn skontijiet fuq City Cards f’numru ta’ bliet. Skopri aktar dwar l-iskontijiet

C.5 X’inhi l-opzjoni ta’ Pass tal-Ivvjaġġar Flessibbli?

B’pass tal-ivvjaġġar flessibbli, inti tkun tista’ tivvjaġġa fuq perjodu ta’ xahar, u tivvjaġġa fiżikament fuq 7 ijiem tal-ivvjaġġar (jiġifieri tista’ tqatta’ numru stabbilit ta’ jiem fuq il-ferroviji fi żmien dan il-perjodu ta’ xahar).

Dan il-pass tal-ivvjaġġar flessibbli jħallik tirkeb fuq il-ferroviji virtwalment fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Tista’ tivvjaġġa bir-ritmu tiegħek, u tista’ tivvjaġġa fuq ferroviji operati minn kumpaniji ferrovjarji Ewropej. 

Id-dati li fihom tivvjaġġa jibqgħu flessibbli. Madankollu, innota li l-pass tal-ivvjaġġar flessibbli se jkollu “Data tal-Bidu”. Minn din id-“Data tal-Bidu” ’il quddiem, il-pass tal-ivvjaġġar tiegħek se jkun validu għal xahar. Tista’ tbiddel id-data tat-tluq tiegħek, iżda żomm f’moħħok li tista’ titlef xi jiem tal-validità tal-pass tal-ivvjaġġar tiegħek. Ladarba tibbukkja l-pass tal-ivvjaġġar tiegħek, mhux possibbli li tbiddel id-data tal-bidu tiegħu.

Tista’ tuża l-pass tal-ivvjaġġar tiegħek bħala biljett tal-ivvjaġġar normali billi sempliċement timla d-dettalji tal-ivvjaġġar u titla’ fuq il-ferrovija. B’dan il-pass tal-ivvjaġġar tista’ titla fuq ħafna ferroviji b’veloċità għolja, bħat-TGV jew l-AVE, u l-Overnight Sleeper. Madankollu, ikollok tħallas “supplimenti ta’ detentur ta’ pass tal-ivvjaġġar” għal prenotazzjonijiet ta’ post / sodda fuqhom. 

C.6 Kif nista’ nuża l-outbound/inbound ?

Tista’ tuża l-Interrail Global Pass fil-pajjiż ta’ residenza (jew ta’ ċittadinanza) tiegħek stess darbtejn: vjaġġ wieħed outbound (biex titlaq minn pajjiżek) u vjaġġ wieħed inbound (biex tirritorna f’pajjiżek). Dan m’għandux għalfejn ikun l-ewwel jew l-aħħar vjaġġ, jista’ jseħħ fi kwalunkwe ħin tal-vjaġġ tiegħek. Jekk teħtieġ aktar minn vjaġġ wieħed outbound u inbound, pereżempju biex taqsam pajjiżek stess matul il-vjaġġ, dejjem tista’ tixtri biljetti addizzjonali minn punt għal ieħor mill-kumpanija tal-ferrovija ta’ pajjiżek. Il-vjaġġi outbound u inbound għandhom isiru matul il-validità tal-pass tal-ivvjaġġar tiegħek.

Minbarra li timmarka l-ġranet tal-ivvjaġġar tiegħek fil-kalendarju tal-ivvjaġġar tal-pass tal-ivvjaġġar tiegħek (jiġifieri fuq il-biljett innifsu), jekk tuża vjaġġ outbound jew inbound matul il-jiem tal-ivvjaġġar tiegħek, għandek timmarka dawk id-dati wkoll fil-kaxex speċjali għall-outbound (it-tluq) u l-inbound (ir-ritorn) fid-djarju tal-ivvjaġġar li jiġi mal-pass tal-ivvjaġġar tiegħek. Trid tispeċifika wkoll id-dettalji tal-vjaġġ (id-data, il-ħin u l-istazzjonijiet) fid-djarju tal-ivvjaġġar. Issib iktar informazzjoni fis-sit web tal-Interrail.

C.7 X’inhi l-opzjoni tal-Ivvjaġġar Fissa?

B’passes tal-ivvjaġġar fissi, trid tagħżel dati fissi tal-ivvjaġġar li ma jistgħux jiġu modifikati ladarba tkun ġiet sottomessa l-formola tal-ibbukkjar tiegħek. Il-passes tal-ivvjaġġar fissi jiġu bbukkjati fit-tieni klassi. In-numru ta’ pajjiżi li tista’ żżur b’din l-opzjoni hu limitat għal 2. Għalhekk, din l-opzjoni tista’ ma tkunx adatta għalik jekk tixtieq iżżur diversi pajjiżi. Min-naħa l-oħra, jekk tiddeċiedi li żżur pajjiż wieħed biss, li huwa pajjiż ġar tiegħek, l-opzjoni tal-ivvjaġġar fissa hija soluzzjoni tajba. Ma hemm ebda spiża ta’ prenotazzjoni relatata ma’ passes tal-ivvjaġġar fissi, iżda hemm limitu tal-baġit (€258).

Ladarba tkun applikajt għall-opzjoni tal-ivvjaġġar “fissa”, il-kuntrattur estern nominat mill-Kummissjoni Ewropea biex jirranġa l-ibbukkjar tal-vjaġġ se jagħtik il-konferma tal-fattibbiltà tal-itinerarju tiegħek fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol. F’każ li l-opzjoni tal-ivvjaġġar “fissa” ma tkunx adatta biex takkomoda l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tiegħek, il-kuntrattur estern jirrakkomandalek tieħu l-opzjoni flessibbli.

Biex ikollok idea aktar ċara tal-fattibbiltà tal-pjanijiet tal-ivvjaġġar tiegħek, nirrakkomandawlek tħares lejn is-sit web Rome2Rio, li jista’ jagħtik idea tajba dwar jekk l-itinerarju tiegħek hux fattibbli bil-ferrovija, kemm-il darba jkollok tieqaf u tbiddel il-ferrovija, kemm se tqatta’ ħin fil-ferroviji u stima approssimattiva tal-prezzijiet.

C.8 X’inhi d-differenza bejn l-opzjoni ta’ vvjaġġar fissa u dik flessibbli?

Iċċekkja l-infografika:

https://europa.eu/youth/sites/default/files/infographic_flexibleandfixed.pdf

Opzjoni ta’ vvjaġġar flessibbli

Opzjoni ta’ vvjaġġar fissa

Id-dati li fihom tivvjaġġa jibqgħu flessibbli. Madankollu, innota li l-Pass tal-Ivvjaġġar se jkollu “data tal-bidu”. Minn din id-data tal-bidu ’il quddiem, il-Pass tal-Ivvjaġġar tiegħek se jkun validu għal xahar.

Trid tagħżel dati fissi tal-ivvjaġġar li ma jistgħux jiġu modifikati ladarba tkun ġiet sottomessa l-formola tal-ibbukkjar tiegħek.

Inti tkun tista’ tivvjaġġa tul perjodu ta’ xahar, u tivvjaġġa fiżikament fuq numru fiss ta’ jiem (jiġifieri tista’ tqatta’ numru stabbilit ta’ jiem - 7 ijiem b’kollox - fuq il-ferroviji fi żmien dan il-perjodu ta’ xahar). L-opzjoni tal-ivvjaġġar flessibbli tippermettilek tivvjaġġa lejn ħafna pajjiżi tal-UE.

Se tkun tista’ żżur sa 2 pajjiżi tal-UE li huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-għoti (dan ma jinkludix il-pajjiż tat-tluq tiegħek u lanqas ma jinkludi l-pajjiżi li se tgħaddi minnhom) fuq perjodu massimu ta’ xahar.

L-applikanti magħżula jistgħu jivvjaġġaw f’jiem konsekuttivi, jew jistgħu jxerrduhom matul il-perjodu tal-ivvjaġġar. Huma jistgħu jivvjaġġaw fuq ferroviji operati minn kumpaniji ferrovjarji Ewropej kif ukoll fuq ferries u mezzi oħra ta’ trasport magħżula mill-kuntrattur estern maħtur mill-Kummissjoni Ewropea.

Jekk jogħġbok innota li ċerti ferroviji jistgħu jeħtieġu prenotazzjoni. F’dawn il-każijiet, l-applikanti magħżula jridu jagħmlu l-prenotazzjonijiet huma stess qabel jew matul il-perjodu tal-ivvjaġġar tagħhom. Ebda suppliment għall-prenotazzjonijiet tal-ferrovija jew spiża oħra li wieħed jiltaqa’ magħha matul il-vjaġġ mhi se tiġi koperta mill-Kummissjoni Ewropea.

Hemm baġit limitat ta’ EUR 258 li għandu jiġi rispettat. Għalhekk ara li l-itinerarju li titlob ikun fattibbli fil-limiti ta’ dan il-baġit.

C.9 Iż-żgħażagħ dejjem se jivvjaġġaw bil-ferrovija?

Bħala regola bażika, il-parteċipanti se jivvjaġġaw bil-ferrovija. Madankollu, biex niżguraw l-usa’ aċċess possibbli, DiscoverEU se toffri modi alternattivi ta’ trasport, bħal coaches jew ferries, filwaqt li jitqiesu l-aspetti ambjentali, ta’ ħin u ta’ distanza. L-użu ta’ titjiriet se jkun ikkunsidrat biss f’każijiet eċċezzjonali.

L-eċċezzjonijiet jinkludu:

  • Dawk li jgħixu fid-disa’ reġjuni ultraperiferiċi (i.e. Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, la Réunion, Mayotte, Saint-Martin, Madeira, l-Azores u l-Gżejjer Kanarji);
  • Dawk li jgħixu f’pajjiżi/reġjuni li mhumiex aċċessibbli bil-mezzi ta’ trasport imsemmija (networks tal-ferroviji, ferries u coaches);
  • Meta l-parteċipanti jkollhom jivvjaġġaw aktar minn 18-il siegħa biex jaqsmu l-fruntiera tal-pajjiż tat-tluq tagħhom;
  • Għal żgħażagħ b’mobilità mnaqqsa jew b’diżabilità. Dan jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ.
Vjaġġ bir-ritorn wieħed biss minn/lejn il-pajjiż ta’ oriġini jista’ jkun titjira. Wara, iż-żgħażagħ huma meħtieġa jivvjaġġaw bil-ferrovija jew b’mezzi alternattivi oħra (minbarra karozzi privati u coaches mikrija).

C.10 Nista’ nivvjaġġa ġo pajjiż wieħed lejn lokalitajiet differenti?

Tista’ tivvjaġġa lejn kemm-il belt u raħal trid (inklużi dawk f’pajjiżek stess) sakemm iżżur tal-anqas pajjiż wieħed barra pajjiżek u ma taqbiżx in-numru ta’ jiem ta’ vvjaġġar.

C.11 X’jiġri jekk ikolli nikkanċella jew inbiddel il-vjaġġ?

Kwalunkwe tariffa potenzjali tal-kanċellazzjoni jew tal-modifika għandha tiġi koperta minnek stess. Ma hemm l-ebda baġit addizzjonali previst biex ikopri spejjeż ta’ dan it-tip, tkun xi tkun ir-raġuni. Hemm diversi assigurazzjonijiet tal-ivvjaġġar privati disponibbli biex ikopru nefqiet bħal dawn.

Jekk tixtieq tikkanċella l-parteċipazzjoni tiegħek, jekk jogħġbok ibgħat email lill-kuntrattur estern. F’dan il-każ applikant fil-lista ta’ riżerva jirċievi l-pass tal-ivvjaġġar tiegħek. L-indirizz tal-email tal-kuntrattur estern tkun tafu jekk tintgħażel.

Jekk tkun għażilt l-opzjoni tal-ivvjaġġar flessibbli u tixtieq tagħmel xi tibdil, m’hemmx bżonn li tinforma l-kuntrattur estern. Għall-opzjoni tal-ivvjaġġar fissa, ikollok tikteb lill-kuntrattur estern.

C.12 Kif nista’ nipprepara l-vjaġġ tiegħi?

Fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, tista’ ssib informazzjoni prattika u suġġerimenti utli dwar l-ivvjaġġar fl-Ewropa. Irid ikollok dokument/pass validu tal-ivvjaġġar matul il-vjaġġ tiegħek. Kwalunkwe ħaġa relatata ma’ tali dokument (validità, eċċ) hija r-responsabbiltà tiegħek.

Inti obbligat legalment li ġġorr passaport jew karta tal-identità valida miegħek meta tivvjaġġa fl-Unjoni Ewropea. Il-parteċipanti għandhom jiżguraw ukoll li għandhom assigurazzjoni tas-saħħa valida għat-tul ta’ żmien tal-vjaġġ tagħhom. Kwalunkwe ħaġa relatata ma’ tali dokument (validità, eċċ) hija r-responsabbiltà tiegħek.

C.13 X’inhuma d-drittijiet tiegħi bħala passiġġier?

Biex tkun infurmat dwar id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier, agħti ħarsa lejn it-taqsima tal-ivvjaġġarfil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Iż-żgħażagħ b’diżabilità jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom mad-drittijiet tagħhom permezz ta’ din il-link. Kun af li d-dispożizzjonijiet kollha għal dawk b’diżabilità se jkunu rieżaminati fuq bażi ta’ każ b’każ, li jagħmilha aktar faċli għalihom biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom.

C.14 Problemi tekniċi bil-formola tal-ibbukkjar tiegħek

F’każ ta’ problemi tekniċi, pereżempju ma rċevejtx il-kodiċi/l-email ta’ konferma jew daħħalt id-dettalji l-ħżiena, jekk jogħġbok ikkuntattja l-kuntrattur estern responsabbli għall-ibbukkjar. L-indirizz tal-email tal-kuntrattur estern tkun tafu jekk tintgħażel. Jekk ma tafx l-indirizz tal-email, tista’ tikkuntattja lill-kuntrattur estern billi tibgħat messaġġ privat lil European Youth fuq Facebook.

C.15 Aħna grupp u wieħed minna għandu bżonn imur lura d-dar iktar kmieni mill-membri l-oħra. Il-bqija tal-grupp jista’ jkompli bil-vjaġġ tiegħu?

Iva, dan huwa possibbli meta tagħżel l-opzjoni tal-ivvjaġġar flessibbli.

C.16 Nista’ nivvjaġġa fi grupp, għalkemm intgħażilt bħala individwu?

Meta tagħżel l-opzjoni tal-ivvjaġġar flessibbli, inti liberu li tivvjaġġa fi grupp, kif ukoll li tbiddel il-gruppi u anke d-direzzjoni fi kwalunkwe punt matul il-vjaġġ tiegħek.

Matul il-proċess tal-ibbukkjar żgura li tqiegħed l-istess data tal-bidu bħall-bqija tal-parteċipanti li trid tivvjaġġa magħhom.

Il-formola tal-ibbukkjar hi aġġornata awtomatikament kuljum f’nofsillejl, u dan jippermetti l-ibbukkjar sa 14-il jum qabel id-data tat-tluq. Għalhekk, biex tkun żgur, nirrakkomandaw lill-membri kollha tal-grupp biex jimlew il-formola tal-ibbukkjar bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien. Mhux possibbli li tbiddel id-data tat-tluq wara li tkun ibbukkjajt.

C.17 Għandi nibbukkja l-passes tal-ivvjaġġar jien stess?

Le. Ma għandekx tibbukkja l-passes tal-ivvjaġġar inti stess peress li passes mixtrija separatament mhux se jiġu rimborżati. Il-passes tal-ivvjaġġar se jiġu bbukkjati, mixtrija u mibgħuta esklużivament mill-kuntrattur estern nominat mill-Kummissjoni Ewropea.

Għandek tikkunsidra wkoll li ma tibbukkja u ma tħallas ebda akkomodazzjoni sakemm ma tkun ċert dwar id-dati tal-ivvjaġġar tiegħek u tirċievi l-pass tal-ivvjaġġar tiegħek.

C.18 X’inhu l-valur tal-pass tal-ivvjaġġar?

Ir-regola bażika hija li kull parteċipant se jkun intitolat għal pass tal-ivvjaġġar li jiswa €258. L-ivvjaġġar se jsir biss fit-tieni klassi. Madankollu, dan l-ammont jista’ jkun ogħla f’każijiet eċċezzjonali msemmija hawn taħt:

  • Għall-parteċipanti li jivvjaġġaw mir-reġjuni ultraperiferiċi (eż. Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, la Réunion, Mayotte, Saint-Martin, Madejra, l-Azores u l-Gżejjer Kanarji) lejn l-Ewropa kontinentali. Ladarba l-parteċipanti jillendjaw fil-kontinent, tapplika r-regola bażika;
  • Għall-parteċipanti barra mir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija hawn fuq li huma intitolati li jivvjaġġaw bl-ajruplan lejn l-Ewropa kontinentali. Ladarba jillendjaw fil-kontinent, tapplika r-regola bażika;
  • F’xi sitwazzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ (eż. għal applikanti magħżula residenti fi gżejjer li huma parti mill-UE) għandu mnejn jiġi kopert vjaġġ addizzjonali bil-ferrovija/ferry/coach;
  • Għall-parteċipanti b’mobbiltà mnaqqsa u/jew bi bżonnijiet speċjali. L-ispejjeż jiġu assessjati fuq bażi ta’ każ b’każ skont il-ħtiġijiet tagħhom. L-ispejjeż tal-assistenza speċjali (persuna li takkumpanja, kelb għall-parteċipanti neqsin mid-dawl, eċċ.) għandu mnejn jiġu koperti, abbażi ta’ dokumenti xierqa għall-ġustifikazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tagħhom, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza.

C.19 X’inhuma l-ispejjeż tal-prenotazzjonijiet, u dawn huma inklużi (opzjoni flessibbli)?

Le, l-ispejjeż tal-prenotazzjonijiet mhumiex inklużi fl-opzjoni tal-pass flessibbli. Huma meħtieġa prenotazzjonijiet għall-parti l-kbira tal-ferroviji ta’ veloċità għolja, il-ferroviji internazzjonali, xi InterCity's, u l-ferroviji kollha ta’ matul il-lejl. Madankollu, bil-pass tal-ivvjaġġar tiegħek, tista’ tivvjaġġa faċilment mingħajr prenotazzjonijiet fuq ħafna ferroviji lokali u reġjonali. Dan ifisser li tista’ tivvjaġġa bejn żewġt ibliet konnessi b’ferroviji b’veloċità għolja billi tieħu rotot inqas rapidi jew alternattivi b’ferroviji reġjonali u tevita l-ispejjeż tal-prenotazzjoni. Bl-app Rail Planner tista’ tiffiltra faċilment il-ferroviji bil-prenotazzjonijiet meta tippjana l-vjaġġ tiegħek. Bl-opzjoni tal-ivvjaġġar fissa, il-prenotazzjonijiet huma inklużi (ara r-regola C5).

Iċċekkja l-infografika

C.20 Dawn l-ispejjeż li ġejjin huma inklużi: assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, akkomodazzjoni, sussistenza jew kwalunkwe spejjeż oħra relatati mal-vjaġġ?

Le. L-inizjattiva ma tinkludi l-ebda assigurazzjoni tal-ivvjaġġar. Il-kopertura tal-assigurazzjoni hija r-responsabilità unika tal-parteċipant. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tas-sussistenza, kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar skont il-preferenzi tal-parteċipanti (eż. tluq tal-ivvjaġġar tiegħek minn pajjiż ieħor) jew kwalunkwe spiża oħra relatata mal-vjaġġ għandhom jiġu koperti biss mill-parteċipanti. Interrail joffri skontijiet fuq l-akkomodazzjoni, il-ħżin tal-bagalji u ħafna servizzi oħra madwar l-Ewropa (jekk jogħġbok ara l-portal dwar il-benefiċċji ta’ Eurail).

Il-parteċipanti għandhom jiksbu assigurazzjoni tas-saħħa u tal-ivvjaġġar xierqa għall-vjaġġ kollu. Kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa bażika normalment hija pprovduta mill-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali tal-parteċipant matul is-soġġorn tiegħu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Karta tal-Assigurazzjoni Ewropea. Madankollu, il-kopertura tal-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea jew l-assigurazzjoni tas-saħħa privata għandu mnejn ma tinkludix il-każijiet kollha possibbli, speċjalment jekk ikunu meħtieġa ripatrijazzjoni jew intervent mediku speċifiku. F’dan il-każ, assigurazzjoni privata komplementari hija rakkomandabbli.

C.21 Il-Kummissjoni Ewropea se tgħin lill-parteċipanti bl-ibbukkjar tal-akkomodazzjoni?

Le. L-ibbukkjar tal-akkomodazzjoni huwa r-responsabbiltà unika tal-parteċipant. Huwa rrakkomandat ferm li ma tibbukkjax l-akkomodazzjoni sakemm tirċievi l-pass tal-ivvjaġġar tiegħek.

D. PUNTI TA’ KUNTATT RILEVANTI

D.1 Fejn nista’ nsib aktar informazzjoni dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni DiscoverEU?

Id-dokument ta’ referenza li jistabbilixxi r-regoli tal-kompetizzjoni DiscoverEU huwa ppubblikat fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

D.2 Fejn nista’ nsib aktar informazzjoni dwar il-loġistika tal-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar?

Jekk tintgħażel, se tirċievi l-indirizz ta’ pjattaforma fejn issib il-formola tal-ibbukkjar u l-FAQs dwar l-aspetti loġistiċi kollha tal-ivvjaġġar. Tirċievi wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-kuntrattur estern. Il-kuntatt bit-telefown mhux sostnut u għalhekk il-komunikazzjoni kollha trid isir bil-miktub.

F’każ li jkollok bżonn xi informazzjoni, appoġġ jew pariri matul il-vjaġġ tiegħek, hemm diversi punti ta’ kuntatt li tista’ tikkuntattja:

Jekk xi ħaġa tmur ħażin

  • Ċempel fuq 112 biex tikkuntattja s-servizzi ta’ emerġenza fi kwalunkwe pajjiż tal-UE minn kwalunkwe sett tat-telefown, fiss jew ċellulari. Huwa bla ħlas.
  • F’każ ta’ telf jew serq, jeħtieġlek tirrapporta għand il-pulizija lokali. Jeħtieġ tehmeż ir-rapport tal-pulizija meta tagħmel it-talba għal kumpens jew talba lill-assigurazzjoni. Jekk titlef karta ta’ kreditu jew ta' debitu jew tinsteraqlek, ħassarha mill-ewwel. Jekk jinsteraqlek il-passaport, agħmel rapport fil-konsulat jew l-ambaxxata ta' pajjiżek, kif ukoll lill-pulizija.

Kif tikkuntattja lill-UE

  • Bit-telefown jew bl-email: Il-Eurodesk hu servizz ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar opportunitajiet Ewropej (eż. Programmi Ewropej għall-volontarjat, studju jew internship barra pajjiżek). Jekk jogħġbok innota li mhux se jkunu jistgħu jgħinuk bi problemi tekniċi relatati mal-vjaġġ ta’ DiscoverEU. Dawk se jiġu trattati mill-kuntrattur estern meta dawn jikkuntattjak (jekk tintgħażel). Tista’ tikkuntattja l-eqreb punt ta’ informazzjoni Eurodesk permezz tal-mappa interattiva (https://map.eurodesk.eu/).
  • Online: L-informazzjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea tinsab fis-sit web Europa.
  • Personalment: Mal-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri lokali ta’ informazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru.
  • Bit-telefown jew bl-email: Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz fuq in-numru tat-telefown bla ħlas: 00 800 67 89 10 11 (ċerti operaturi tat-telefown ċellulari ma jippermettux aċċess għan-numri li jibdew biż-00800 jew jistgħu jiċċarġjaw ħlas għal dawn is-sejħiet) jew bl-email.
  • Aqra dwar l-Ewropa: Materjal tal-qari dwar l-UE jinsab biss klikk ’il bogħod minnek fis-sit web EU Bookshop.
  • Ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea: L-uffiċċji tar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea jaġixxu bħala l-vuċi tal-Kummissjoni u jimmonitorjaw l-opinjoni pubblika fil-pajjiż ospitanti. Huma jipprovdu informazzjoni dwar l-UE permezz ta’ avvenimenti u d-distribuzzjoni ta’ brochures, fuljetti u materjali oħra.
  • L-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew: Ir-rwol tagħhom huwa li jżidu l-għarfien dwar il-Parlament Ewropew u l-Unjoni Ewropea u jinkoraġġixxu lin-nies jivvutaw fl-elezzjonijiet parlamentari Ewropej.

D.3 Informazzjoni dwar il-Coronavirus

F’każ li tkun imħasseb dwar il-Coronavirus, tista’ ssib l-aħħar informazzjoni fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.