Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u mill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Christos Stylianides dwar il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja 2019

Brussell, id-19ta' awissu 2019

Din hija sena importanti għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali, billi l-2019 tfakkar is-70 sena mill-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra. Billi r-riskju li l-ħaddiema umanitarji qed iħabbtu wiċċhom miegħu qed ikompli jiżdied, l-Unjoni Ewropea tagħti ġieħ lill-impenn ta' dawk li jissugraw ħajjithom biex iwasslu l-għajnuna umanitarja madwar id-dinja. Ir-rispett inekwivoku tad-dritt internazzjonali, tas-sigurtà u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji u l-aċċess bla xkiel tagħhom għal dawk fil-bżonn huma ta' importanza kbira għall-Unjoni Ewropea.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja 2019, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u Christos Stylianides, il-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, għamlu l-istqarrija li ġejja:

“Il-ksur tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali għadu wieħed mill-akbar sfidi kritiċi għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, kif ukoll il-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji u mediċi.

Il-vjolenza kontra l-ħaddiema umanitarji taffettwa l-popolazzjoni ċivili u tipprevjeni li miljuni ta' persuni jirċievu assistenza li ssalva l-ħajjiet. Is-salvataġġ tal-ħajjiet ma għandux jiswa l-ħajjiet.

Madwar 400 ħaddiem umanitarju sfaw vittmi ta' attakki kbar fl-2018, it-tieni l-agħar sena fl-istorja. Aktar minn terz minnhom inqatlu u t-terz l-ieħor inħatfu. Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja huwa opportunità biex nagħtu ġieħ lil dawn il-ħaddiema umanitarji ddedikati, u biex nippromwovu s-sigurtà u s-sikurezza tagħhom.

L-umanità, l-indipendenza, in-newtralità u l-imparzjalità huma l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-għajnuna umanitarja. Dawn għandhom jipproteġu lill-ħadddiema ta' sokkors, u jippermettilhom li joperaw liberament.

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-mexxejja dinjija fl-assistenza umanitarja. Il-promozzjoni tal-għajnuna umanitarja bi prinċipji u tar-rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali għadha fil-qalba tal-impenn internazzjonali tagħna.”

Sfond

Persuni ċivili f'żoni ta' kunflitt huma regolarment maqtula jew midruba f'attakki mmirati jew indiskriminati. Aktar minn 70 miljun ruħ huma spostati minħabba kunflitt, vjolenza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Aktar minn 200 miljun ruħ qed jiddependu fuq għajnuna umanitarja.

L-UE tikkontribwixxi għar-rispett globali u l-konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali permezz ta' miżuri ta' appoġġ u dawk politiċi, bħalma huma d-djalogu, l-istqarrijiet u l-inizjattivi, kif ukoll permezz ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet imsieħba biex jiġi żgurat l-aċċess umanitarju.

Fl-2017, l-UE mmobilizzat aktar minn €1.75 biljun għal operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja f'aktar minn 80 pajjiż madwar id-dinja.

Għal Aktar Informazzjoni

Skeda informattiva - Id-Dritt Umanitarju Internazzjonali:

STATEMENT/19/5211

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar