Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissarji Mimica, Thyssen, Navracsics u Gabriel fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ 2019

Brussell, it-12ta' awissu 2019

Il-Kummissjoni Ewropea tingħaqad fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ ta' din is-sena, bit-tema “Nittrasformaw l-Edukazzjoni”, li tenfasizza l-isforzi li qed isiru biex l-edukazzjoni ssir iktar inklużiva u aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha. Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics, u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel stqarrew:

Illum qed niċċelebraw il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ. Din hija okkażjoni importanti biex nirriflettu dwar il-fatt li hemm wisq żgħażagħ jgħixu f'żoni ta' gwerra, li ma jmorrux l-iskola u li huma affettwati mill-faqar, mill-esklużjoni soċjali, minn kura tas-saħħa fqira, mill-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u mill-impatti tat-tibdil fil-klima.

Fost il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea hemm il-provvista ta' soluzzjonijiet effettivi għal dawn l-isfidi, il-kisba ta' paċi sostenibbli u l-bini ta' soċjetajiet koeżivi u reżiljenti li fihom iż-żgħażagħ jistgħu jirnexxu. Għalhekk, l-UE hija impenjata biex timplimenta l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha fil-politiki kollha tagħha.

Permezz ta' ħidma flimkien mal-Istati Membri u ma' ħafna partijiet ikkonċernati oħra, l-UE qed tagħti iktar setgħa lil miljuni ta' żgħażagħ, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha. L-Erasmus+ qed ilaqqa' flimkien liż-żgħażagħ, u qed jippermettilhom jitgħallmu u jinvolvu ruħhom fis-soċjetà, kif ukoll irawmu l-eċċellenza u l-innovazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Żewġ inizjattivi ġodda mnedija minn din il-Kummissjoni fetħu opportunitajiet ġodda: L-inizjattiva DiscoverEU tippermetti liż-żgħażagħ jivvjaġġaw u jesploraw il-wirt kulturali rikk tal-Ewropa, filwaqt li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jagħtihom l-opportunità jagħmlu volontarjat u jaħdmu fi proġetti li jappoġġaw il-komunitajiet u n-nies madwar l-Ewropa. Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li qed nibnu se tkompli ssaħħaħ l-eċċellenza u l-inklużjoni, se tkun ta' benefiċċju għaż-żgħażagħ Ewropej minn kull sfond, u se tqanqal sens ta' identità Ewropea kondiviża.

Bl-istess mod, iż-żgħażagħ se jkunu fil-qalba ta' politiki tal-UE bħas-Suq Uniku Diġitali. Ħafna inizjattivi, bħall-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, għenu biex jiżdied it-taħriġ fil-ħiliet diġitali u fl-istess ħin tiġi mmodernizzata l-edukazzjoni. Permezz tal-Istrateġija tagħna għal Internet Aħjar għat-Tfal, aħna qed nagħmlu l-benesseri tat-tfal fuq l-internet prijorità ewlenija, filwaqt li qed nistinkaw biex neliminaw ir-riskji fuq l-internet, bħall-bullying ċibernetiku, it-tħejjija għal abbuż sesswali fuq l-internet, it-tħassib dwar il-privatezza, id-diżinformazzjoni, u l-kontenut vjolenti jew inkwetanti. Dawn l-objettivi huma wkoll fil-qalba tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, li joffri sett ta' miżuri u ta' inizjattivi konkreti biex jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jilqgħu għall-isfidi tal-edukazzjoni fl-era diġitali.

Barra minn hekk, iż-żgħażagħ jinsabu fil-qalba tal-politiki tagħna, kemm fl-UE kif ukoll 'il barra mill-fruntieri tagħna. Fil-programmi ta' żvilupp tagħna, l-UE tiffoka fuq l-indirizzar tal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ f'oqsma bħall-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi, bl-għan li tinvolvi liż-żgħażagħ f'aspetti usa' tas-soċjetà. Pereżempju, inizjattivi bħall-Programm tal-Mexxejja Żgħażagħ u l-Inizjattiva Youth Plug-in tal-UE u tal-UA jipprovdulhom l-opportunità li jieħdu sehem kif jistħoqqilhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Se nkomplu nappoġġaw ukoll liż-żgħażagħ bħala promoturi tat-tkattir tal-paċi u tal-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti fil-komunitajiet tagħhom, inkluż permezz tal-inizjattiva “One Young World Peace Ambassadors”.

L-investiment fil-potenzjal taż-żgħażagħ huwa investiment fis-soċjetà tagħna. Il-fatt li m'aħniex nindirizzaw l-isfidi tagħhom waħidna, jagħtina t-tama; iżda rridu nkomplu u rridu nżidu l-isforzi tagħna.”

Sfond

It-12 ta' Awwissu ġie ddeżinjat bħala l-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ għall-ewwel darba mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1999, u jservi bħala ċelebrazzjoni annwali tar-rwol taż-żgħażagħ bħala sħab essenzjali fil-bidla, u bħala opportunità biex titqajjem kuxjenza dwar l-isfidi u l-problemi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fid-dinja. It-tema ta' din is-sena “Nittrasformaw l-Edukazzjoni” tenfasizza l-isforzi li qed isiru biex l-edukazzjoni ssir iktar inklużiva u aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, inkluż l-isforzi taż-żgħażagħ infushom.

L-UE tappoġġa l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni, sabiex b'hekk ikun iktar faċli għaż-żgħażagħ biex jibbenefikaw mill-mobbiltà, u għall-għalliema biex jiksbu l-esperjenza u jikkondividu l-għarfien billi jaħdmu madwar l-Ewropa. Fl-2017 l-UE investiet ammont rekord ta' €2.8 biljun fil-programm Erasmus+, li fih ipparteċipaw iktar minn 3.7 miljun persuna mill-2014 'l hawn. Il-Kummissjoni qed tipproponi li jkun hemm enfasi iktar b'saħħitha fuq iż-żgħażagħ fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-2021-2027, u qed tippjana li tirdoppja l-baġit għall-Erasmus+ għal €30 biljun.

Erasmus+ huwa miftuħ għal ħafna individwi u organizzazzjonijiet, għalkemm l-eliġibbiltà tvarja minn azzjoni għall-oħra u minn pajjiż għall-ieħor. Il-pajjiżi (l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi li mhumiex Stati Membri) li jistgħu jieħdu sehem huma maqsuma f'pajjiżi tal-programm (li jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-azzjonijiet kollha tal-programm Erasmus+) u f'pajjiżi sħab (li jistgħu jipparteċipaw f'ċerti azzjonijiet tal-programm, soġġetti għal kriterji jew kundizzjonijiet speċifiċi). Il-lista tal-pajjiżi kollha u l-Gwida tal-Programm Erasmus+, li fiha iktar informazzjoni dettaljata dwar il-pajjiżi eliġibbli, huma disponibbli online. 

Għal Iktar Informazzjoni

Erasmus+

DiscoverEU

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Is-Suq Uniku Diġitali

L-Alleanza bejn l-Afrika u l-Ewropa

L-Inizjattiva Youth Plug-in tal-UE u tal-UA

One Young World Peace Ambassadors

Il-Programm tal-Mexxejja Żgħażagħ

STATEMENT/19/5011

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar