Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Is-sigurtà tan-netwerks 5G: L-Istati Membri tal-UE jlestu l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali tal-5G

Brussell, id-19ta' lulju 2019

Fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal approċċ Ewropew komuni għas-sigurtà fin-networks 5G, 24 Stat Membru tal-UE issa lestew l-ewwel pass, u ressqu l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali. Dawn il-valutazzjonijiet se jservu ta' riżorsa għall-fażi li jmiss, valutazzjoni tar-riskju mal-UE kollha, li se titlesta sal-1 ta' Ottubru. Il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King, u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, laqgħu dan il-pass importanti, u qalu:

“Kuntenti bil-fatt li l-parti l-kbira tal-Istati Membri issa ressqu l-valutazzjoni tar-riskju tagħhom. Wara l-appoġġ li ntwera mill-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu għal approċċ komuni, l-Istati Membri rrispondew fil-pront għas-sejħa tagħna favur miżuri konkreti li jgħinu biex niżguraw iċ-ċibersigurtà tan-networks 5G fl-UE kollha. Il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali huma essenzjali biex ikun żgurat li l-Istati Membri jħejju ruħhom kif xieraq qabel jibdew joperaw konnettività bla fili tal-ġenerazzjoni li jmiss, li dalwaqt se tifforma s-sinsla tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna.

Inħeġġu lill-Istati Membri biex jibqgħu impenjati f'dan l-approċċ komuni, u biex iqisu dan il-pass importanti bħala spinta għal implimentazzjoni żvelta u sigura tan-networks 5G. Neħtieġu kooperazzjoni mill-qrib fl-UE kollha sabiex niksbu ċibersigurtà b'saħħitha u biex ingawdu l-benefiċċji kollha li l-5G joffri lin-nies u lin-negozji.

It-tlestija tal-valutazzjonijiet tar-riskju turi biċ-ċar l-impenn tal-Istati Membri li mhux biss jistabbilixxu standards għoljin għas-sigurtà iżda li jagħmlu użu sħiħ minn din it-teknoloġija rivoluzzjonarja wkoll. Nittamaw li r-riżultati se jitqiesu fil-proċess tal-irkantijiet tal-ispettru u fil-varar tan-networks 5G, li qed iseħħ fl-UE bħalissa u fix-xhur li ġejjin. Bosta Stati Membri diġà ħadu passi biex isaħħu r-rekwiżiti tas-sigurtà applikabbli filwaqt li oħrajn qed jikkunsidraw li jintroduċu miżuri ġodda fil-futur qrib.

Neħtieġu li l-atturi ewlenin kollha, kbar u żgħar, iħaffu l-isforzi tagħhom u jingħaqdu magħna fil-bini ta' qafas komuni li jkollu l-għan li jiżgura livelli konsistentement għoljin ta' sigurtà. Ħerqana li nkomplu bil-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri hekk kif nibdew naħdmu fuq valutazzjoni tar-riskju għall-UE kollha, li għandha titlesta sal-1 ta' Ottubru, u li se tgħinbiex jiġi żviluppat approċċ Ewropew li jipproteġi l-integrità tal-5G .”

Il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali jinkludu ħarsa ġenerali lejn:

· it-theddidiet u l-atturi ewlenin li jaffettwaw in-netwerks 5G;

· il-grad ta' sensittività tal-komponenti u l-funzjonijiet tan-netwerk 5G kif ukoll ta' assi oħra; kif ukoll

· diversi tipi ta' vulnerabbiltajiet, inkluż kemm dawk tekniċi kif ukoll tipi oħra ta' vulnerabbiltajiet, bħal dawk li potenzjalment jirriżultaw mill-katina tal-provvista tal-5G.

Barra minn hekk, ix-xogħol fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali jinvolvu firxa ta' atturi responsabbli fl-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet għaċ-ċibersigurtà u għat-telekomunikazzjoni kif ukoll is-servizzi tas-sigurtà u l-intelliġenza, u dawn isaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom.

Il-Passi li Jmiss

Skont l-informazzjoni li waslet, l-Istati Membri,flimkien mal-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (l-ENISA), sal-1 ta' Ottubru 2019 se jħejju valutazzjoni tar-riskju kkordinata għall-UE kollha. Fl-istess waqt, l-ENISA qed tanalizza ix-xenarju ta' theddid tal-5G bħala input addizzjonali. 

Sal-31 ta' Diċembru 2019, il-Grupp ta' Kooperazzjoni tan-NIS li flimkien mal-Kummissjoni jmexxi l-isforzi kooperattivi, se jiżviluppa u jaqbel dwar sett ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji taċ-ċibersigurtà identifikati fil-livelli nazzjonali u f'dak tal-UE.

Wara d-dħul fis-seħħ reċenti tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà fl-aħħar ta' Ġunju, il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà se jistabbilixxu qafas ta' ċertifikazzjoni għall-UE kollha. L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà biex jagħtu prijorità lill-iskema ta' ċertifikazzjoni li tkopri n-netwerks u t-tagħmir 5G.

Sal-1 ta' Ottubru 2020 , f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-effetti tal-miżuri meħuda biex jiddeterminaw jekk hemmx ħtieġa għal aktar azzjoni. Din il-valutazzjoni għandha tqis il-valutazzjoni tar-riskju kkoordinat Ewropew.

Sfond

In-networks tal-ħames ġenerazzjoni (5G) se jiffurmaw infrastruttura diġitali essenzjali fil-futur, jgħaqqdu flimkien biljuni ta' oġġetti u sistemi, inkluż f'setturi kritiċi bħall-enerġija, it-trasport, il-banek u s-saħħa, kif ukoll is-sistemi ta' kontroll industrijali li jgħaddu informazzjoni sensittiva u s-sistemi ta' appoġġ għas-sigurtà.

Fis-26 ta' Marzu 2019, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat numru ta' azzjonijiet konkreti sabiex jiġu vvalutati r-riskji għaċ-ċibersigurtà tan-networks 5G u sabiex jissaħħu l-miżuri preventivi, wara li l-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern kienu favur approċċ komuni għas-sigurtà tan-networks 5G.

Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jlestu l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali u jeżaminaw mill-ġdid il-miżuri nazzjonali kif ukoll jaħdmu flimkien fil-livell tal-UE fuq valutazzjoni tar-riskju koordinata u fuq sett ta' għodod komuni ta' miżuri ta' mitigazzjoni.

Għal Aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda approċċ komuni fil-livell tal-UE għas-sigurtà tan-networks 5G

Mistoqsijiet u Tweġibiet

STATEMENT/19/4266

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos