Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

STQARRIJA KONĠUNTA GĦALL-ISTAMPA mill-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Cecilia Malmström u l-Ministru tal-Industrija u l-Kummerċ Tran Tuan Anh

Hanoi, it-30ta' gunju 2019

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jilqgħu l-iffirmar tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles u l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti nhar il-Ħadd, 30 ta' Ġunju 2019 f'Hanoi. Wara l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas Komprensiv ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Vjetnam u l-UE, dawn il-ftehimiet huma pass importanti ħafna fis-sħubija b'saħħitha tagħna. Dawn se jippromwovu aktar żvilupp ekonomiku u se jsaħħu r-rabtiet kummerċjali u ta' investiment bejn il-Vjetnam u l-Unjoni Ewropea, u b'hekk japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħna u jsaħħu r-relazzjonijiet fit-tul tagħna. Dawn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, l-aktar ambizzjużi li qatt ġew konklużi bejn l-UE u ekonomija emerġenti sal-lum, huma bbażati fuq l-impenn konġunt taż-żewġ naħat lejn il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-integrazzjoni ekonomika miftuħa, ġusti u bbażati fuq ir-regoli. Il-ftehimiet ikomplu jsaħħu wkoll l-impenn tal-UE mar-reġjun tax-Xlokk tal-Asja, li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-ASEAN u l-UE, bl-għan li jkun hemm relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment aktar mill-qrib bejn iż-żewġ reġjuni.

Wara l-firem, il-ftehimiet issa se jiġu ppreżentati fuq in-naħa Vjetnamiża lill-Assemblea Nazzjonali għar-ratifika u fuq in-naħa tal-UE lill-Parlament Ewropew għall-kunsens tiegħu, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali rispettivi tal-Istati Membri tal-UE fil-każ tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti. Nittamaw li fix-xhur li ġejjin jiġu ratifikati malajr il-ftehimiet minn dawn il-korpi leġiżlattivi, sabiex in-negozji, il-ħaddiema, il-bdiewa u l-konsumaturi tagħna jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tagħhom malajr kemm jista' jkun.

Iż-żewġ naħat jikkondividu impenn qawwi għall-implimentazzjoni effettiva taż-żewġ ftehimiet u qed jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi skont dawn il-ftehimiet. L-UE se tappoġġa lill-Vjetnam permezz ta' assistenza teknika sabiex tiddefinixxi u ssegwi pjan ta' implimentazzjoni li jiffaċilita r-riformi u l-aġġustamenti meħtieġa, inkluż f'oqsma bħal miżuri sanitarji u fitosanitarji u ostakoli mhux tariffarji.

Lil hinn mill-benefiċċji ekonomiċi tagħhom, il-ftehimiet għandhom ukoll l-għan li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli kemm fil-Vjetnam kif ukoll fl-UE. F'dan il-kuntest, iż-żewġ naħat jaqblu dwar l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-obbligi skont il-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-ftehim kummerċjali. L-UE tilqa' l-passi pożittivi reċenti meħuda mill-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam dwar kwistjonijiet marbuta max-xogħol, jiġifieri r-ratifika tal-Konvenzjoni 98 tal-ILO dwar in-Negozjar Kollettiv u l-pjan li jiġi adottat il-kodiċi tax-xogħol rivedut fis-sessjoni li jmiss tiegħu fil-ħarifa tal-2019. L-UE tilqa' wkoll il-pjan tal-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam li jippreżenta l-Konvenzjoni 105 u 87 tal-ILO lill-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam għall-proċeduri ta' ratifika. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni ta' dan il-kapitolu kemm fl-UE kif ukoll fil-Vjetnam, permezz tal-Grupp Konsultattiv Domestiku, huwa wkoll kruċjali għall-effettività tiegħu.

Il-ftehimiet huma parti integrali mill-qafas stabbilit mill-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam, li jirregola r-relazzjonijiet bilaterali globali tagħna f'diversi oqsma, inklużi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-paċi u s-sigurtà, il-kummerċ u l-investiment, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-affarijiet soċjali, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u kwistjonijiet oħra ta' interess komuni.

L-UE u l-Vjetnam jistennew bil-ħerqa li jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li dawn il-ftehimiet ambizzjużi jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

STATEMENT/19/3489

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos