Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Il-Kodiċi ta' Prattika kontra d-diżinformazzjoni: il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-pjattaformi qabel l-elezzjonijiet Ewropej

Brussell, is-17ta' mejju 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rapportiu l-analiżi tal-progress li Facebook, Google u Twitter għamlu f'April tal-2019biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni. It-tliet pjattaformi online huma firmatarji tal-Kodiċi ta' Prattika kontra d-diżinformazzjoni u ntrabtu li jirrapportaw kull xahar dwar il-miżuri li ħadu qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru f'Mejju tal-2019.

Fi stqarrija konġunta, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King, u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, qalu:

Aħna nirrikonoxxu l-progress kontinwu li Facebook, Google u Twitter għamlu f'rabta mal-impenji tagħhom li jżidu t-trasparenza u li jipproteġu l-integrità tal-elezzjonijiet li ġejjin.

Aħna napprezzaw il-miżuri robusti li t-tliet pjattaformi ħadu kontra dawk li jużaw is-servizzi tagħhom b'mod manipulattiv, inkluż kontra l-kampanji kkoordinati ta' diżinformazzjoni. It-tliet pjattaformi pprovdew ukoll data dwar il-miżuri li ħadu biex itejbu l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami. Madankollu, jeħtieġ li jagħmlu aktar biex isaħħu l-integrità tas-servizzi tagħhom, inkluż is-servizzi ta' reklamar. Barra minn hekk, id-data pprovduta għadha mhix iddettaljata biżżejjed biex tkun tista' ssir valutazzjoni indipendenti u preċiża ta' kif il-politiki tal-pjattaformi fil-fatt ikkontribwew biex inaqqsu t-tixrid tad-diżinformazzjoni fl-UE.

It-tliet firmatarji issa kollha ħolqu libreriji ta' reklami politiċi aċċessibbli għall-pubbliku u qed jippermettu t-tiftix permezz tal-APIs, li huwa titjib ċar. Madankollu, jiddispjaċina li Google u Twitter ma kinux kapaċi jiżviluppaw u jimplimentaw politiki għall-identifikazzjoni u għall-iżvelar pubbliku ta' reklami dwar il-kwistjonijiet, li jistgħu jkunusors ta' dibattitu pubbliku li jifred lin-nies matul l-elezzjonijiet u għaldaqstant iwasslu għad-diżinformazzjoni.

Filwaqt li jħarsu lil hinn mill-elezzjonijiet Ewropej, il-firmatarji kollha issa jeħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex iwessgħu l-kooperazzjoni mal-verifikaturi tal-fatti fl-Istati Membri kollha, kif ukoll biex isaħħu l-pożizzjoni tal-utenti u tal-komunità tar-riċerka. B'mod partikolari, il-pjattaformi online jeħtieġ li jqiegħdu fil-prattika s-sett usa' ta' impenji tagħhom skont il-Kodiċi ta' Prattika, b'mod partikolari billi jaħdmu mal-midja tradizzjonali biex jiżviluppaw indikaturi tat-trasparenza u tal-affidabbiltà għas-sorsi tal-informazzjoni sabiex l-utenti jingħataw għażla ġusta ta' informazzjoni rilevanti u vverifikata.

Barra minn hekk, nitolbu lill-pjattaformi jikkooperaw aktar mill-qrib mal-komunità tar-riċerka sabiex jidentifikaw u jaċċessaw settijiet tad-data rilevanti, li jippermettu identifikazzjoni u analiżi aħjar tal-kampanji ta' diżinformazzjoni, monitoraġġ sod tal-implimentazzjoni u tal-impatt tal-Kodiċi u sorveljanza indipendenti tal-funzjonament tal-algoritmi, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha.

Finalment, wara d-dikjarazzjonijiet tal-Microsoft li huwa wkoll beħsiebu jiffirma l-Kodiċi, qed inħeġġu lil iktar u iktar pjattaformi online kif ukoll lil dawk li jirreklamaw u lill-operaturi tar-reklami online jiffirmawh, sabiex dan ikun jista' jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.”

L-eżiti ewlenin tar-rapporti:

  • Googleirrapporta dwar miżuri addizzjonali li ħa biex itejjeb l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami fl-UE, inkluż analiżi għal kull Stat Membru. Huwa semma d-disponibbiltà tar-Rapport ta' Trasparenza tal-UE dwar ir-reklamar politiku u l-librerija tar-reklami tiegħu li wieħed jista' jfittex fiha, inkluża l-possibbiltà li wieħed juża l-interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet ta' Google Cloud “BigQuery” biex isiru mistoqsijiet personalizzati. Google irrapporta dwar l-isforzi li qed jagħmel biex jipprovdi t-trasparenza fir-reklamar dwar il-kwistjonijiet, iżda ħabbar li mhux se jilħaq idaħħal fis-seħħ soluzzjoni għal dan qabel l-elezzjonijiet Ewropej. Reġgħet ġiet ipprovduta data globali dwar it-tneħħija ta' għadd sinifikanti ta' kanali tal-YouTube minħabba ksur tal-politiki tiegħu dwar l-ispam, prattiki qarrieqa u inganni, u l-personifikazzjoni;
  • Facebook irrapporta dwar il-miżuri li ħa fl-UE kontra r-reklami li kisru l-politiki tiegħu minħabba li kien fihom kontenut ta' kwalità baxxa, ta' tfixkil, qarrieqi jew falz jew minħabba li kienu qed jippruvaw jevitaw is-sistemi tiegħu. Sa minn nofs April beda jinforza l-politika tiegħu dwar ir-reklamar politiku u r-reklamar ibbażat fuq kwistjonijiet speċifiċi u beda jneħħi minn fuq Facebook u minn fuq Instagram dawk ir-reklami li ma kinux konformi magħha. Ir-rapport ta' April ipprovda wkoll informazzjoni dwar il-ftuħ taċ-ċentru tal-operazzjonijiet tiegħu f'Dublin marbut mal-elezzjonijiet, li fih jaħdmu speċjalisti li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE u l-lingwi kollha tagħha. Facebook irrapporta li neħħa netwerk li ħaddan imġiba kkoordinata u mhux awtentika li oriġina mir-Russja u li kien jiffoka fuq l-Ukrajna. Ir-rapport ma ddikjarax jekk dan in-netwerk affettwax ukoll lill-utenti fl-UE. Barra minn hekk, Facebook irrapporta li ta aċċess ġdid lir-riċerkaturi għall-interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet tiegħu “CrowdTangle” u għas-sett ta' data tal-URLs tiegħu;
  • Twitter irrapporta dwar reklami rrifjutati talli ma kkonformawx mal-politiki tiegħu fir-rigward ta' prattiki tan-negozju mhux aċċettabbli u ta' reklami ta' kwalità. Dan ipprovda informazzjoni dwar ir-reklami li ma ġewx ippubblikati minħabba li ma ġiex komplut il-proċess taċ-ċertifikazzjoni li huwa obbligatorju għall-dawk li jagħmlu r-reklami tal-kampanji politiċi. Twitter irrapporta dwar politika ġdida ta' integrità elettorali, li tipprojbixxi kategoriji speċifiċi ta' mġiba u kontenut manipulattivi, bħal informazzjoni qarrieqa dwar il-mod kif wieħed jipparteċipa fl-elezzjonijiet u l-intimidazzjoni tal-votanti. Twitter ipprovda ċifri dwar il-miżuri li ħa kontra l-ispam u kontra l-kontijiet foloz, iżda ma pprovdiex aktar informazzjoni dwar dawn il-miżuri, jiġifieri dwar kif dawn jirrelataw mal-attivitajiet fl-UE.

Il-passi li jmiss

Ir-rapporti tal-lum ikopru l-miżuri li l-kumpaniji online ħadu f'April tal-2019. Dawn jippermettu lill-Kummissjoni tivverifika li, qabel l-elezzjonijiet Ewropej f'Mejju tal-2019, ikunu fis-seħħ politiki effikaċi biex jiżguraw l-integrità tal-proċessi elettorali.

Ir-rappurtar ta' kull xahar miftiehem skont il-Kodiċi ta' Prattika se jdum għaddej sa ma jsiru l-elezzjonijiet Ewropej. L-aħħar sett ta' rapporti tal-pjattaformi se jiġi ppubblikat f'Ġunju. Kif ġie miftiehem f'Marzu, il-mexxejja tal-UE se jerġgħu jikkunsidraw il-kwistjoni tad-diżinformazzjoni fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni se titqies waqt dawn id-diskussjonijiet.

Sa tmiem l-2019, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni komprensiva tal-ewwel sena ta' applikazzjoni tal-Kodiċi. Jekk ir-riżultati ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri ulterjuri, inkluż ta' natura regolatorja.

Il-kuntest

Il-Kodiċi ta' Prattika ġie tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE — dan se jiffaċilita l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell nazzjonali, irendih aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha u jkompli jżid l-użu tiegħu.

Iċ-ċiklu ta' rappurtar ta' kull xahar jibni fuq il-Kodiċi ta' Prattika u jagħmel parti mill-Pjan ta' azzjoni kontra d-diżinformazzjoni li l-Unjoni Ewropea adottat f'Diċembru li għadda biex tibni l-kapaċitajiet u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ħalli jindirizzaw b'mod proattiv it-theddid li jirriżulta mid-diżinformazzjoni.

F'Ottubru tal-2018, il-firmatarji rapportaturi ntrabtu bil-Kodiċi ta' Prattika fuq bażi volontarja. L-għan tal-Kodiċi hu li jintlaħqu l-għanijiet stipulati mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f'April tal-2018 billi jiġu stabbiliti firxa wiesgħa ta' impenji:

  • li jiġi mfixkel id-dħul mir-reklamar għall-kontijiet u għas-siti web li jipprovdu informazzjoni falza, u li dawk li jirreklamaw jingħataw għodod ta' sikurezza adegwati u informazzjoni dwar is-siti web li jippromwovu d-diżinformazzjoni;
  • li jiġi permess l-iżvelar pubbliku tar-reklamar politiku u li jsiru sforzi biex jiġi żvelat ir-reklamar ibbażat fuq il-kwistjonijiet;
  • li tkun disponibbli politika ċara dwar l-identità u l-bots online għall-pubbliku u li jittieħdu miżuri biex jingħalqu l-kontijiet foloz;
  • li jingħataw informazzjoni u għodod li jgħinu lin-nies jieħdu deċiżjonijiet infurmati, u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal perspettivi differenti dwar suġġetti ta' interess pubbliku, filwaqt li tingħata prominenza lil sorsi affidabbli;
  • li r-riċerkaturi jingħataw aċċess għad-data li jkun konformi mal-privatezza, biex ikunu jistgħu jimmonitorjaw u jifhmu aħjar it-tixrid u l-impatt tad-diżinformazzjoni.

Qabel l-elezzjonijiet Ewropej li se jsiru f'Mejju tal-2019, il-Kummissjoni qed tissorvelja l-progress tal-pjattaformi biex jilħqu l-impenji li huma l-aktar rilevanti u urġenti qabel il-kampanja elettorali, jiġifieri l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami, ir-reklamar politiku u r-reklamar ibbażat fuq kwistjonijiet speċifiċi, u l-integrità tas-servizzi. It-tali monitoraġġ qed isir f'kooperazzjoni mal-Grupp ta' Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (l-ERGA).

Il-Kodiċi ta' Prattika jmur id f'id mar-Rakkomandazzjoni inkluża fil-pakkett elettorali mħabbar mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu tal-2018 dwar l-Istat tal-Unjoni biex jiġu żgurati elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħielsa, ġusti u siguri. Il-miżuri jinkludu iktar trasparenza fir-reklamar politiku online u l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet għall-użu illegali tad-data personali biex jiġi influwenzat b'mod intenzjonat ir-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej. L-Istati Membri ngħataw parir ukoll iwaqqfu netwerk nazzjonali ta' kooperazzjoni għall-elezzjonijiet magħmul mill-awtoritajiet rilevanti, bħall-awtoritajiet elettorali, l-awtoritajiet taċ-ċibersigurtà, dawk tal-protezzjoni tad-data u dawk tal-infurzar tal-liġijiet, u jaħtru punt ta' kuntatt biex jipparteċipa f'netwerk ta' kooperazzjoni għall-elezzjonijiet fuq livell Ewropew. L-ewwel laqgħa fil-livell Ewropew saret fil-21 ta' Jannar 2019, it-tieni waħda saret fis-27 ta' Frar, u t-tielet waħda saret fl-4 ta' April.

Il-Kodiċi ta' Prattika jikkumplimenta wkoll għadd ta' miżuri għall-appoġġ tal-litteriżmu fil-midja kif ukoll il-ħolqien ta' netwerk ta' verifikaturi tal-fatti u ta' riċerkaturi indipendenti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni qed tiffinanzja l-proġett “Osservatorju Soċjali għall-Analiżi tad-Diżinformazzjoni u l-Media Soċjali” (SOMA), li jipprovdi pjattaforma kollaborattiva għall-verifikaturi tal-fatti Ewropej indipendenti. L-għan aħħari ta' dawn il-miżuri kollha huwa li jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u tal-utenti biex jiġbdu l-attenzjoni għat-theddid mid-diżinformazzjoni u biex jikkooperaw mal-pjattaformi biex jiġu identifikati u analizzati aħjar il-mudelli u x-xejriet tad-diżinformazzjoni.

Għal aktar Tagħrif

Ir-rapporti ta' April dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika

Ir-rapporti ta' Marzu

Ir-rapporti ta' Frar

Ir-rapporti ta' Jannar

Mistoqsijiet u Tweġibiet

L-istqarrija għall-istampa msejħa “Ewropa li Tipproteġi: L-UE tintensifika l-azzjoni kontra d-diżinformazzjoni”

L-iskeda informattiva msejħa “Pjan ta' azzjoni kontra d-diżinformazzjoni”

Il-Komunikazzjoni msejħa “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew”

Is-sit web tal-UE kontra d-diżinformazzjoni msejjaħ “EU vs Disinfo”

STATEMENT/19/2570

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar