Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Riforma tad-drittijiet tal-awtur: il-Kummissjoni tilqa' l-vot tal-Parlament Ewropew favur regoli modernizzati adattati għall-era diġitali

Strasburgu, is-26ta' marzu 2019

Illum il-Parlament Ewropew ivvota favur id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur il-ġdida mfassla biex iġġib benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, għas-setturi kreattivi kollha, għall-istampa, għar-riċerkaturi, għall-edukaturi u għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.

Il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali Mariya Gabriel jesprimu s-sodisfazzjon tagħhom dwar dan l-iżvilupp f'dikjarazzjoni konġunta:

“Nilqgħu bil-qalb l-approvazzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali. Din id-Direttiva tħares il-kreattività fl-era diġitali u tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn aċċess usa' għall-kontenut u garanziji ġodda li jħarsu l-libertà tal-espressjoni tagħhom online. Ir-regoli l-ġodda se jsaħħu l-industriji kreattivi tagħna, li jirrappreżentaw 11.65-il miljun impjieg, 6.8 % tal-PDG u b'valur ta' €915,000-il miljun fis-sena.

II-vot tal-lum jiżgura bilanċ tajjeb bejn l-interessi tal-atturi kollha - l-utenti, il-ħallieqa tal-kontenut, l-awturi, l-istampa - filwaqt li jintroduċi obbligi proporzjonati fuq il-pjattaformi online.

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur tħares il-libertà tal-espressjoni, valur ewlieni tal-Unjoni Ewropea. Tistabbilixxi salvagwardji b'saħħithom għall-utenti, filwaqt li tagħmilha ċara li l-użu ta' xogħlijiet eżistenti għall-finijiet ta' kwotazzjoni, kritika, rieżami, karikatura kif ukoll parodija huwa permess b'mod espliċitu kullimkien fl-Ewropa. Dan ifisser li memes u kreazzjonijiet ta' parodiji simili jistgħu jintużaw liberament. L-interessi tal-utenti jitħarsu wkoll permezz ta' mekkaniżmi effettivi li jikkontestaw malajr kull meta l-kontenut tagħhom jitneħħa mill-pjattaformi mingħajr ġustifikazzjoni.

Fl-istess ħin, id-Direttiva se ttejjeb il-pożizzjoni tal-ħallieqa tal-kontenut fin-negozjati tagħhom ma' pjattaformi kbar li jiksbu benefiċċji kbar mill-kontenut tagħhom. Il-kittieba, il-ġurnalisti, il-kantanti, il-mużiċisti u l-atturi se jsibuha eħfef li jinnegozjaw offerti aktar vantaġġużi mal-pubblikaturi jew mal-produtturi tagħhom. Ir-regoli l-ġodda se jippermettu wkoll li l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-universitajiet, l-iskejjel, il-libreriji u l-mużewijiet jużaw iżjed kontenut online. Id-Direttiva tqis it-teknoloġiji l-ġodda biex jiġi żgurat li r-riċerkaturi jkunu jistgħu jużaw l-estrazzjoni ta' test u ta' data fil-potenzjal kollu tagħha.

Nirringrazzjaw il-partijiet involuti kollha, u b'mod partikolari l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Istati Membri għall-isforzi kollha tagħhom biex din ir-riforma kruċjali għall-futur tal-Ewropa setgħet tkun possibbli.”

Kuntest

L-istħarriġ tal-Kummissjoni wera li fl-2016, 57 % tal-utenti tal-internet kienu qed jaqraw l-artikli tal-istampa permezz tan-netwerks soċjali, tal-aggregaturi tal-informazzjoni jew tal-magni tat-tiftix. Fost dawn l-utenti, 47 % jaqraw l-estratti miġbura minn dawn is-siti mingħajr ma jikklikkjaw fuq il-link. L-istess xejra kienet osservata għall-industrija tal-mużika u tal-films: 49 % tal-utenti tal-internet fl-UE jaċċessaw kontenut tal-mużika jew awdjoviżiv online, u 40 % tal-persuni ta' bejn il-15 u l-24 sena raw it-TV online mill-inqas darba fil-ġimgħa. Minn dak iż-żmien 'l hawn din ix-xejra sparat 'il fuq.

Il-Passi li Jmiss

It-test adottat illum mill-Parlament Ewropew issa jeħtieġ jiġi approvat formalment mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-ġimgħat li ġejjin. Ladarba jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-Istati Membri se jkollhom 24 xahar biex jittrasponu r-regoli l-ġodda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Kuntest

F'Settembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li timmodernizza r-regoli tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Awtur biex il-kultura Ewropea toktor u tinxtered, u dan bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

Ir-riforma tad-Drittijiet tal-Awtur tal-UE hija prijorità għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea. Din timmodernizza r-regoli tad-drittijiet tal-awtur tal-UE li jmorru lura għall-2001, meta ma kienx hemm media soċjali, videos on demand, jew mużewijiet li jiddiġitalizzaw il-kollezzjonijiet tal-arti tagħhom, u ma kienx hemm għalliema jagħtu l-korsijiet online.

Il-ftehim tal-lum huwa parti minn inizjattiva usa' biex ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur jiġu adattati għall-era diġitali. F'Diċembru 2018, il-koleġiżlaturi tal-UE qablu dwar regoli ġodda li jagħmluha aktar faċli li x-xandara Ewropej jagħmlu disponibbli ċerti programmi fuq it-TV live jew fuq is-servizzi ta' ripetizzjoni online tagħhom. U mill-1 ta' April 2018, l-Ewropej li jixtru jew jabbonaw għal films, xandiriet sportivi, mużika, kotba elettroniċi u logħob fl-Istat Membru fejn jgħixu, qed ikollhom aċċess għal dan il-kontenut meta jivvjaġġaw jew meta jkunu qed joqogħdu temporanjament f'pajjiż ieħor tal-UE.

 

Għal aktar tagħrif

STATEMENT/19/1839

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar