Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Stqarrija dwar il-Kodiċi ta' Prattika kontra d-diżinformazzjoni: Il-Kummissjoni titlob lill-pjattaformi online biex jipprovdu aktar dettalji dwar il-progress li sar

Brussell, it-28ta' frar 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-rapporti minn Facebook, Google u Twitter li jkopru l-progress li sar f'Jannar 2019 dwar l-impenji tagħhom biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni. Dawn it-tliet pjattaformi online huma firmatarji tal-Kodiċi ta' Prattika kontra d-diżinformazzjoni u ntalbu jirrapportaw kull xahar dwar l-azzjonijiet tagħhom qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Mejju 2019.

B'mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni talbet li tingħata informazzjoni dettaljata biex jiġi mmonitorjat il-progress dwar l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami, it-trasparenza tar-reklamar politiku, l-għeluq tal-kontijiet foloz u s-sistemi ta' mmarkar għall-bots awtomatizzati. Fi stqarrija konġunta, il-Viċi President għas-Suq Uniku Diġitali, Andrus Ansip, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Unjoni tas-Sigurtà, Julian King, u l-Kummissarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, qalu:

“Il-pjattaformi online li ffirmaw il-Kodiċi ta' Prattika qed iniedu l-politiki tagħhom fl-Ewropa biex jappoġġaw l-integrità tal-elezzjonijiet. Dan jinkludi l-iskrutinju aħjar tat-tqegħid tar-reklami, it-trasparenza tal-għodod għar-reklamar politiku u l-miżuri biex tiġi identifikata u mwaqqfa l-imġiba mhux awtentika tas-servizzi tagħhom.

Madankollu, għandna bżonn naraw iktar progress fir-rigward tal-impenji li saru mill-pjattaformi online biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni. Il-pjattaformi ma tawx biżżejjed dettalji li juru li politiki u għodod ġodda qed jiġu implimentati f'waqthom u b'biżżejjed riżorsi fl-Istati Membri tal-UE kollha. Ir-rapporti ma jipprovdux biżżejjed informazzjoni dwar ir-riżultati attwali tal-miżuri li diġà ttieħdu.

Fl-aħħar nett, il-pjattaformi naqsu milli jidentifikaw il-punti ta' riferiment speċifiċi li jippermettu t-traċċar u l-kejl tal-progress fl-UE. Il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta tvarja minn firmatarju tal-Kodiċi għal ieħor skont l-oqsma tal-impenn koperti minn kull rapport. Dan juri biċ-ċar li hemm lok għal titjib għall-firmatarji kollha.

Il-kampanji elettorali li ġejjin tal-elezzjonijiet Ewropej se jibdew b'mod intensiv f'Marzu. Inħeġġu lill-pjattaformi biex iħaffu l-isforzi tagħhom, hekk kif ninsabu mħassbin dwar is-sitwazzjoni. Inħeġġu lil Facebook, Google u Twitter ħalli jaħdmu iktar fl-Istati Membri kollha biex jgħinu fl-iżgurar tal-integrità tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f'Mejju 2019.

Inħeġġu wkoll lill-pjattaformi biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-verifikaturi tal-fatti u r-riċerkaturi akkademiċi biex jidentifikaw il-kampanji ta' diżinformazzjoni u jagħmlu l-kontenut ivverifikat bil-fatti iktar viżibbli u mifrux.”

Eżiti ewlenin tar-rapporti tal-firmatarji:

  • Facebook ma rrapportax dwar ir-riżultati tal-attivitajiet li twettqu f'Jannar fir-rigward tal-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami. Iktar qabel ħabbar li f'Marzu 2019 se jkun disponibbli arkivju pan-UE għar-reklamar politiku u tal-kwistjonijiet. Ir-rapport jipprovdi aġġornament dwar il-każijiet tal-interferenza minn pajjiżi terzi fl-Istati Membri tal-UE, iżda ma jirrapportax dwar l-għadd ta' kontijiet foloz li tneħħew minħabba attivitajiet malizzjużi mmirati b'mod speċifiku lejn l-Unjoni Ewropea.
  • Google pprovda data dwar l-azzjonijiet li ttieħdu f'Jannar biex jitjieb l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami fl-UE, maqsuma skont l-Istat Membru. Madankollu, il-metriċi fornuti mhumiex speċifiċi biżżejjed u ma jiċċarawx sa fejn ittieħdu l-azzjonijiet biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni jew għal raġunijiet oħra (eż. reklamar qarrieqi). Fid-29 ta' Jannar, Google ppubblika politika ġdida dwar “ir-reklamar tal-elezzjonijiet” u se jibda jippubblika Rapport ta' Trasparenza dwar ir-Reklami Politiċi hekk kif ir-reklamaturi jibdew joħorġu dawn ir-reklami. Google ma pprovda l-ebda evidenza tal-implimentazzjoni konkreta tal-politiki tiegħu dwar l-integrità tas-servizzi għax-xahar ta' Jannar.
  • Twitter ma pprovda l-ebda metrika dwar l-impenji tiegħu biex itejjeb l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami. Fir-rigward tat-trasparenza tar-reklami politiċi, għall-kuntrarju ta' dak li tħabbar fir-rapport ta' implimentazzjoni f'Jannar, Twitter ippospona d-deċiżjoni sar-rapport ta' Frar. Fir-rigward tal-integrità tas-servizzi, fl-Arkivju tiegħu tal-Operazzjonijiet Barranin Potenzjali, Twitter żied ħames settijiet ta' kontijiet ġodda, li jinkludu għadd kbir ta' kontijiet f'pajjiżi terzi, li huma disponibbli għall-pubbliku u jistgħu jiġu mfittxa, iżda ma rrapportax dwar il-metriċi biex jitkejjel il-progress.

Il-passi li jmiss

Ir-rapporti tal-lum ikopru l-miżuri li ttieħdu mill-kumpaniji online f'Jannar 2019. Ir-rapport ta' kull xahar li jmiss, li jkopri l-attivitajiet imwettqa fi Frar, se jiġi ppubblikat f'Marzu 2019. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li qabel l-elezzjonijiet Ewropej f'Mejju 2019, ikunu fis-seħħ politiki effikaċi biex jiżguraw l-integrità tal-proċessi elettorali.

Sa tmiem l-2019, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni komprensiva tal-perjodu inizjali ta' 12-il xahar tal-Kodiċi. Jekk ir-riżultati ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tipproponi azzjonijiet ulterjuri, inklużi dawk ta' natura regolatorja.

Kuntest

Il-monitoraġġ tal-Kodiċi ta' Prattika huwa parti mill-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni li l-Unjoni Ewropea adottat f'Diċembru li għadda biex tibni l-kapaċitajiet u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ħalli jindirizzaw b'mod proattiv it-theddid li jirriżulta mid-diżinformazzjoni.

F'Ottubru 2018, il-firmatarji rapportaturi impenjaw ruħhom għall-Kodiċi ta' Prattika fuq bażi volontarja. F'Jannar 2019, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-ewwel rapporti sottomessi mill-firmatarji tal-Kodiċi ta' Prattika kontra d-diżinformazzjoni. L-għan tal-Kodiċi hu li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f'April 2018, billi jistabbilixxi firxa wiesgħa ta' impenji li jduru madwar ħames oqsma:

  • Li jiġi mfixkel id-dħul mir-reklamar għall-kontijiet u s-siti web li jipprovdu informazzjoni falza, u li r-reklamaturi jingħataw għodod ta' sikurezza u informazzjoni adegwati dwar is-siti web li jippromwovu d-diżinformazzjoni.
  • Li tiġi permessa d-divulgazzjoni pubblika tar-reklamar politiku u li jsir sforz lejn id-divulgazzjoni tar-reklamar ibbażat fuq il-kwistjonijiet.
  • Li tkun disponibbli politika ċara dwar l-identità u l-bots online għall-pubbliku u li jittieħdu miżuri biex jingħalqu l-kontijiet foloz.
  • Li jingħataw informazzjoni u għodod li jgħinu lin-nies jieħdu deċiżjonijiet informati, u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal diversi perspettivi dwar suġġetti ta' interess pubbliku, filwaqt li tingħata prominenza lil sorsi affidabbli.
  • Li jingħata aċċess konformi mal-privatezza għad-data lir-riċerkaturi biex jiġu traċċati u jinftiehmu aħjar it-tixrid u l-impatt tad-diżinformazzjoni.

Bejn Jannar u Mejju 2019, il-Kummissjoni qed twettaq Monitoraġġ Intermedju mmirat kull xahar tal-azzjonijiet tal-firmatarji tal-pjattaformi biex jiġu implimentati l-impenji tal-Kodiċi li huma l-iktar rilevanti u urġenti biex jiżguraw l-integrità tal-elezzjoni. Jiġifieri: l-iskrutinju tat-tqegħid tar-reklami (Impenn 1); ir-reklamar politiku u bbażat fuq il-kwistjonijiet (Impenji 2 sa 4); u l-integrità tas-servizzi (Impenji 5 u 6).

Il-Kodiċi ta' Prattika jmur ukoll id f'id mar-Rakkomandazzjoni inkluża fil-pakkett elettorali mħabbar mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu tal-2018 dwar l-Istat tal-Unjoni biex jiġu żgurati elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħielsa, ġusti u siguri. Il-miżuri jinkludu iktar trasparenza fir-reklamar politiku online u l-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet għall-użu illegali tad-data personali biex jiġi influwenzat deliberament l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej. B'riżultat ta' dan, l-Istati Membri stabilixxew netwerk nazzjonali ta' kooperazzjoni elettorali tal-awtoritajiet rilevanti – bħall-awtoritajiet elettorali, u dawk għaċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data u l-infurzar tal-liġi – u ħatru punt ta' kuntatt biex jipparteċipa f'netwerk ta' kooperazzjoni elettorali fil-livell Ewropew. L-ewwel laqgħa ta' dan in-netwerk saret fil-21 ta' Jannar 2019 u t-tieni waħda saret fis-27 ta' Frar 2019.

Aktar informazzjoni

Rapporti tal-pjattaformi online

Stqarrija għall-istampa: Ewropa li Tipproteġi: L-UE tintensifika l-azzjoni kontra d-diżinformazzjoni

Skeda informattiva: Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni

 

STATEMENT/19/1379

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar