Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Dikjarazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u tal-Kummissarju Christos Stylianides dwar il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja 2016

Brussell, id-19ta' awissu 2016

Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja huwa l-anniversarju mill-attakki tal-2003 fuq il-Kwartieri Ġenerali tan-NU f’Bagdad, l-Iraq, meta tilfu ħajjithom 22 ħaddiem umanitarju, inkluż ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU fl-Iraq Sergio Vieira de Mello.

Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini u l-Kummissarju Christos Stylianides, għamlu d-dikjarazzjoni li ġejja:

"Ix-xbihat traġiċi ta’ tfal minn Aleppo fis-Sirja sfortunatament juru b’mod ċar ħafna t-tbatija reali ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja li sabu ruħhom fi kriżi umanitarja.

Bħala Unjoni Ewropea, kien ilbieraħ stess li aħna tennejna l-ħtieġa urġenti għall-partijiet kollha involuti fil-konflitt biex jerġa’ jkun hemm il-waqfien tal-ostilitajiet, biex jitwaqqaf il-ġlied kollu u jkun hemm aċċess umanitarju sostnut mal-pajjiż kollu għal dawk fis-Sirja li qegħdin fil-bżonn.

Ninsabu f’kuntatt mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura, biex nappoġġaw l-isforzi li jippermettu lill-organizzazzjonijiet umanitarji biex jagħtu l-għajnuna li ssalva l-ħajjiet u biex tinstab soluzzjoni politika għall-konflitt.

U llum, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja, qed nagħtu ġieħ speċjali u nonoraw lill-ħaddiema umanitarji kollha madwar id-dinja li qed jaħdmu biex jgħinu lin-nies fil-bżonn.

Nonoraw il-memorja ta’ dawk kollha li ssagrifikaw ħajjithom sabiex jiġu salvati l-ħajjiet ta' oħrajn. Nonoraw lil dawk kollha li jpoġġu ħajjithom f'periklu waqt li jkunu qed jgħinu l-vittmi ta’ gwerer u ta' diżastri naturali fid-dinja kollha.

Kważi 4000 ħaddiem umanitarju sfaw vittma ta' attakki kbar minn meta bdew jinżammu ċ-ċifri fl-1997. Traġikament aktar minn terz minnhom inqatlu, u ħallsu l-ogħla prezz għall-ġid tal-umanità.

Ma rridux ninsew is-sagrifiċċju tagħhom. Irridu nsaħħu l-fehim tagħna u r-rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL, International Humanitarian Law) u għall-erba’ prinċipji umanitarji: l-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza. Aħna naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna li niddefendu d-Dritt Umanitarju Internazzjonali kif ukoll dawn il-prinċipji li għandhom jħarsu lill-ħaddiema umanitarji waqt li jkunu qed iwettqu ħidmiethom u li għandhom jiżguraw l-aċċess għall-persuni l-aktar fil-bżonn.

Is-sena li għaddiet, il-Kummissjoni Ewropea mmobilizzat l-akbar baġit li qatt sar għall-għajnuna umanitarja biex jiġu megħjuna dawk l-aktar fil-bżonn. Serva għall-vittmi tal-kunflitti fis-Sirja u fis-Sudan t'Isfel, biex jissaħħaħ is-sostenn tagħna għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, jew biex jiġu megħjuna dawk affettwati mill-fenomenu ta' maltemp estrem "El Niño", l-għajnuna tagħna għenet lil dawk l-aktar vulnerabbli.

L-Unjoni Ewropea hija kburija li tinsab minn ta' quddiem fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajnuna umanitarja, u li għenet lil aktar minn 134 miljun vittma ta' diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem f'aktar minn 80 pajjiż fl-2015."

 

Għal aktar tagħrif

MEMO L-Unjoni Ewropea tonora lill-ħaddiema umanitarji: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-2802_en.htm

Filmat: Il-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja - id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-UE Christos Stylianides: https://www.youtube.com/watch?v=0qqJBJrAqD4

Dikjarazzjoni dwar is-Sirja u s-sitwazzjoni f’Aleppo mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni Ewropea: http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/08/17-declaration-mogherini-on-syria-and-aleppo/

Is-sit web tad-Dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili tal-Kummissjoni Ewropea (ECHO):

http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm

Is-sit web tal-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides:

http://ec.europa.eu/commission/2014-2019/stylianides_en

 

 

STATEMENT/16/2801

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar