Navigation path

Left navigation

Additional tools

[Graphic in PDF & Word format]




KUNSILL TA'
L-UNJONI EWROPEA

MT
C/08/105
8619/08 (Presse 105)
(OR. en)
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
L-2864 u l-2865 laqgħa tal-Kunsill
Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni
Lussemburgu, 29 ta’ April 2008
President Is-Sur Dimitrij RUPEL
Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tas-Slovenja

Riżultati Prinċipali tal-Kunsill
Il-Kunsill laqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tal-Ftehim Interim mas-Serbja bħala pass importanti tal-pajjiż fi triqtu lejn l-UE. Huwa stenna bil-ħerqa l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni mas-Serbja permezz tal-qafas komprensiv offrut b'dawn il-ftehim u l-mekkaniżmi l-oħrajn tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Waqt li fakkru li kooperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY, inklużi l-isforzi possibbli kollha għall-arrest u t-trasferiment ta' l-akkużati, hija element essenzjali ta' dawn il-ftehim, il-Ministri qablu li jippreżentaw il-FSA lill-parlamenti tagħhom għal ratifika u l-Komunità ddeċidiet li timplimenta l-Ftehim Interim hekk kif il-Kunsill jiddeċiedi li s-Serbja tikkoopera bis-sħiħ ma' l-ICTY. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ser jimmonitorjaw regolarment li s-Serbja tkompli tikkoopera bis-sħiħ ma' l-ICTY. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser jassistu lis-Serbja f'dan ir-rigward. L-iffirmar tal-FSA u tal-Ftehim Interim seħħ fil-marġini tal-Kunsill.
Il-Kunsill laqa' l-konklużjoni ta' l-ewwel fażi tar-riforma tal-pulizija fil-Bosnja-Ħerzegovina bl-adozzjoni reċenti taż-żewġ liġijiet dwar il-pulizija. Huwa fakkar li l-ftehim dwar ir-riforma tal-pulizija f'konformità mat-tliet prinċipji ta' l-UE hu wieħed mill-kondizzjonijiet meħtieġa għal aktar progress lejn il-konklużjoni tal-FSA. Il-Kunsill irrikonoxxa l-progress tal-BiH fl-erba' kondizzjonijiet kollha għall-iffirmar tal-FSA kif imniżżlin fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2005. Waqt li jeħtieġ li l-Bosnja-Ħerzegovina twettaq aktar sforzi biex tindirizza r-riformi, il-Kunsill esprima li huwa lest biex jiffirma l-FSA. Bħallissa għaddejjin it-tħejjijiet tekniċi.
* * *
Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, regolament għar-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid ta' l-UE. L-għan tar-riforma hu li tiżdied il-kompetittività tal-produtturi ta' l-inbid fl-UE, li jerġgħu jittieħdu lura s-swieq kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE, ikunu bbilanċjati l-provvista u d-domanda, ikunu ssimplifikati r-regoli, ikunu ppreservati l-aqwa tradizzjonijiet tal-produzzjoni ta' l-inbid Ewropew, li tissaħħaħ in-nisġa soċjali taż-żoni rurali u li jkun żgurat r-rispett għall-ambjent. Dan ser japplika mill-1 ta' Awissu 2008, b'eċċezzjonijiet. Huwa parti mir-riforma tal-politika agrikola komuni ta' l-UE li bdiet fl-2003.

WERREJ1

Ġeorġja 19

Piraterija marittima 19

Tibet 19

RELAZZJONIJIET ESTERNI

  • Uzbekistan - Miżuri restrittivi - Konklużjonijiet tal-Kunsill 21
  • Reviżjoni tal-linji gwida ta' l-UE dwar it-tortura - Konklużjonijiet tal-Kunsill 23
  • Afganistan - Konklużjonijiet tal-Kunsill 23
  • Relazzjonijiet ma' l-Amerika Latina u l-Karibew 25
  • Relazzjonijiet mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf 26

KOOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP

  • Ftehim ta' Sħubija ta' Kotonù AKP-UE - Reviżjoni ta' nofs it-terminu 26

POLITIKA DWAR IL-KUMMERĊ

  • Anti-dumping - Friex tas-sodda, kumarina u xedd tas-saqajn 27

AFFARIJIET ĠENERALI

  • Proċedimenti fil-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill 27
  • Nikkomunikaw l-Ewropa - Konklużjonijiet tal-Kunsill 27

TRASPARENZA

  • Rapport annwali dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti 28
  • Aċċess pubbliku għad-dokumenti 28

BAĠIT

  • Aġġustament għall-qafas finanzjarju pluriennali ta' l-UE 29

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

  • Skeda SIS II 29
  • Ċentru ta' Monitoraġġ ta' l-UE għad-drogi u d-dipendenza fuq id-drogi - Parteċipazzjoni tat-Turkija 29

AGRIKOLTURA

  • Riforma tas-settur ta' l-inbid 30
  • Il-monitoraġġ ta' l-enċefalopatija sponġiformi ta' l-ifrat (BSE) 32

RIĊERKA

  • Fond ta' riċerka għall-faħam u l-azzar * 32

AMBJENT

  • Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosigurtà - Direttivi tan-negozjati 33

PARTEĊIPANTI

Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea kienu rappreżentati kif ġej:

Belġju:

Is-Sur Karel DE GUCHT Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sur Olivier CHASTEL Segretarju ta' l-Istat ta' l-Affarijiet Barranin

Bulgarija:

Is-Sur Ivailo KALFIN Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Karel SCHWARZENBERG Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Danimarka:

Is-Sur Per Stig MØLLER Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sur Michael ZILMER-JOHNS Segretarju ta' l-Istat għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà, il-Politika UE u l-Koordinazzjoni UE

Ġermanja:

Is-Sur Günter GLOSER Ministru ta' l-Istat, Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Estonja:

Is-Sur Urmas PAET Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Irlanda:

Is-Sur John McGUINNESS Ministru ta' l-Istat b'responsabbiltà speċjali għall-Kummerċ fid-Dipartiment ta' l-Intrapriża, il-Kummerċ u l-Impjiegi

Greċja:

Is-Sur Ioannis VALINAKIS Segretarju ta' l-Istat ta' l-Affarijiet Barranin

Spanja:

Is-Sur Diego LÓPEZ GARRIDO Segretarju ta' l-Istat ta' l-Affarijiet Ewropej

Franza:

Is-Sur Jean-Pierre JOUYET Segretarju ta' l-Istat ta' l-Affarijiet Ewropej

Italja:

Is-Sur Rocco CANGELOSI Rappreżentant Permanenti

Ċipru:

Is-Sur Markos KYPRIANOU Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Latvja:

Is-Sur Māris RIEKSTIŅŠ Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Litwanja:

Is-Sur Petras VAITIEKŪNAS Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Lussemburgu:

Is-Sur Jean ASSELBORN Viċi Prim Ministru, Ministru b'responsabbiltà għall-Affarijiet Barranin u l-Immigrazzjoni

Is-Sur Nicolas SCHMIT Ministru b'responsabbiltà għall-Affarijiet Barranin u l-Immigrazzjoni

Ungerija:

Is-Sinjura Kinga GÖNCZ Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Malta:

Is-Sur Tonio BORG Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Olanda:

Is-Sur Maxime VERHAGEN Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sur Frans TIMMERMANS Ministru ta' l-Affarijiet Ewropej

Awstrija:

Is-Sinjura Ursula PLASSNIK Ministru Federali ta' l-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali

Polonja:

Is-Sur Radosław SIKORSKI Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Portugall:

Is-Sur Manuel LOBO ANTUNES Segretarju ta' l-Istat ta' l-Affarijiet Ewropej, anness mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Rumanija:

Is-Sur Lazar COMANESCU Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Slovenja:

Is-Sur Dimitrij RUPEL Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-SurMatjaž ŠINKOVEC Segretarju ta' l-Istat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Sur Janez LENARČIČ Segretarju ta' l-Istat fl-Uffiċċju tal-Gvern ta' l-Affarijiet Ewropej

Slovakkja:

Is-Sinjura Diana STROFOVA Segretarju ta' l-Istat fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Finlandja:

Is-Sur Alexander STUBB Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sinjura Astrid THORS Ministru tal-Migrazzjoni u l-Affarijiet Ewropej

Svezja:

Is-Sur Carl BILDT Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Renju Unit:

Is-Sur Jim MURPHY Ministru ta' l-Istat għall-Ewropa

Kummissjoni:

Is-Sur Olli REHN Membru

Is-Sur Louis MICHEL Membru

Is-Sinjura Benita FERRERO-WALDNER Membru

Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill:

Is-Sur Javier SOLANA Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-PESK

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

BALKANI TAL-PUNENT - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Balkani tal-Punent, b'fokus partikolari fuq is-Serbja u l-Bosnja-Ħerzegovina u adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"IS-SERBJA

Il-Kunsill jilqa' l-iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) u tal-Ftehim Interim mas-Serbja bħala pass importanti tal-pajjiż fi triqtu lejn l-UE. Huwa stenna bil-ħerqa l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni mas-Serbja permezz tal-qafas komprensiv offrut b'dawn il-ftehim u l-mekkaniżmi l-oħrajn tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Il-Kunsill fakkar l-Artikoli 2, 4 u 133 tal-FSA u l-Artikoli 1 u 54 tal-Ftehim Interim u ddikjara li kooperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY, inklużi l-isforzi possibbli kollha għall-arrest u t-trasferiment ta' l-akkużati, hija element essenzjali ta' dawn il-Ftehim.

Għaldaqstant, il-Ministri qablu li jippreżentaw il-FSA lill-parlamenti tagħhom għal ratifika u l-Komunità ddeċidiet li timplimenta l-Ftehim Interim hekk kif il-Kunsill jiddeċiedi li s-Serbja tikkoopera bis-sħiħ ma' l-ICTY.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni ser jimmonitorjaw regolarment li s-Serbja tkompli tikkoopera bis-sħiħ ma' l-ICTY. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser jassistu lis-Serbja f'dan ir-rigward.

BOSNJA-ĦERZEGOVINA

Il-Kunsill laqa' l-konklużjoni ta' l-ewwel fażi tar-riforma tal-pulizija bl-adozzjoni reċenti taż-żewġ liġijiet dwar il-pulizija. Il-Kunsill fakkar li l-ftehim dwar ir-riforma tal-pulizija f'konformità mat-tliet prinċipji ta' l-UE hu wieħed mill-kondizzjonijiet meħtieġa għal aktar progress lejn il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA).

Il-Kunsill irrikonoxxa l-progress tal-BiH fl-erba' kondizzjonijiet kollha għall-iffirmar tal-FSA kif imniżżlin fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2005. Waqt li jeħtieġ li l-Bosnja-Ħerzegovina twettaq aktar sforzi biex tindirizza r-riformi, il-Kunsill esprima li huwa lest biex jiffirma l-FSA. Bħallissa għaddejjin it-tħejjijiet tekniċi.

Il-Kunsill enfasizza l-importanza tal-FSA futur bħala l-qafas essenzjali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-BiH, kif ukoll bħala element importanti li jiżgura l-istabbiltà u jsaħħaħ id-djalogu fil-BiH. Għalhekk, huwa ħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha tal-BiH biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex ikomplu jsegwu b'determinazzjoni kbira l-aġenda ta' riforma tagħha, inklużi l-prijoritajiet stabbiliti fis-Sħubija Ewropea.

Waqt li fakkar fil-Konklużjoni tiegħu ta' l-10 ta' Marzu 2008, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi djalogu dwar il-viżi mal-BiH mill-aktar fis possibbli.

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-BALKANI TAL-PUNENT

Il-Kunsill laqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: "Balkani tal-Punent: tisħiħ tal-perspettiva Ewropea" bħala bażi għad-diskussjonijiet li saru waqt il-Laqgħa informali tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE (Gymnich) u l-Forum UE-Balkani tal-Punent f'Brdo fid-29 ta' Marzu 2008.

Il-progress miksub fis-snin reċenti permezz tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jrid jinżamm u jsir irreversibbli. Il-perspettiva Ewropea jeħtieġ li tkun tanġibbli u aktar viżibbli għall-popli fil-Balkani tal-Punent.

Għal dan il-għan, il-Kunsill laqa' t-tnedija tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża u stenna bil-ħerqa li jiddiskuti l-pjanijiet direzzjonali għall-pajjiżi kollha fir-reġjun. Huwa laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli żżid l-għadd ta' boroż ta' studju mogħtijin lill-istudenti mill-Balkani tal-Punent biex jistudjaw fl-UE, l-inizjattiva biex jiżdied l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ma' l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u mad-donaturi bilaterali sabiex jiġi appoġġat l-iżvilupp soċjo-ekonomiku fir-reġjun. Huwa esprima appoġġ għall-kooperazzjoni msaħħa proposta dwar prevenzjoni, stat ta' tħejjija u rispons għal diżastri fir-reġjun u appella għal aktar parteċipazzjoni tal-Balkani tal-Punent fil-programmi u l-aġenziji Komunitarji, kif ukoll għall-iżvilupp ta' l-Iskola Reġjonali ta' l-Amministrazzjoni Pubblika (ReSPA) fi skola vera u proprja sa kmieni fl-2009.

Il-Kunsill hu impenjat li jappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-miżuri. Il-Kunsill stieden ukoll formazzjonijiet oħrajn tal-Kunsill biex imexxu 'l quddiem il-ħidma fl-oqsma bħalma huma t-trasport u l-enerġija, kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni."

ŻIMBABWE - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe u adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe wara l-elezzjonijiet tad-29 ta' Marzu u jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-dewmien fit-tħabbir tar-riżultat ta' l-elezzjonijiet presidenzjali kif ukoll dwar l-atti ta' intimidazzjoni, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u l-vjolenza.

2. L-UE tikkunsidra bħala inaċċettabbli u inġustifikabbli li erba' ġimgħat wara li l-poplu taż-Żimbabwe eżerċita d-dritt demokratiku fundamentali tiegħu, għadu ma ġie ppubblikat l-ebda riżultat ta' l-elezzjonijiet Presidenzjali. L-UE tappella biex ir-riżultati ta' l-elezzjonijiet Presidenzjali jiġu rilaxxati immedjatament u biex ikunu riflessjoni ġenwina tar-rieda ħielsa u demokratika tal-poplu taż-Żimbabwe, peress li d-dewmien iqajjem tħassib serju dwar il-kredibbiltà tal-proċess.

3. L-UE tikkundanna l-vjolenza u l-intimidazzjoni ta' wara l-elezzjoni kontra l-poplu taż-Żimbabwe u tappella għat-tmiem immedjat tagħhom. L-UE tikkunsidra li dawn l-inċidenti serji jidhru li huma attakki mmirati u motivati politikament kontra l-partitarji tal-bidla demokratika. L-UE tissottolinja wkoll li l-arresti reċenti wrew li l-Gvern taż-Żimbabwe mhuwiex impenjat li jippermetti lill-Kummissjoni Elettorali fiż-Żimbabwe tiffunzjona bħala istituzzjoni indipendenti.

4. L-UE tinnota li r-rispett għal-libertà ta' l-assemblea u tal-mezzi tax-xandir, kif ukoll atmosfera ħielsa mill-intimidazzjoni u l-vjolenza, huma kruċjali biex jinżammu elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u tappella biex il-proċess elettorali jitlesta f'kuntest li jirrispetta dawn il-prinċipji.

5. Il-pajjiżi fir-reġjun, il-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika t'Isfel u l-Unjoni Afrikana (SADC) għandhom rwol kruċjali u responsabbiltà biex ikomplu l-impenn tagħhom għas-soluzzjoni tal-kriżi attwali fiż-Żimbabwe. L-UE tikkondividi t-tħassib ta' l-SADC dwar is-sitwazzjoni u ttenni appoġġ sħiħ għall-isforzi tagħha għas-soluzzjoni tal-kriżi attwali. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jirrakkomanda li s-Summit straordinarju jsir f'Lusaka.

6. Il-Kunsill jibqa' mħasseb dwar l-effetti possibbli fuq l-istabbiltà tar-reġjun bħala konsegwenza ta' l-avvenimenti kurrenti u għalhekk jappella lill-SADC timpenja ruħha b'determinazzjoni mġedda ma' l-awtoritajiet taż-Żimbabwe biex jiġi implimentat l-eżitu tas-Summit ta' Lusaka inkluża d-deċiżjoni li tibqa' attivament involuta sat-tmiem tal-proċess elettorali.

7. L-UE tilqa' d-dikjarazzjoni minn Konarè, President tal-Kummissjoni ta' l-Unjoni Afrikana li ttenni r-rieda ta' l-UA biex taħdem flimkien mal-partijiet kollha kkonċernati, l-SADC, u l-komunità internazzjonali biex tiġi żgurata t-tlestija b'suċċess tal-proċess elettorali fiż-Żimbabwe.

8. L-UE tfakkar li hi ma tipprovdix jew tbigħ armamenti, materjali relatati jew tagħmir li jistgħu jintużaw għal ripressjoni interna fiż-Żimbabwe. Hija tħeġġeġ lill-oħrajn biex jeżerċitaw trażżin simili f'dan il-waqt billi jintroduċu moratorju de facto fuq tali bejgħ kollu u tilqa' azzjonijiet li diġà ttieħdu f'dan ir-rigward.

9. L-UE ser tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni u tesplora aktar l-għażliet biex tiżdied il-pressjoni fuq dawk li jidderieġu u jingaġġaw fil-vjolenza u l-intimidazzjoni sponsorjati mill-istat fil-perijodu ta' wara l-elezzjoni.

10. Il-Kunsill ifakkar lill-poplu taż-Żimbabwe fl-impenn kontinwu tiegħu u jenfasizza li l-UE tibqa' d-donatur l-aktar importanti għaż-Żimbabwe. L-UE tixtieq ukoll tikkonferma r-rieda tagħha li tkompli tagħmel użu minn kwalunkwe opportunità pprovduta biex iseħħ id-djalogu mal-Gvern taż-Żimbabwe elett demokratikament u, hekk kif il-kondizzjonijiet jippermettu, biex jibda jaħdem biex tissokta kooperazzjoni sħiħa."

IL-PROĊESS TA' PAĊI FIL-LVANT NOFSANI

Il-Ministri ddiskutew il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani bi tħejjija għal-laqgħa li ġejja tal-prinċipali tal-Kwartett u l-konferenza ministerjali tal-Kumitat ta' Kollegament Ad Hoc li ser issir f'Londra fit-2 ta' Mejju.

IRAQ

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-Iraq bil-ħsieb tat-tħejjija għall-konferenza ta' reviżjoni tal-Patt Internazzjonali ma' l-Iraq, li ser issir fi Stokkolma fid-29 ta' Mejju.

PAKISTAN - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Pakistan u adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill jilqa' l-progress li sar reċentement fil-proċess demokratiku fil-Pakistan. L-elezzjonijiet tat-18 ta' Frar 2008, ġeneralment meqjusa li kienu kompetittivi u li kisbu aktar fiduċja mill-pubbliku, taw kemm lill-Pakistan kif ukoll lill-UE opportunitajiet ġodda biex titjieb u tissaħħaħ ir-relazzjoni attwali. Il-Kunsill jilqa' t-tranżizzjoni għal gvernijiet ġodda f'livell federali u provinċjali u l-passi inizjali biex terġa' tinkiseb l-indipendenza ġudizzjarja.

2. L-UE tappoġġa bis-sħiħ lill-Gvern tal-Pakistan fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu, l-insurġenzi u l-opponenti vjolenti ta' soċjetà paċifika u demokratika. Il-Kunsill jagħraf is-sagrifiċċji li saru mill-poplu tal-Pakistan u l-forzi tas-sigurtà fil-ġlieda kontra minoranza radikali, lesta biex tisfratta l-progress u li hi kontra l-moderazzjoni. Il-Kunsill jappella lill-Gvern tal-Pakistan biex jindirizza l-kawżi sottostanti għar-radikalizzazzjoni, permezz ta' approċċ koerenti li jinkludi d-demokratizzazzjoni, l-iżvilupp soċjo-ekonomiku, l-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali.

3. Il-Kunsill jenfasizza l-impenn ta' l-UE biex tkompli tappoġġa lill-poplu u lill-gvern tal-Pakistan. Il-Kunsill jilqa' d-djalogu ta' l-UE mal-Pakistan u jtenni xewqatu li r-relazzjonijiet UE-Pakistan jissaħħu aktar, b'rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Ser isir fokus partikolari fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-kummerċ, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-non-proliferazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, l-edukazzjoni, kwistjonijiet inter-kulturali u l-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll kwistjonijiet ta' importanza internazzjonali usa'.

4. Fil-qofol tal-kooperazzjoni ta' l-UE mal-Pakistan hemm it-tisħiħ ta' l-iżvilupp għall-perijodu fit-tul, inkluż fl-oqsma ta' l-iżvilupp rurali u l-edukazzjoni. L-UE ser tfittex modi biex tespandi l-appoġġ tagħha għall-edukazzjoni, inklużi l-ħila ta' l-adulti li jkunu jafu jaqraw u jiktbu u t-taħriġ vokazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea, li żiedet sostanzjalment l-assistenza finanzjarja lill-Pakistan matul il-perijodu 2007-10, ser tkompli bid-djalogu regolari taħt il-Ftehim ta' Kooperazzjoni 2004.

5. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni ta' l-UE ta' Osservazzjoni Elettorali, l-UE ser tavviċina lill-awtoritajiet tal-Pakistan biex flimkien jesploraw il-modi biex jappoġġaw it-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi, il-qafas elettorali b'fokus partikolari fuq il-bini ta' istituzzjonijiet, ir-riforma leġislattiva u l-parteċipazzjoni tal-votant. Il-progress f'dak is-settur huwa essenzjali għas-sigurtà u l-istabbiltà għall-perijodu fit-tul tal-Pakistan. Il-Kunsill itenni l-importanza ta' assistenza akbar mill-UE fir-rigward ta' l-istat tad-dritt u d-djalogu dwaru.

6. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin hija l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. L-iskambju bi-annwali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem bejn il-Kapijiet ta' Missjoni ta' l-UE fl-Islamabad u l-Gvern tal-Pakistan jenfasizza dan l-impenn.

  1. Il-Kunsill jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għal kooperazzjoni wiesgħa u sostanzjali bejn il-Pakistan u l-ġirien tiegħu. F'dan ir-rigward, l-UE tendorsja bis-sħiħ l-inizjattivi li għandhom l-għan li jrawmu rabtiet transkonfinali aħjar bejn il-Pakistan u l-Afganistan, inkluż fil-qafas tal-G8, permezz tal-Proċess ta' Ankara, u l-Konferenza dwar Kooperazzjoni Ekonomika Reġjonali dwar l-Afganistan. Il-Kunsill itenni wkoll l-appoġġ tiegħu biex ikompli d-djalogu globali bejn il-Pakistan u l-Indja. L-UE tagħraf ukoll il-valur ta' appoġġ rigward opportunitajiet għat-tisħiħ ta' l-integrazzjoni kummerċjali reġjonali permezz tas-SAARC/SAFTA. L-UE ser tkompli tesplora mezzi kif issaħħaħ il-kummerċ mal-Pakistan u l-kummerċ fin-Nofsinhar ta' l-Asja.

  1. Il-Kunsill jenfasizza l-impenn tiegħu li jaħdem flimkien mal-Pakistan rigward in-non-proliferazzjoni u d-diżarm ta' Armi ta' Qerda Massiva f'forums internazzjonali. Sinjal qawwi f'dan ir-rigward ikun l-appoġġ mill-Pakistan għall-Konferenza f'Ġinevra dwar id-Diżarm biex jibdew in-negozjati dwar Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Produzzjoni ta' Materjal Fissili (FMCT). Il-Kunsill jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Pakistan ma' l-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika sabiex ikollha aktar informazzjoni dwar kwistjonijiet pendenti relatati mal-programm nukleari Iranjan.

  1. Il-Kunsill ser jirrevedi regolarment il-politika ta' l-UE rigward il-Pakistan."

BURMA/MJANMAR - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni f'Burma/Mjanmar u adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. L-Unjoni Ewropea tibqa' mħassba tassew bis-sitwazzjoni fil-Burma/il-Mjanmar u terġa' tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu passi rapidi għat-transizzjoni lejn gvern leġittimu u ċivili u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali.

2. Il-Kunsill jinnota r-rapport tal-Konsulent Speċjali tan-NU dwar il-Mjanmar, Ibrahim Gambari, dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe riżultat immedjat u tanġibbli taż-żjara reċenti tiegħu fil-Burma/il-Mjanmar. L-UE ttenni l-appoġġ sħiħ tagħha għall-Missjoni ta' Bon Offiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u jappella lis-sħab, partikolarment il-ġirien tal-Burma/il-Mjanmar, biex jagħmlu l-istess.

3. Il-Kunsill ifaħħar il-ħidma tal-Mibgħut Speċjali ta' l-UE Piero Fassino b'appoġġ ta' l-isforzi tan-NU u f'koordinament mas-sħab Asjatiċi. L-UE ser tintensifika l-konsultazzjonijiet mill-qrib tagħha mal-membri ta' l-ASEAN u l-ġirien l-oħrajn tal-Burma/il-Mjanmar, inklużi dawk li huma rappreżentati fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

4. Il-Kunsill jibqa' konvint li proċess biss, li jinvolvi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet kollha interessati fil-pajjiż, inklużi Daw Aung San Suu Kyi u gruppi etniċi, ser iwassal għal rikonċiljazzjoni u stabbiltà nazzjonali. Għalhekk il-Kunsill jemmen li l-abbozz tal-kostituzzjoni, ir-referendum u l-elezzjonijiet, kif attwalment konċepiti, mhux ser jindirizzaw il-ħafna problemi li qed tiffaċċja l-Burma/il-Mjanmar.

5. Il-Kunsill jappella lill-awtoritajiet biex jippermettu dibattitu ħieles u miftuħ mill-atturi politiċi kollha dwar il-kostituzzjoni qabel ir-referendum ta' l-10 ta' Mejju, u jirrevokaw il-liġijiet li jipprojbixxu l-kritika tal-Konvenzjoni Nazzjonali u r-referendum. L-UE tappella lill-awtoritajiet biex jiggarantixxu li r-referendum ser ikun ħieles u ġust kif ukoll biex jistiednu monitoraġġ internazzjonali. Il-Kunsill iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw li l-proċess politiku jkun trasparenti, u jagħtu lill-poplu tal-Burma/il-Mjanmar kjarezza dwar il-proċess politiku futur u l-elezzjonijiet ta' l-2010.

6. Il-Kunsill jesprimi tħassib li l-abbozz tal-kostituzzjoni ser jipprevedi restrizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà għal kariga politika għolja, jippermetti lill-militar jissospendi l-kostituzzjoni meta jrid kif ukoll jonqos milli jakkomoda d-diversità etnika tal-pajjiż.

7. Il-Kunsill itenni l-appell tiegħu għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha, inkluż Daw Aung San Suu Kyi, u jiddeplora l-intimidazzjoni u l-vjolenza intensifikata fiż-żmien ta' qabel ir-referendum. Il-Kunsill itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet biex jikkooperaw bis-sħiħ mar-Relatur Speċjali tan-NU dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Mjanmar, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

8. Il-Kunsill jinnota l-adozzjoni tal-lum tal-Pożizzjoni Komuni, li ġġedded għal tnax-il xahar oħra l-miżuri restrittivi mmirati kontra dawk responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' żvilupp fil-Burma/il-Mjanmar. Filwaqt li jfakkar il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill itenni li huwa lest jirrevedi jew jemenda dawn il-miżuri jew jintroduċi aktar miżuri restrittivi fid-dawl ta' l-iżviluppi fil-post.

9. Il-Kunsill ifakkar li bħala parti mill-miżuri restrittivi tiegħu kontra l-Burma/il-Mjanmar il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip huma pprojbiti. Il-Kunsill jixtieq jinkoraġġixxi lill-komunità internazzjonali biex tadotta miżuri simili.

10. L-UE tfakkar l-impenn b'saħħtu u sod tagħha għall-benesseri tal-poplu tal-Burma/il-Mjanmar. L-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu assistenza sostanzjali lil pajjiżhom. L-UE tkompli tibqa' lesta li tirrispondi pożittivament għall-progress ġenwin lejn id-demokrazija billi timpenja ruħha mal-Burma/il-Mjanmar fl-iżvilupp tagħha u li jinstabu oqsma ġodda għall-kooperazzjoni."

* * *

Il-Kunsill adotta pożizzjoni komuni li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/il-Mjanmar sat-30 ta' April 2009 u taġġorna l-listi ta' persuni u intrapriżi soġġetti għal dawk il-miżuri (8391/08).

Il-listi l-ġodda jieħdu kont tal-bidliet fil-gvern, fil-forzi tas-sigurtà, fil-Kunsill ta' l-Istat għall-Paċi u l-Iżvilupp u fl-amministrazzjoni fil-Burma/il-Mjanmar, kif ukoll fis-sitwazzjonijiet personali ta' l-individwi kkonċernati. Tinkludi persuni oħrajn assoċjati mar-reġim fil-Burma/il-Mjanmar li huma meqjusin bħala responsabbli għal atti ta' ripressjoni, u intrapriżi addizzjonali li huma proprjetà tar-reġim jew ta' persuni assoċjati mar-reġim jew ikkontrollati minnhom.

Il-miżuri restrittivi, li kienu adottati għall-ewwel darba fl-1996, ġew sostitwiti b'miżuri ġodda taħt il-pożizzjoni komuni 2006/318/PESK, adottata mill-Kunsill f'April 2006. Dawn jikkonsistu fi projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar ta' l-assi tal-membri tar-reġim militari u individwi oħrajn, gruppi jew impriżi li qed jimpedixxu t-transizzjoni għad-demokrazija tal-Burma/il-Mjanmar. Dawn jinkludu wkoll il-projbizzjoni ta' self jew kreditu finanzjarju lill-intrapriżi ta' l-Istat Burmiżi, u l-akkwist jew l-estensjoni ta' parteċipazzjoni f'tali intrapriżi.

Wara r-ripressjoni ta' dawk li pprotestaw b'mod paċifiku fil-ħarifa 2007 u l-vjolazzjonijiet li għadhom għaddejjin tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Burmiżi, il-Kunsill adotta f'Novembru 2007 miżuri addizzjonali mmirati lejn l-għejun tad-dħul tar-reġim, bħal ma huma l-industriji ta' qtugħ u trasport ta' siġar, l-ipproċessar ta' l-injam u t-tħaffir.

RELAZZJONIJIET MAR-RUSSJA

Il-Kunsill iddiskuta direttivi tan-negozjati għal ftehim ġdid għall-provvediment ta' qafas komprensiv għar-relazzjonijiet UE-Russja.

AFFARIJIET OĦRAJN

Ġeorġja

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar żviluppi reċenti fiż-żoni ta' konflitt fil-Ġeorġja b'segwitu għad-deċiżjoni tar-Russja mħabbra fis-16 ta' April rigward l-istabbiliment ta' rabtiet uffiċjali ma' l-istituzzjonijiet ta' l-awtoritajiet de facto fin-Nofsinhar ta' Ossetia u l-Abkhazia mingħajr il-kunsens tal-gvern tal-Ġeorġja, u dwar kuntatti attwali u futuri bil-għan li ma jiżdidux it-tensjonijiet.

Piraterija marittima

Wara l-atti reċenti ta' piraterija li twettqu f'ibħra internazzjonali 'l barra mill-kosta ta' Somali kontra bastimenti Franċiżi u Spanjoli, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet fuq l-inizjattiva ta' Spanja dwar kif wieħed jista' jikkontribwixxi, speċjalment fil-qafas tan-NU, b'mod internazzjonali kemm biex ma jseħħux kif ukoll biex jiġu miġġielda atti bħal dawn.

Tibet

Il-Ministri kkunsidraw il-kuntatti attwali rigward is-sitwazzjoni fir-reġjun awtonomu Ċiniż tat-Tibet, inkluż matul iż-żjara reċenti tal-Kummissjoni fiċ-Ċina, bħala segwitu għad-diskussjoni li kellhom fil-laqgħa informali tagħhom f'Brdo (Slovenja) fid-29 ta' Marzu.

AVVENIMENTI FIL-MARĠINI TAL-KUNSILL

L-avvenimenti li ġejjin seħħew fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill:

28 ta’April 2008:

  • Kunsill ta' Assoċjazzjoni ma' l-Eġittu
  • Trojka UE-ECOWAS (Ara l-komunikat finali fid-dok. 8936/08).
  • Trojka UE-OSKE
  • Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Kroazja (Ara l-istqarrija għall-istampa fid-dok. 4353/08).

29 ta’April 2008:

  • Iffirmar tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tal-Ftehim Interim mas-Serbja
  • Trojka UE-Russja

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

RELAZZJONIJIET ESTERNI

Uzbekistan - Miżuri restrittivi - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta pożizzjoni komuni dwar miżuri restrittivi kontra l-Uzbekistan (8416/08), li testendi s-sospensjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-viża għal sitt xhur oħra sat-13 ta' Novembru 2008, wara reviżjoni tas-sitwazzjoni u bil-ħsieb li l-awtoritajiet Uzbeki jitħeġġu jieħdu passi biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-miżuri restrittivi kienu introdotti taħt il-pożizzjoni komuni 2005/792/PESK, adottata mill-Kunsill f'Novembru 2005 b'rispons għall-użu ta' forza eċċessiva, sproporzjonata u indiskriminata mill-forzi ta' sigurtà Uzbeki matul id-dimostrazzjonijiet f'Andijan. Ċerti miżuri restrittivi ġġeddu sena wara taħt il-pożizzjoni komuni 2006/787/PESK. F'Mejju 2007, il-Kunsill estenda għal sitt xhur ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni għal ċerti individwi (pożizzjoni komuni 2007/338/PESK). F'Novembru 2007, hu adotta l-pożizzjoni komuni 2007/734/PESK li ġġedded ċerti miżuri restrittivi imposti mill-pożizzjoni komuni 2005/792/PESK.

* * *

Il-Kunsill adotta wkoll il-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Filwaqt li jfakkar fil-Konklużjonijiet preċedenti tiegħu u speċjalment il-Pożizzjoni Komuni 2007/734/PESK tat-13 ta' Novembru 2007, il-Kunsill jilqa' l-progress li nkiseb fl-Uzbekistan fix-xhur reċenti fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt, b'mod partikolari t-tneħħija tal-piena tal-mewt, l-introduzzjoni ta' habeas corpus u r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Agħar Forom ta' Xogħol mit-Tfal. Il-Kunsill jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni effettiva ta' dawn il-miżuri u jinstab lest li jassisti lill-Uzbekistan f'dak ir-rigward. Il-Kunsill itenni wkoll id-disponibbiltà tiegħu li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ma' l-Uzbekistan fl-oqsma prijoritarji kollha mfissra fl-Istrateġija ta' l-UE għall-Asja Ċentrali.

2. Il-Kunsill jilqa' l-ħelsien mill-awtoritajiet Uzbeki ta' erba' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fi Frar 2008, dawn huma Saidjahon Zainabitdinov, Ikhtior Khamraev, Ulugbek Kattabaev u Bobomurod Mavlanov, u t-tħassir tal-perijodu ta' prova ta' żewġ difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, Gulbahor Turaeva u Umida Niazova, li nħelsu mill-ħabs is-sena li għaddiet.

3. Il-Kunsill kien sodisfatt ukoll li l-gvern Uzbek laħaq qbil mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib Aħmar (ICRC) dwar il-bidu mill-ġdid taż-żjarat mill-ICRC fil-ħabsijiet fl-Uzbekistan. Il-Kunsill ser jagħti attenzjoni mill-qrib lill-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-qbil.

4. Il-Kunsill jistenna bil-ħerqa li jkompli d-djalogu komprensiv u orjentat lejn riżultati ma' l-awtoritajiet Uzbeki u f'dak il-kuntest jilqa' l-qbil Uzbek li jwettaq it-tieni ċiklu tad-djalogu UE-Uzbekistan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Mejju/Ġunju din is-sena. Il-Kunsill jistenna wkoll b'ħerqa ż-żamma ta' seminar ta' l-UE dwar il-libertà tax-xandir fl-Uzbekistan u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Uzbeki jieħdu passi ulterjuri biex jiggarantixxu l-libertà ta' l-espressjoni u biex jippermettu l-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-mezzi tax-xandir fl-Uzbekistan.

5. Madankollu, il-Kunsill jibqa' mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt f'għadd ta' oqsma fl-Uzbekistan u jħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ l-obbligi internazzjonali tagħhom f'dak ir-rigward. B'mod partikolari, il-Kunsill jappella lill-awtoritajiet Uzbeki biex jieħdu l-passi li ġejjin, kif kien ġie mitlub preċedentement mill-UE: li jiżguraw il-ħelsien bikri tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmumin fil-ħabs u li jwaqqfu t-turment tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; li jiffinalizzaw mingħajr dewmien l-akkreditazzjoni tad-Direttur il-ġdid tal-Human Rights Watch għall-Pajjiż u li jippermettu l-operat bla xkiel ta' dik l-organizzazzjoni; li jikkooperaw b'mod sħiħ u effettiv mar-Relaturi Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar it-Tortura u l-Libertà tax-Xandir; u li jirrevokaw ir-restrizzjonijiet fuq ir-reġistrazzjoni u l-operat ta' l-organizzazzjonijiet non-governattivi (NGOs) fl-Uzbekistan.

6. Bil-għan li jħeġġeġ lill-awtoritajiet Uzbeki jieħdu passi sostanzjali biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u b'kont meħud ta' l-impenji tagħhom, il-Kunsill iddeċieda li r-restrizzjonijiet fuq il-viża għal persuni elenkati fl-anness tal-Pożizzjoni Komuni 2007/734/PESK ma jkunux japplikaw għal perijodu ta' sitt xhur oħra. Wara tliet xhur, il-Kunsill ser jirrevedi l-progress li sar mill-awtoritajiet Uzbeki biex jilħqu l-kondizzjonijiet imniżżlin fil-Pożizzjoni Komuni 2007/734/PESK u speċifikati b'mod ulterjuri fil-paragrafu 5 ta' dawn il-Konklużjonijiet, u fid-dawl ta' kwalunkwe azzjoni oħra li turi d-disponibbiltà ta' l-awtoritajiet Uzbeki li jikkonformaw mal-prinċipji tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali. Il-Kunsill ser jivvaluta l-eżitu ta' din ir-reviżjoni u jippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-gvern Uzbek dwar passi ulterjuri possibbli li jridu jittieħdu biex jitjiebu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-Uzbekistan. Il-Kunsill ser jissorvelja u jivvaluta mill-qrib u b'mod kontinwu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan u jista' jneħħi, jemenda jew japplika mill-ġdid r-restrizzjonijiet fuq il-viża, kif meħtieġ, fid-dawl tal-kondizzjonijiet imniżżlin hawn fuq."

Reviżjoni tal-linji gwida ta' l-UE dwar it-tortura - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill jilqa' r-reviżjoni tal-Linji Gwida dwar it-Tortura u t-trattament krudili, inuman u degradanti u jadotta l-verżjoni aġġornata tal-linji gwida kif imniżżla fid-dok. 8590/08.

2. Il-Kunsill jikkonferma li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt li persuna ma tiġix sottomessa għat-tortura hija prijorità tal-politika ta' l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem. Il-ħidma sabiex jiġu evitati u meqruda l-forom kollha ta' tortura u trattament ħażin fl-UE u madwar id-dinja hija fehma soda tal-politika ta’ l-Istati Membri kollha ta’ l-UE.

3. Il-Kunsill ifakkar fil-pożizzjoni soda ta' l-UE li jkun hemm konformità sħiħa ma' l-obbligi fir-rigward tat-tortura u t-trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, partikolarment il-projbizzjoni assoluta tat-tortura u tat-trattament krudili, inuman u degradanti.

4. Il-Kunsill jissottolinja l-importanza li tkompli tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar it-tortura permezz ta' segwitu għal-lezzjonijiet identifikati matul ir-reviżjoni, partikolarment permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-mekkaniżmi tan-NU u l-atturi reġjonali.

5. Il-Kunsill ikompli jisħaq fuq l-importanza tal-miżuri l-ġodda ta' implimentazzjoni u jissottolinja li l-implimentazzjoni effettiva tal-linji gwida tiddependi fost l-oħrajn fuq miżuri attivi ta' sensibilizzazzjoni, iżda wkoll fuq il-kooperazzjoni bejn korpi governattivi u s-soċjetà ċivili.

6. Il-Kunsill ifakkar fl-importanza li l-azzjoni diplomatika tiġi kkomplimentata b'appoġġ finanzjarju għall-prevenzjoni tat-tortura u programmi ta' riabilitazzjoni u jilqa' l-isforzi mmirati lejn it-titjib ta' l-impatt ta' dawn il-programmi. Il-Kunsill jagħraf il-ħidma importanti mill-Kummissjoni Ewropea f'dan ir-rigward u jappella lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw iċ-ċentri ta' riabilitazzjoni mit-tortura."

Afganistan - Konklużjonijiet tal-Kunsill

"L-Unjoni Ewropea tilqa' b'sodisfazzjoni r-rappreżentant tal-Gvern Afgan għat-Trojka UE/Afganistan u tixtieq ittenni l-appoġġ tagħha lill-Gvern ta' l-Afganistan u għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Kontroll tad-Drogi (NDCS) tiegħu. Hija tfakkar ir-responsabbiltà primarja tal-Gvern ta' l-Afganistan biex jindirizza l-problema tan-narkotiċi. L-UE tibqa' impenjata li tassisti fl-indirizzar tal-kummerċ tan-narkotiċi u d-diverżjoni tal-prekursuri, li thedded kemm l-istabbiltà u l-prosperità ta' l-Afganistan, kif ukoll is-sigurtà tar-reġjun usa'.

Aħna nilqgħu bis-sħiħ il-Bord Konġunt ta' Koordinazzjoni u Monitoraġġ ta' l-Afganistan (JCMB) reċenti li ltaq' f'Tokyo u l-impenn tal-Gvern Afgan biex jgħaġġel u jtejjeb l-implimentazzjoni ta' l-NDCS permezz ta':

(i) il-provvediment ta' protezzjoni tal-forza għall-qerda f'oqsma mmirati;

(ii) ir-ristrutturar u r-riforma tal-fond fiduċjarju ta' kontra n-narkotiċi;

(iii) l-ippjanar b'bażi provinċjali għall-implimentazzjoni tal-politika ta' CN abbażi tal-Pjanijiet ta' Żvilupp Provinċjali;

(iv) l-espansjoni u t-twettiq effettiv ta' programmi għall-promozzjoni ta' żvilupp leċitu, inkluż appoġġ ekonomiku għall-produzzjoni ta' uċuħ tar-raba' għall-qliegħ liċiti u industriji rurali;

(v) it-tisħiħ tal-ġustizzja u istituzzjonijiet legali oħra u sforzi ta' interdizzjoni;

(vi) it-tisħiħ ulterjuri ta' kooperazzjoni transkonfinali, reġjonali, u internazzjonali għal attivitajiet CN; kif ukoll

(vii) l-integrazzjoni ta' CN fil-linji politiċi kollha tal-gvern.

Aħna nqisu din l-implimentazzjoni vitali. Sforzi biex jitjieb l-istat tad-dritt b'sistema effettiva tal-pulizija u tal-ġustizzja huma essenzjali. Li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk involuti fin-narkotiċi, it-titjib tas-sigurtà u l-kontroll tal-gvernijiet provinċjali, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni wkoll huma kruċjali fl-indirizzar tal-problema tan-narkotiċi fuq perijodu fit-tul.

It-tmexxija u t-twettiq Afgani huma kruċjali u l-UE hija lesta biex tassisti billi ssegwi l-istrateġija komprensiva tagħha fil-ġlieda kontra l-ekonomija ta' l-oppju, permezz tal-kombinazzjoni ta' opportunitajiet ekonomiċi mtejba, żvilupp soċjali u sigurtà u governanza aħjar. L-assistenza ta' l-UE 2007-2013 tiffoka fuq dawn il-kwistjonijiet.

Rigward is-sigurtà, l-UE tappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-missjoni tal-pulizija tal-PESD, EUPOL, u titlob lill-Istati Membri u lill-isħab internazzjonali biex ikomplu l-iskjerament ta' persunal tal-pulizija ta' kwalità. L-UE tisħaq ukoll dwar l-importanza kbira tal-programm ta' miżuri taħt l-Istrument għall-Istabbiltà biex jingħata appoġġ lill-Afganistan għall-promozzjoni ta' l-istat tad-dritt permezz ta' appoġġ għar-riforma tas-Settur tal-Ġustizzja.

L-UE tirrikonoxxi li m'hemm l-ebda soluzzjoni ta' malajr. L-esperjenza tal-Pakistan u tat-Tajlandja turi li l-ġlieda kontra l-kultivazzjoni tal-peprina tieħu ż-żmien u li l-applikazzjoni ta' approċċ komprensiv u koordinat hija essenzjali. F'konformità ma' l-Istrateġija Nazzjonali Afgana għall-Kontroll tad-Drogi, it-tagħqid tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, it-tisħiħ ta' għajxien rurali, it-tnaqqis tad-domanda, u t-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet ta' l-istat, partikolarment il-ġustizzja kriminali u l-infurzar tal-liġi huma prijoritajiet. Aħna nilqgħu wkoll l-inklużjoni ta' l-aspett tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala element komplementari fil-ġlieda kontra d-drogi fl-Afganistan, kif jidher fir-rapport tal-JCMB dwar l-implimentazzjoni ta' l-NDCS.

Bħala parti minn dan l-isforz fit-tul l-UNODC ikollu jikkunsidra t-twessigħ u t-tisħiħ tal-firxa ta' rappurtar tiegħu. Dan jista' jgħin lill-Gvern ta' l-Afganistan u lill-komunità internazzjonali jiddeterminaw is-suċċess tal-pilastri kollha ta' l-NDCS.

L-UE tirrikonoxxi u tappoġġa l-oppożizzjoni tal-Gvern ta' l-Afganistan għall-kultivazzjoni leċita ta' l-oppju."

Relazzjonijiet ma' l-Amerika Latina u l-Karibew

Il-Kunsill approva abbozz ta' aġendi u abbozz ta' dikjarazzjonijiet u komunikati konġunti, bħala bażi għal aktar negozjati, għal serje ta' summits li għandhom isiru f'Lima, fis-16 u s-17 ta' Mejju, jiġifieri:

- is-summit ta' l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew (LAC);

- is-summits bejn it-trojka ta' l-UE u l-imsieħba tal-LAC miċ-Ċilì, il-Messiku, il-Komunità Andeana, l-Amerika Ċentrali, il-Mercosur u l-Cariforum.

Relazzjonijiet mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf

Il-Kunsill approva aġenda proviżorja għat-18-il Kunsill Konġunt UE-GCC u l-laqgħa ministerjali kif ukoll abbozz ta' komunikat konġunt li jistabbilixxi l-pożizzjoni ta' l-UE f'din il-laqgħa, li ser isiru fi Brussell fis-26 ta' Mejju.

Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (GCC) huwa organizzazzjoni reġjonali li tirraggruppa s-sitt pajjiżi tal-Golf (il-Baħrajn, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Għarabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda).

KOOPERAZZJONI GĦALL-IŻVILUPP

Ftehim ta' Sħubija ta' Kotonù AKP-UE - Reviżjoni ta' nofs it-terminu

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tapprova l-konklużjoni ta' ftehim li jippromulga numru ta' emendi għall-ftehim ta' sħubija ffirmat f'Kotonù f'Ġunju 2000 bejn l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-Komunità Ewropea (6368/1/08).

L-emendi jkopru varjetà ta' dispożizzjonijiet, inkluż fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, id-dispożizzjonijiet finanzjarji u d-djalogu politiku dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt.

Il-ftehim ta' Kotonù jirregola r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi ta' l-AKP u l-UE. L-objettiv prinċipali tiegħu huwa l-ġlieda kontra l-faqar permezz ta' dimensjoni politika mtejba, sħubijiet ekonomiċi u kummerċjali ġodda u kooperazzjoni finanzjarja aħjar. Il-ftehim, li ġie konkluż għal perijodu ta' 20 sena, jipprevedi reviżjonijiet tad-dispożizzjonijiet tiegħu kull ħames snin.

Il-ftehim konkluż mill-Kunsill huwa r-riżultat tar-reviżjoni li twettqet fi tmiem l-ewwel perijodu ta' ħames snin.

POLITIKA DWAR IL-KUMMERĊ

Anti-dumping - Friex tas-sodda, kumarina u xedd tas-saqajn

Il-Kunsill adotta r-regolamenti:

  • li jemendaw ir-Regolament 397/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' friex tas-sodda tal-qoton li joriġinaw mill-Pakistan (8030/08);
  • li jimponu dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' kumarina li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara reviżjoni ta' skadenza skond ir-Regolament 384/96 estiż għall-Indja, it-Tajlandja, l-Indoneżja u l-Malażja (8180/08);
  • li jestendu l-miżuri antidumping definittivi imposti mir-Regolament 1472/2006 fuq importazzjonijiet ta' ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta' fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' l-istess prodott ikkunsinjati mill-Makaw SAR, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Makaw SAR sew jekk le (8199/08).

AFFARIJIET ĠENERALI

Proċedimenti fil-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill

Il-Kunsill ħa nota ta' rapport mill-presidenza dwar il-proċedimenti fil-konfigurazzjonijiet differenti tiegħu (8700/08).

Nikkomunikaw l-Ewropa - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jilqgħu l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2007 intitolata "Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija" (COM(2007) 568 finali) u li jieħdu nota tad-dokument ta' ħidma mill-Kummissjoni li fih "Proposta għal Ftehim Interistituzzjonali" (COM(2007) 569 finali).

It-test tal-konklużjonijiet jinsab fid-dok. 8528/08.

TRASPARENZA

Rapport annwali dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti

Il-Kunsill adotta r-rapport annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti (8475/08).

Ir-rapport, li jkopri l-2007, jindika li:

  • Aktar minn 67% tad-dokumenti tal-Kunsill li saru fl-2007 - jiġifieri 108 343 tal-161 121 dokument ġdid elenkati fir-reġistru tal-Kunsill - saru direttament aċċessibbli lill-pubbliku permezz tar-reġistru malli kienu ċċirkolati.
  • Sa mill-31 ta' Diċembru 2007, ir-reġistru tal-Kunsill irrifera għal 1 010 217-il dokument (il-verżjonijiet lingwistiċi kollha meħudin flimkien), li minnhom 724 338 (71, 7% ta' dawk irreġistrati) kienu dokumenti pubbliċi, jiġifieri disponibbli f'format li jista' jitniżżel mill-kompjuter jew fuq talba.
  • Fl-2007, 465 612-il persuna differenti lloggjaw fir-reġistru ta' dokumenti pubbliċi tal-Kunsill (meta mqabbla ma' 380 349 fl-2006), u dan jirrappreżenta żieda ta' 22,4%. In-numru totali ta' entrati żdied b'21 % (2 078 602 entrati fl-2007 meta mqabbla ma' 1 722 354 fl-2006), li jirrappreżenta aktar minn 5 700 entrata kuljum.
  • Il-Kunsill irċieva 1 964 talba għal aċċess mill-pubbliku dwar total ta' 7 809 dokumenti u ta aċċess (aċċess totali jew parzjali meħudin flimkien) għal 6 123 dokument (78,9%) mid-dokumenti mitlubin.

Ir-rapport jiddeskrivi l-iżviluppi prinċipali fil-ħames sena ta' l-implimentazzjoni tar-regolament u jeżamina mill-ġdid l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman Ewropew kif ukoll d-deċiżjonijiet meħudin mill-Qrati Komunitarji f'każijiet li jikkonċernaw l-aċċess għal dokumenti tal-Kunsill.

Barra minn hekk, ir-rapport jippreżenta adattamenti regolatorji, amministrattivi u prattiċi li saru mill-Kunsill sabiex jikkonforma mar-regolament. Huwa jikkonkludi li, min-naħa tal-Kunsill, il-miri stabbiliti mit-trattati u mir-Regolament 1049/2001 intlaħqu fl-2007.

Aċċess pubbliku għad-dokumenti

Il-Kunsill adotta tweġiba għall-applikazzjoni konfermattiva 02/c/01/08 li saret mis-Sur Ottavio MARZOCCHI, bid-delegazzjoni Daniża, Slovena, Finlandiża u dik Svediża jivvutaw kontra (dok. 6449/08).

BAĠIT

Aġġustament għall-qafas finanzjarju pluriennali ta' l-UE

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li taġġusta l-qafas finanzjarju pluriennali ta' l-UE permezz ta' emenda għall-ftehim bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (7682/1/08).

L-aġġustament issa kien meħtieġ peress li EUR 2 034 miljun f'prezzijiet attwali ma setgħux jiġu impenjati fl-2007 u lanqas ittrasferiti għall-2008 minħabba dewmien fl-adozzjoni ta' ċerti programmi operattivi taħt l-intestatura 1b (fondi strutturali u fond ta' koeżjoni) u l-intestatura 2 (żvilupp rurali u fond Ewropew għas-sajd) tal-baġit ġenerali ta' l-UE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu li jittrasferixxu dan l-ammont għal snin finanzjarji sussegwenti. Din id-deċiżjoni ma twassal għal ebda żieda tal-limitu ġenerali ta' pagamenti.

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

Skeda SIS II

Il-Kunsill ikkonferma l-konklużjonijiet tal-presidenza ppreżentati f'rapport dwar kwistjonijiet mhux riżolti rigward l-iskeda dettaljata tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II).

Il-Presidenza kienet mistiedna mill-Kunsill biex tirrapporta dwar din il-kwistjoni f'konklużjonijiet adottati fi Frar (ara l-istqarrija għall-istampa 6796/08, p. 8).

Ċentru ta' Monitoraġġ ta' l-UE għad-drogi u d-dipendenza fuq id-drogi - Parteċipazzjoni tat-Turkija

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tapprova ftehim mat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tagħha fil-ħidma taċ-Ċentru ta' Monitoraġġ ta' l-UE għad-drogi u d-dipendenza fuq id-drogi (13649/1/06).

It-Turkija, bħala pajjiż kandidat ta' l-UE, tista' tipparteċipa fi programmi u aġenziji Komunitarji fil-kuntest tal-proċess ta' adeżjoni.

Iċ-ċentru ta' monitoraġġ, ibbażat f'Lisbona, kien stabbilit fl-1993 biex jipprovdi lill-Komunità u lill-Istati Membri informazzjoni bbażata fuq il-fatti, oġġettiva, affidabbli u komparabbli fil-livell Ewropew dwar id-droga u d-dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħha.

Il-ftehim mat-Turkija kien iffirmat f'Ottubru 2007.

Għal aktar informazzjoni ara: http://www.emcdda.europa.eu.

AGRIKOLTURA

Riforma tas-settur ta' l-inbid

Il-Kunsill adotta regolament għar-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid ta' l-UE (7292/08, 8317/08 ADD 1).

Ir-riforma tipproponi l-objettivi li ġejjin:

  • żieda tal-kompetittività tal-produtturi ta' l-inbid ta' l-UE
  • li jerġgħu jittieħdu lura s-swieq kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea
  • bilanċ tal-provvista u d-domanda
  • simplifikazzjoni tar-regoli
  • ikunu ppreservati l-aqwa tradizzjonijiet tal-produzzjoni ta' l-inbid Ewropew
  • li tissaħħaħ in-nisġa soċjali taż-żoni rurali, u
  • li jkun żgurat r-rispett għall-ambjent.

L-elementi ċentrali tagħha jinkludu:

  • skema għal primjums ta' estirpazzjoni. Il-parteċipazzjoni ser tkun fuq bażi volontarja soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet. Barra mill-fondi Komunitarji disponibbli għal dawn il-primjums, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna nazzjonali supplimentari sa 75% tal-primjum diġà allokat;
  • eliġibbiltà għall-iskema ta' pagament uniku għal dawk li għandhom dwieli li nqalgħu mill-għeruq

  • l-abolizzjoni tad-drittijiet għat-tħawwil fl-2015 b'xi derogi sa l-2018;
  • l-attribuzzjoni ta' pakketti nazzjonali li kull Stat Membru jista' jalloka għall-finanzjament ta' miżuri differenti bħall-promozzjoni ta' nbid Ewropew f'pajjiżi terzi, ir-ristrutturar u l-konverżjoni ta' vinji, l-immodernizzar, il-ħsad bikri, il-fondi reċiproċi, l-assigurazzjoni tal-ħsad u l-miżuri transizzjonali għad-distillazzjoni u l-għajnuna għall-most;
  • rapport ta' evalwazzjoni dwar l-effetti tar-riforma, li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni fl-2012;
  • l-indikazzjoni possibbli tal-varjetà ta’ l-għenba u s-sena tal-qtugħ għall-inbejjed kollha, soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet;
  • proċedura għall-protezzjoni ta' denominazzjonijiet ta' l-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi;
  • kriterji għall-arrikkiment f'zokkor (Chaptalisation).

Ir-riforma ser tapplika mill-1 ta' Awissu 2008, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin: 30 ta' Ġunju 2008 għall-iskema ta' estirpazzjoni u l-programmi ta' appoġġ; 1 ta' Awissu 2009 għal arranġamenti relatati ma' prattiki enoloġiċi, protezzjoni ta' denominazzjonijiet ta' l-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali, tikkettar u preżentazzjoni, ir-reġistru tal-vinja, dikjarazzjonijiet obbligatorji, dokumenti li jakkumpanjaw u reġistri tal-prodotti; 1 ta' Jannar 2008 għal derogi mill-projbizzjoni tal-vinifikazzjoni ta' l-għeneb minn ċerti żoni skond l-Artikolu 2 (3) tar-regolament 1493/1999; 1 ta' Jannar 2009 għal numru ta' emendi għar-regolament 1782/2003.

Ir-Regolament il-ġdid jibdel ir-regolament 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) fl-inbid. Id-dispożizzjonijiet tiegħu huma kemm jista' jkun allinjati fuq is-"Regolament Waħdieni dwar l-OKS"[1] fejn hu ddestinat li jkun inkorporat fi stadju aktar tard.

Huwa parti minn riforma tal-politika agrikola komuni ta' l-UE li bdiet fl-2003 għall-uċuħ tar-raba' kkoltivati u l-bhejjem u kompliet fl-2004 għaż-żejt taż-żebbuġa, it-tabakk u l-qoton, fl-2006 għaz-zokkor u fl-2007 għall-frott u l-ħaxix. Huwa jieħu wkoll kont tal-linji politiċi tal-Komunità għall-iżvilupp sostenibbli, aktar kompetittività, simplifikazzjoni u regolamentazzjoni aħjar.

Il-monitoraġġ ta' l-enċefalopatija sponġiformi ta' l-ifrat (BSE)

Il-Kunsill iddeċieda li ma jopponix għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' regolament li jinkorpora fir-regolament 999/2001 kriterji ġodda għar-reviżjoni ta' programmi ta' monitoraġġ annwali rigward l-enċefalopatija sponġiformi ta' l-ifrat (BSE).

L-anness III tar-regolament 999/2001 fih regoli għall-monitoraġġ ta' annimali rigward enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli. Huwa ser jiġi emendat biex jintroduċi rekwiżiti għall-Istati Membri li jqisu li s-sitwazzjoni tagħhom rigward il-BSE tjiebet u timmerita reviżjoni tal-programmi annwali tagħhom ta' monitoraġġ tal-BSE. B'mod partikolari, ir-regolament il-ġdid ser jistabbilixxi kriterji epidemjoloġiċi li juru titjib permezz ta' valutazzjoni kwantitattiva tas-sitwazzjoni tal-BSE.

RIĊERKA

Fond ta' riċerka għall-faħam u l-azzar *

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tistabbilixxi Programm ta' Riċerka tal-Fond Ewropew għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar u dwar il-linji gwida tekniċi pluriennali għal dan il-programm (5882/08, 8354/2/08 ADD1). (ĠU L 29, 5.2.2003, p. 28).

L-għan tal-programm hu li tiżdied il-kompetittività u jsir kontribut għall-iżvilupp sostenibbli tas-setturi tal-faħam u l-azzar, filwaqt li jikkumplimenta s-seba' programm qafas ta' riċerka ta' l-UE (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1) f'dawn is-setturi.

Fir-rigward tal-faħam, il-programm hu mmirat biex jappoġġa l-objettivi Komunitarji dwar l-enerġija u l-użu kompetittiv u favur l-ambjent tal-faħam. Huwa jippromwovi riċerka rigward tekniki moderni u ħiliet esperti li huma meħtieġa għal aktar progress teknoloġiku, sigurtà fil-minjieri, kondizzjonijiet aħjar ta' xogħol fil-minjieri u aktar protezzjoni ambjentali.

Għal dak li huwa s-settur ta' l-azzar, l-enfasi prinċipali tal-programm hi fuq l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jew mtejba biex tkun iggarantita l-produzzjoni ekonomika, nadifa u sigura ta' l-azzar u tal-prodotti ta' l-azzar, kif ikkaratterizzat minn prestazzjoni dejjem akbar, adattament għall-użu, li l-klijent ikun sodisfatt, ħajja itwal ta' servizz, irkupru u reċiklaġġ faċli.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali massima mill-fond ta' riċerka għal proġetti pilota u ta' dimostrazzjoni qed tiżdied għal 50% ta' l-ispejjeż eliġibbli.

Il-linji gwida tekniċi pluriennali għall-amministrazzjoni tal-programm huma modifikati sabiex tkun żgurata l-komplimentarjetà mas-seba' programm qafas ta' riċerka u biex jittieħed kont ta' l-inkorporazzjoni ta' l-Istati Membri ġodda ta' l-UE.

AMBJENT

Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosigurtà - Direttivi tan-negozjati

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa, fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità, f'negozjati dwar regoli u proċeduri internazzjonali għar-responsabbiltà u r-rimedju għal ħsara li jirriżultaw mill-movimenti transkonfini ta' organiżmi ħajjin modifikati.

In-negozjati, skond il-protokoll ta' Cartagena dwar il-bijosigurtà, ser isiru f'laqgħa li ser issir f'Bonn mit-12 sas-16 ta' Mejju.


[1] Regolament tal-Kunsill 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS), ĠU Nru L 299, 16.11.2007, p.1.


Side Bar