Navigation path

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 8 ta' Ġunju 2012

11100/12

PRESSE 252

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/168/PESK li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

Fit-23 ta' Marzu 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/168/PESK1. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill temenda l-miżuri restrittivi kif imniżżla fid-Deċiżjoni 2011/235/PESK u tinkludi persuni addizzjonali fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi kif imniżżel fl-Anness għal dik id-Deċizjoni.

L-emendi jikkonċernaw l-inklużjoni ta' projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir jew software maħsub primarjament biex jintuża mir-reġim Iranjan fil-monitoraġġ jew l-interċezzjoni tal-Internet u ta' komunikazzjoni bit-telefon, bit-telefon ċellulari jew netwerks fissi fl-Iran. Hija tinkludi wkoll, f'konsiderazzjoni tal-objettivi tagħha, il-projbizzjoni fuq il-forniment, il-bejgħ jew trasferiment ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna fid-Deċiżjoni 2011/235/PESK, fejn fl-istess waqt hija mneħħija mid-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, u s-Serbja*, il-Pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidat potenzjali l-Albanija u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova, jallinjaw ruħhom ma' din id-deċiżjoni.

Huma ser jiżguraw li l-politiki nazzjonali tagħhom jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Unjoni Ewropea tieħu nota ta' dan l-impenn u tilqgħu b'sodisfazzjon.

1 :

Ippubblikata fl-24.3.2012 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Nru L 87, p. 85.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.


Side Bar