Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

Brussell, I-14ta' novembru 2018

Mistqosijiet u Tweġibiet

Xi ftehim intlaħaq dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq?

In-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit qablu bis-sħiħ dwar it-termini tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq.

Il-Protokoll jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha dwar kif taħdem l-hekk imsejħa soluzzjoni ta' kontinġenza” biex tiġi evitata fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq. Dan jifforma parti mill-Ftehim ta' Ħruġ globali u japplika sakemm ma jiġix sostitwit, b'mod sħiħ jew parzjalment, minn kwalunkwe ftehim sussegwenti. Kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit se jagħmlu ħilithom kollha biex jikkonkludu u jirratifikaw ftehim sussegwenti sal-1 ta' Lulju 2020.

Bħala parti mill-Protokoll, territorju doganali uniku tal-UE u r-Renju Unit huwa stabbilit minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sakemm ir-relazzjoni futura ssir applikabbli. L-Irlanda ta' Fuq għalhekk se tibqa' parti mill-istess territorju doganali bħall-bqija tar-Renju Unit mingħajr tariffi, kwoti, jew kontrolli fuq regoli ta' oriġini bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-bqija tar-Renju Unit[1].

Il-Protokoll jistabbilixxi wkoll l-impenn tar-Renju Unit li ma jitnaqqsux id-drittijiet kif stabbiliti fil-Ftehim tal-1998 tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast), u jipprovdi għall-kontinwazzjoni tal-arranġamenti Komuni għall-Ivjaġġar bejn l-Irlanda u r-Renju Unit. Dan jiżgura li jinżammu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal kooperazzjoni kontinwa bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, u jippreserva s-Suq Uniku tal-Elettriku fil-gżira tal-Irlanda.

Dan il-ftehim jindirizza b'mod sħiħ iċ-ċirkostanzi uniċi fil-gżira tal-Irlanda. Hija l-polza tal-assigurazzjoni li tiggarantixxi li, tkun xi tkun iċ-ċirkostanza, mhu se jkun hemm l-ebda fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u se tipproteġi l-Ftehim tal-1998 tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, il-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, u l-ekonomija kollha kemm hi.

 

Kif se taħdem il-kontinġenza?

Jekk ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit ma jkunx applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2020, l-UE u r-Renju Unit qablu li għandha tapplika soluzzjoni ta' kontinġenza sakemm ikun hemm fis-seħħ ftehim sussegwenti.

Alternattivament, ir-Renju Unit jista' jitlob estensjoni tal-perjodu ta' tranżizzjoni qabel l-1 ta' Lulju 2020. Tali talba tkun ittrattata skont l-Artikolu 132 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u għalhekk għandha tiġi miftiehma mill-Kumitat Konġunt.

Fix-xenarju fejn is-“soluzzjoni ta' kontinġenza” tkun tapplika, dan ikun ifisser fil-prattika li:

  • Se jkun hemm territorju doganali uniku bejn l-UE u r-Renju Unit. Dan jevita l-bżonn ta' tariffi, kwoti jew kontrolli ta' regoli ta' oriġini bejn l-UE u r-Renju Unit.
  • L-UE u r-Renju Unit qablu dwar sett ta' miżuri biex jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn l-UE u r-Renju Unit.
  • Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (UCC), li fost l-oħrajn tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għar-rilaxx tal-prodotti f'ċirkolazzjoni libera fl-UE, se jkomplu japplikaw għall-Irlanda ta' Fuq. Dan se jiżgura li n-negozji tal-Irlanda ta' Fuq ma jiffaċċjawx restrizzjonijiet meta jqiegħdu prodotti fis-Suq Uniku tal-UE.
  • Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq se jibqa' allinjat ma' sett limitat ta' regoli li huma relatati mas-Suq Uniku tal-UE u indispensabbli biex tiġi evitata fruntiera fiżika: il-leġiżlazzjoni dwar l-oġġetti, ir-regoli sanitarji għall-kontrolli veterinarji (“ir-regoli SPS”), ir-regoli dwar il-produzzjoni/il-kummerċjalizzazzjoni agrikola, il-VAT u s-sisa fir-rigward tal-oġġetti, u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

 

Għaliex hija meħtieġa kontinġenza?

Ir-Renju Unit iddeċieda li joħroġ mis-Suq Uniku u mill-Unjoni Doganali. Kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit impenjaw ruħhom li jevitaw fruntiera fiżika bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u ż-żewġ Partijiet għandhom l-intenzjoni li jsolvu dan l-ewwel u qabel kollox permezz ta' ftehim futur.

Ir-Renju Unit impenja ruħu wkoll li jirrispetta l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE u tal-Unjoni Doganali — u l-pożizzjoni tal-Irlanda fih.

Minħabba li n-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit se jitwettqu biss matul il-perjodu ta' tranżizzjoni, l-UE u r-Renju Unit qablu li jinkludu kontinġenza legalment operazzjonali fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, li tiggarantixxi li ma jkun hemm l-ebda fruntiera fiżika — irrispettivament miċ-ċirkostanzi. Dan ġie miftiehem fir-Rapport Konġunt f'Diċembru 2017 u mtenni mill-Prim Ministru Theresa May fl-ittra tagħha lill-President Tusk f'Marzu 2018, li permezz tagħha l-gvern tar-Renju Unit impenja ruħu li jkollu kontinġenza legalment operattiva fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

Għal kemm se ddum tapplika l-kontinġenza?

L-għan tal-Protokoll mhuwiex li tinħoloq relazzjoni permanenti bejn l-UE u r-Renju Unit. L-UE u r-Renju Unit impenjaw ruħhom li se jagħmlu ħilithom kollha biex jikkonkludu u jirratifikaw ftehim sal-1 ta' Lulju 2020 li jissostitwixxi l-kontinġenza kif tinsab fil-Protokoll, b'mod sħiħ jew parzjali.

 

Huwa previst xi mekkaniżmu ta' rieżami? Jistgħu l-UE jew ir-Renju Unit jitolbu li jieqfu japplikaw il- kontinġenza b'mod sħiħ jew parzjali?

Jekk fi kwalunkwe żmien wara l-perjodu ta' tranżizzjoni, l-UE jew ir-Renju Unit iqisu li dan il-Protokoll, b'mod sħiħ jew parzjali, m'għadux meħtieġ, jistgħu jinnotifikaw lill-parti l-oħra, filwaqt li jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom. Il-Kumitat Konġunt [kif stabbilit fl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ] għandu jqis in-notifika u jista' jitlob opinjoni mill-istituzzjonijiet maħluqa mill-Ftehim tal-1998 tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast). Wara diskussjonijiet fil-Kumitat Konġunt, l-UE u r-Renju Unit jistgħu jiddeċiedu b'mod konġunt li l-Protokoll, b'mod sħiħ jew parzjali, m'għadux meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu.

 

X'inhu t-”Territorju Doganali Uniku”?

L-UE u r-Renju Unit illum qablu li territorju doganali uniku bejn l-UE u r-Renju Unit se japplika minn tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni sa meta jsir applikabbli ftehim sussegwenti. Dan it-territorju doganali uniku se jinkludi t-territorju doganali tal-Unjoni (kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013) u t-territorju doganali tar-Renju Unit.

Dan ifisser li:

  • ir-Renju Unit se jallinja t-tariffi u r-regoli applikabbli għat-territorju doganali tiegħu mat-tariffi esterni tal-Unjoni u mar-regoli ta' oriġini;
  • għalhekk ma jkunx hemm tariffi, kwoti u kontrolli fuq ir-regoli ta' oriġini bejn l-UE u r-Renju Unit, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura;
  • kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit qablu dwar sensiela ta' miżuri li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi;
  • ir-Renju Unit se jarmonizza l-politika kummerċjali tiegħu mal-politika kummerċjali komuni tal-UE sal-punt meħtieġ għall-funzjonament tat-territorju doganali uniku. Ir-Renju Unit taħt l-ebda ċirkostanza ma jista' japplika tariffa doganali aktar baxxa mit-Tariffa Doganali Komuni tal-UE għal kwalunkwe prodott importat minn kwalunkwe pajjiż terz jew japplika regoli ta' oriġini differenti.
  • L-Unjoni għandha tapplika l-politika tagħha ta' difiża kummerċjali u s-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi għaż-żewġ partijiet tat-territorju doganali uniku; għandu jikkonsulta mar-Renju Unit dwar kwalunkwe miżura jew azzjoni li huwa jqis li jieħu.

 

X'miżuri ta' “kundizzjonijiet ekwi” ġew miftiehma?

Ir-Renju Unit impenja ruħu għal kundizzjonijiet ekwi bbażati fuq kompetizzjoni miftuħa u ġusta bejn l-UE u r-Renju Unit minħabba l-istabbiliment tat-territorju doganali uniku mingħajr tariffi, kwoti u kontrolli fuq ir-regoli ta' oriġini bejn l-UE u r-Renju Unit. L-interkonnettività ekonomika tar-Renju Unit u tal-UE kif ukoll il-prossimità ġeografika tar-Renju Unit għall-UE huma elementi ewlenin li għandhom jitqiesu meta jiġi rregolat il-funzjonament xieraq ta' kompetizzjoni miftuħa u ġusta fit-territorju doganali uniku.

Il-Protokoll jorbot lir-Renju Unit għal regoli sostantivi, ibbażati fuq standards internazzjonali u tal-UE. Minbarra r-regoli tal-kompetizzjoni, dan huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' nonrigressjoni mil-livelli attwali ta' protezzjoni skont standards internazzjonali u tal-UE.

 

Għajnuna mill-Istat

Ir-Renju Unit impenja ruħu li japplika r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod li jkun allinjat b'mod dinamiku mal-iżvilupp ta' dawk ir-regoli fl-UE.

Għal għajnuna mogħtija mir-Renju Unit li taffettwa l-kummerċ bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-UE, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat direttament bħala parti mis-soluzzjoni ta' kontinġenza. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tibqa' wkoll kompetenti.

Għall-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit li taffettwa l-flussi kummerċjali bejn il-bqija tar-Renju Unit u l-UE biss, ir-Renju Unit se jistabbilixxi awtorità indipendenti tal-infurzar, li se taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Il-qrati tar-Renju Unit se jissorveljaw l-awtorità indipendenti tal-infurzar. Il-Kummissjoni se jkollha pożizzjoni legali quddiem il-qrati tar-Renju Unit u d-dritt li tintervjeni f'każijiet.

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. L-awtorità tar-Renju Unit dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tikkonsulta regolarment mal-Kummissjoni. Kumitat Konġunt se jippermetti liż-żewġ Partijiet jiddiskutu kwistjonijiet ta' interess u jfittxu soluzzjonijiet komunement aċċettabbli għal nuqqas ta' qbil. F'każ li ma tinstabx soluzzjoni miftiehma b'mod reċiproku, huma previsti miżuri interim u sistema ta' arbitraġġ f'każ ta' kunflitti mhux solvuti.

 

Il-Kompetizzjoni

L-UE u r-Renju Unit jirrikonoxxu li prattiki kummerċjali u konċentrazzjonijiet mhux kompetittivi ta' impriżi għandhom il-potenzjal li jfixklu l-funzjonament tas-swieq u jdgħajfu l-benefiċċji tal-kummerċ.

Fid-dawl ta' dan, l-UE u r-Renju Unit jaqblu li ċerti ftehimiet bejn l-impriżi, l-abbuż tad-dominanza mill-impriżi, u ċerti konċentrazzjonijiet ta' impriżi għandhom ikunu pprojbiti sa fejn jaffettwaw il-kummerċ bejn l-UE u r-Renju Unit.

L-UE u r-Renju Unit jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-liġijiet rispettivi tagħhom dwar il-kompetizzjoni jinfurzaw dawn ir-regoli miftiehma b'mod effettiv. B'mod aktar konkret, ir-Renju Unit jimpenja ruħu li jiżgura li jkunu disponibbli proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jippermettu azzjoni effettiva u f'waqtha kontra l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, u jipprovdu għal rimedji effettivi. F'każ ta' tilwim dwar jekk ir-Renju Unit jikkonformax ma' dawn l-impenji, tkun disponibbli soluzzjoni tat-tilwim permezz tal-arbitraġġ.

 

It-Tassazzjoni

Ir-Renju Unit impenja ruħu li jimplimenta l-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, kif ġie miftiehem dan l-aħħar mill-Kunsill. Dawn jinkludu standards globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni, it-tassazzjoni ġusta u l-istandards tal-OECD dwar il-BEPS. Se tkompli tapplika l-liġi domestika tagħha li tittrasponi d-Direttivi tal-UE dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-tassazzjoni, ir-regoli kontra l-evażjoni tat-taxxa u r-Rappurtar Pajjiż b'Pajjiż mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment. Barra minn hekk, ir-Renju Unit itenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jnaqqas il-miżuri fiskali dannużi kif definiti fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE.

L-implimentazzjoni ta' dan l-impenn se tkun indirizzata mill-Kumitat Konġunt.

 

L-Ambjent

L-UE u r-Renju Unit impenjaw ruħhom li jżommu l-livell attwali ta' protezzjoni ambjentali. Iż-żewġ Partijiet impenjaw ruħhom li ma jbaxxux l-istandards ambjentali eżistenti tal-UE f'oqsma ewlenin bħall-emissjonijiet industrijali, il-miri tal-kwalità tal-arja, il-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali. Ir-Renju Unit se jirrispetta l-prinċipji ambjentali ewlenin, bħalma huma l-prinċipju ta' prekawzjoni u ta' “min iniġġes iħallas”. Barra minn hekk, abbażi tal-istandards eżistenti tal-UE, il-Kumitat Konġunt se jistabbilixxi impenji minimi speċifiċi dwar kwistjonijiet bħat-tniġġis, il-kubrit fil-karburant għal użu marittimu u l-użu tal-aqwa tekniki disponibbli li jirregolaw l-emissjonijiet industrijali.

L-UE u r-Renju Unit qablu wkoll li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jissodisfaw l-impenji rispettivi tagħhom għall-ftehimiet internazzjonali biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, inkluż il-Ftehim ta' Pariġi. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit se jimplimenta sistema ta' pprezzar tal-karbonju li tkun mill-inqas effettiva daqs l-Iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-kwoti tal-emissjonijiet serra.

Ir-Renju Unit impenja ruħu li jiżgura l-infurzar effettiv ta' tali standards komuni fil-liġi, ir-regolamenti u l-prattiki tiegħu u li jistabbilixxi korp indipendenti ġdid bil-kompitu li jimmonitorja, jirrapporta, jissorvelja u jinforza dawn l-impenji. L-awtorità indipendenti l-ġdida se tkun tista' tirċievi lmenti u twettaq inkjesti fuq inizjattiva proprja u tressaq azzjoni legali quddiem qorti domestika għal azzjoni ta' rimedju. F'dan il-kuntest, ir-Renju Unit impenja ruħu għal proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji effettivi li jagħtu d-dritt lill-awtoritajiet u lill-membri tal-pubbliku li jfittxu rimedji effettivi u jiksbu sanzjonijiet li jkunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u ta' deterrent.

 

L-impjieg u l-protezzjoni soċjali

Dispożizzjoni ta' nonrigressjoni tapplika wkoll għall-istandards tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali. L-UE u r-Renju Unit impenjaw ruħhom li ma jnaqqsux il-livell komuni ta' protezzjoni tagħhom ipprovdut mil-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiki tagħhom bħala riżultat tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati, bħall-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Karta Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Dan jinkludi dispożizzjonijiet b'rabta mad-drittijiet fundamentali fuq il-post tax-xogħol, bħan-nondiskriminazzjoni u l-paga ugwali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-istandards tal-impjieg, u d-drittijiet soċjali relatati mar-ristrutturar tal-kumpaniji.

Ir-Renju Unit se jiżgura infurzar effettiv permezz tal-awtoritajiet domestiċi eżistenti u sistema effettiva ta' spezzjonijiet tax-xogħol. Ir-Renju Unit impenja ruħu wkoll għal proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji effettivi.

 

Kif se jiġu infurzati dawn il-“kundizzjonijiet ekwi”?

L-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u dwar il-kompetizzjoni huwa deskritt fil-qosor hawn fuq.

Iż-żamma tal-istess livell ta' protezzjoni soċjali u ambjentali se tkun soġġetta għal riżoluzzjoni ta' tilwim fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Barra minn hekk, it-tilwim dwar l-effettività tal-monitoraġġ u l-infurzar tal-istandards komuni tar-Renju Unit jista' jitressaq għall-arbitraġġ.

Fit-tassazzjoni, ksur mir-Renju Unit li japplika r-regoli legali domestiċi li jittrasponu d-direttivi tat-taxxa tal-UE koperti mill-Ftehim se jkun soġġett għal soluzzjoni tat-tilwim ġudizzjarju bil-possibbiltà ta' sanzjonijiet.

L-Unjoni se tkun tista' tadotta miżuri unilaterali skont il-Ftehim jew fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, u f'konformità mal-impenji internazzjonali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-possibbiltà li jiġu sospiżi temporanjament l-obbligi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' deċiżjoni ta' arbitraġġ, miżuri ta' salvagwardji jew ta' riekwilibriju (fil-każ ta' diffikultajiet ekonomiċi serji li jistgħu jippersistu), l-elenkar ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa, jew azzjoni għal ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent skont l-impenji internazzjonali (GATT).

 

Kif tista' tiġi inkluża unjoni doganali mar-Renju Unit kollu fil-Ftehim dwar il-Ħruġ? Dan mhux se jkun parti mir-relazzjoni fil-futur?

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ skont l-Artikolu 50 jista' jagħlaq jew jelimina sitwazzjonijiet eżistenti jew jista' jgħaqqad mar-relazzjoni tal-futur.

Dan ifisser li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jista' jinkludi elementi li jiffurmaw il-bażi li fuqha se jinbnew l-arranġamenti fir-relazzjonijiet fil-futur. Għalhekk, il-Protokoll huwa maħsub biss biex japplika b'mod temporanju, sakemm u sa meta jitpoġġa fis-seħħ ftehim sussegwenti bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

L-Irlanda ta' Fuq se tkun f'territorju doganali differenti mill-bqija tar-Renju Unit?

Le. L-Irlanda ta' Fuq se tifforma parti mill-istess territorju doganali bħall-bqija tar-Renju Unit li jifforma territorju doganali uniku mal-UE.

Madankollu, taħt il-kontinġenza u sabiex tiġi evitata fruntiera fiżika, in-negozji tal-Irlanda ta' Fuq jistgħu jqiegħdu prodotti fis-suq intern tal-UE mingħajr restrizzjoni. It-tqegħid ta' oġġetti fis-suq intern li jiġu minn barra l-Irlanda ta' Fuq jirrikjedi li l-proċessi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni se jkollhom jiġu applikati.

 

Is-sajd se jkun inkluż fit-”Territorju Doganali Uniku”?

L-arranġamenti dwar is-sajd se jkunu negozjati bħala parti mis-sħubija totali tal-futur. Kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit se jagħmlu ħilithom kollha biex jaqblu dwar ftehim dwar is-sajd u l-akkwakultura sal-1 ta' Lulju 2020. Kundizzjoni essenzjali għal dan it-territorju doganali uniku biex jiġu koperti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura se tkun li jkun hemm ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit dwar l-aċċess għall-ilmijiet u l-opportunitajiet tas-sajd. Qsamna l-għanijiet biex niżguraw is-sajd f'livelli sostenibbli u biex nippromwovu l-konservazzjoni tar-riżorsi

 

L-Irlanda ta' Fuq se tibqa' allinjata mar-regoli u r-regolamenti tal-UE? L-Irlanda ta' Fuq se jkollha tapplika għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni?

Biex tiġi evitata fruntiera fiżika tal-gżira tal-Irlanda, u biex jiġi żgurat li n-negozji tal-Irlanda ta' Fuq ikunu jistgħu iqiegħdu prodotti fuq is-Suq Uniku tal-UE mingħajr restrizzjoni, se jkun meħtieġ li r-Renju Unit, fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq iżomm ċertu allinjament regolatorju speċifiku mal-UE kif ġie maqbul bejn l-UE u r-Renju Unit fir-Rapport Konġunt ta' Diċembru 2017.

Dan ifisser li l-Irlanda ta' Fuq se tibqa' allinjata ma' sett limitat ta' regoli tal-UE li huma indispensabbli għall-evitar ta' fruntiera fiżika, jiġifieri:

  • il-leġiżlazzjoni fuq il-VAT u s-sisa fir-rigward tal-oġġetti
  • il-leġiżlazzjoni dwar l-istandards tal-oġġetti
  • regoli sanitarji għall-kontrolli veterinarji (“regoli SPS”)
  • regoli dwar il-produzzjoni/kummerċjalizzazzjoni agrikola
  • regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Kif spjegat hawn fuq, il-Kodiċi Doganali tal-UE se jkompli japplika wkoll fl-Irlanda ta' Fuq fi ħdan il-kuntest globali tar-territorju doganali uniku bejn l-UE u r-Renju Unit.

 

L-Irlanda ta' Fuq se tibqa' tifforma parti mill-qasam tal-VAT tar-Renju Unit?

Iva, L-Irlanda ta' Fuq se tibqa' parti mill-qasam tal-VAT tar-Renju Unit, bl-Uffiċċju tat-Taxxi u d-Dwana tal-Maestà Tagħha (HMRC), jibqa' responsabbli mill-operat u l-ġbir tal-VAT u mill-istabbiliment tar-rati tal-VAT madwar ir-Renju Unit f'konformità mad-direttiva tal-VAT. B'mod speċifiku, ir-Renju Unit se jiżgura li l-ebda negozju ma jintalab iħallas il-VAT bil-quddiem fiċ-ċaqlieq ta' oġġetti bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda ta' Fuq u li l-kontabilità għall-VAT tkun tista' tkompli ssir permezz ta' kontabilità posposta u dikjarazzjonijiet tal-VAT.

Madankollu, biex jiġi żgurat li l-Irlanda ta' Fuq tkompli tkun kapaċi topera s-sistema tal-VIES tal-UE (Sistema ta' Skambju ta' Informazzjoni dwar il-VAT) u biex taqsam data mal-Irlanda, l-Irlanda ta' Fuq se tkun meħtieġa tibqa' allinjata mar-regoli tal-VAT tal-UE, iżda biss fir-rigward tal-oġġetti.

 

Jeħtieġ li jkun hemm verifiki bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda?

Mhux se jkun hemm bżonn ta' verifiki jew kontrolli fuq oġġetti jew persuni li jaqsmu l-fruntiera bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda. Mhux se jkun hemm fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda. Iż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar tista' tkompli tiffunzjona wkoll. Ir-Renju Unit ħa l-impenn li dan mhux se jaffettwa l-obbligi tal-Irlanda taħt il-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom lejn, minn u fi ħdan l-Irlanda.

 

X'verifiki hemm bżonn isiru fuq l-oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta' Fuq mill-bqija tar-Renju Unit?

Biex jiġi żgurat li n-negozji tal-Irlanda ta' Fuq ikunu jistgħu jqiegħdu prodotti fuq is-Suq Uniku tal-UE mingħajr restrizzjoni - u minħabba l-istatus tal-gżira tal-Irlanda bħala żona epidemjoloġika unika, ikun hemm bżonn verifiki fuq oġġetti li ġejjin mill-bqija tar-Renju Unit lejn l-Irlanda ta' Fuq. Ikun hemm bżonn li jsiru xi verifiki ta' konformità mal-istandards tal-UE, konsistenti mar-riskju biex jipproteġu lill-konsumaturi, lill-kummerċjanti ekonomiċi u lin-negozji fis-Suq Uniku.

L-UE u r-Renju Unit qablu li jwettqu dawn il-verifiki bl-anqas mod intrużiv possibbli. L-iskala u l-frekwenza tal-verifiki tista' tkompli titnaqqas permezz ta' arranġamenti futuri bejn l-UE u r-Renju Unit.

  • Għall-oġġetti industrijali, il-kontrolli huma bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju u jistgħu jseħħu l-aktar fis-suq jew mill-post tal-kummerċjant mill-awtoritajiet rilevanti. Verifiki bħal dawn isiru dejjem mill-awtoritajiet tar-Renju Unit.
  • Fir-rigward tal-prodotti agrikoli, il-verifiki li diġa' jeżistu fil-portijiet u l-ajruporti se jkollhom bżonn jibqgħu jsiru, iżda se jiżdiedu fl-iskala biex jipproteġu s-Suq Uniku tal-UE, lill-konsumaturi tiegħu u s-saħħa tal-annimali.

 

In-negozji tal-Irlanda ta' Fuq se jibqa' jkollhom aċċess bla xkiel għall-bqija tar-Renju Unit?

F'dan il-protokoll xejn ma jiċħad aċċess bla xkiel għas-suq għal prodotti tal-Irlanda ta' Fuq fil-bqija tar-Renju Unit. F'dan it-test, xejn ma jżomm milli prodott li joriġina fl-Irlanda ta' Fuq jitqies bħala prodott tar-Renju Unit meta jitqiegħed fis-suq fil-bqija tar-Renju Unit.

 

Min se jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-kontinġenza fl-Irlanda ta' Fuq?

L-awtoritajiet tar-Renju Unit se jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-kontinġenza fl-Irlanda ta' Fuq. L-UE se jkollha d-dritt li tikseb informazzjoni u titlob miżuri ta' kontroll. Ir-Renju Unit se jiffaċilita kwalunkwe talba magħmula mir-rappreżentanti tal-UE. L-arranġamenti prattiċi għal dan se jkunu ddeterminati mill-Kumitat Konġunt, wara proposta mill-Kumitat Speċjalizzat.

 

Kif se jaħdmu ċ-ċertifikazzjoni u l-approvazzjoni tal-prodott fl-Irlanda ta' Fuq?

Fejn il-liġi eżistenti tal-UE tipprovdi għall-possibilità għal awtorità/korp fi Stat Membru ieħor biex toħroġ approvazzjonijiet/ċertifikati tal-prodotti, din l-għażla għandha tintuża min-negozji tal-Irlanda ta' Fuq jekk ikunu jridu jesportaw lejn l-Istati Membri tal-UE27.

Min-naħa l-oħra, in-negozji tal-Irlanda ta' Fuq jistgħu jserrħu fuq l-awtorizzazzjoni permezz tal-awtoritajiet tar-Renju Unit (pereżempju, f'oqsma speċifiċi li jeħtieġu spezzjonijiet fuq il-post skont il-liġi tal-UE (ċertifikati veterinarji, postijiet ta' produzzjoni tal-farmaċewtiċi, biċċeriji). L-awtoritajiet tar-Renju Unit japplikaw il-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq, u jistgħu jiddeċiedu li ċertifikati bħal dawn isiru validi mar-Renju Unit kollu.

Il-prodotti mill-Irlanda ta' Fuq jistgħu jkomplu jiġu ttikkettati jew immarkata bħala prodotti mir-Renju Unit bil-bqija tar-Renju Unit. Fejn tidħol il-liġi tal-UE fuq l-oġġetti, il-prodotti tal-Irlanda ta' Fuq għandhom jiġu indikati bħala "UK(NI)". Eżempju rilevanti huwa fir-rigward taċ-ċombiet tal-widna għall-annimali ħajjin.

 

X'garanziji tagħti l-kontinġenza biex tipproteġi l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE u l-Unjoni Doganali?

Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq se japplika l-kodiċi doganali tal-Unjoni u jibqa' allinjat mar-regoli tal-UE u l-istandards dwar l-oġġetti. L-Awtorizzazzjonijiet mill-awtoritajiet tar-Renju Unit għal prodotti li jitqiegħdu fis-suq, kif ukoll regolamenti tekniċi, valutazzjonijiet, reġistrazzjonijiet, ċertifikati u approvazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew korpi fir-Renju Unit se jkunu validi biss fl-Irlanda ta' Fuq. Jekk negozju tal-Irlanda ta' Fuq ikun irid iqiegħed prodott kemm fis-suq tal-Irlanda ta' Fuq kif ukoll fis-Suq Uniku tal-UE, tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn awtorità jew korp ta' Stat Membru tal-UE27.

 

Il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja se tiġi estiża għall-Irlanda ta' Fuq?

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ se jkollu effett dirett. Dan ifisser li l-qrati tar-Renju Unit, fil-prattika se japplikaw dan il-ftehim, bl-istess mod li bih illum japplikaw il-liġi tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE hija l-arbitru finali tal-liġi tal-UE. Għal kwistjonijiet relatati mal-kunċetti tal-liġi tal-UE ssottolineati fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, inklużi aspetti tal-Protokoll, il-QtĠ se tibqa' l-arbitru finali. Għall-oqsma l-oħra kollha tal-Protokoll, japplikaw l-arranġamenti għall-infurzar u għar-riżoluzzjoni tat-tilwim pprovduti fil-Ftehim dwar il-Ħruġ.

 

X'fih aktar il-protokoll minħabba l-“kontinġenza”?

Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq fih ukoll dispożizzjonijiet li jindirizzaw għadd ta' ċirkostanzi uniċi oħra fuq il-gżira tal-Irlanda, lil hinn minn kwistjonijiet relatati mad-dwana u materji regolatorji, l-aktar:

  • Iż-Żona Komuni għall-Ivjaġġar bejn l-Irlanda u r-Renju Unit u d-drittijiet u l-privileġġi assoċjati magħha se jkomplu japplikaw f'konformità mal-liġi tal-UE, b'mod partikolari dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE.
  •  Ir-Renju Unit se jiżgura li ma jitnaqqsux id-drittijiet, salvagwardji u ugwaljanza fl-opportunitajietkif stabbilit fil-Ftehim tal-1998 tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) inkluż fir-rigward tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni. Dan l-impenn se jkun implimentat u ssorveljat permezz ta' mekkaniżmi dedikati.
  • Is-Suq Uniku tal-Elettrikuse jinżamm fuq il-gżira tal-Irlanda.
  • Il-Kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar se tkompli, inkluż fl-oqsma tal-ambjent, is-saħħa, l-agrikoltura, it-trasport, l-edukazzjoni u t-turiżmu, kif ukoll fl-oqsma tal-enerġija, it-telekomunikazzjoni, ix-xandir, is-sajd kostali, il-ġustizzja u s-sigurtà, edukazzjoni ogħla u sport. Ir-rapport se jkun ippubblikat dalwaqt.

 

Kif se jaħdem l-impenn li ma jitnaqqsux id-“Drittijiet, Salvagwardji u Ugwaljanza fl-Opportunitajiet” kif sottolineat fil-Ftehim tal-1998 tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast)?

Ir-Renju Unit se jibqa' marbut bl-obbligazzjonijiet li ntrabat bihom bħala kogaranti għall-Ftehim tal-1998 tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast).

Ir-Renju Unit ikkonferma l-impenn tiegħu biex jiżgura li ma jitnaqqsux id-drittijiet, salvagwardji u ugwaljanza fl-opportunitajiet stabbiliti fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (il-Ftehim ta' Belfast). Dan jinkludi impenn li ma jitnaqqsux id-drittijiet fil-qasam ta' nondiskriminazzjoni fiż-żmien tal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea jew wara u l-Anness 1 jelenka d-Direttivi eżistenti tal-UE li ġew adottati mill-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam. L-impenn għall-ebda tnaqqis japplika wkoll għall-kunċetti kollha ta' drittijiet, salvagwardji u ugwaljanza fl-opportunitajiet stabbiliti fil-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/il-Ftehim ta' Belfast.

L-Artikolu 1(1) tal-protokoll jipprovdi li r-Renju Unit jimplimenta dan il-paragrafu permezz ta' mekkaniżmi dedikati. L-Artikolu 1(2) jipprovdi li r-Renju Unit ikompli jiffaċilita x-xogħol tal-istituzzjonijiet u l-korpi stabbiliti skont il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/il-Ftehim ta' Belfast.

Ir-Renju Unit se jistabbilixxi aktar informazzjoni dwar l-impenji tiegħu f'dan ir-rigward.

 

Iċ-Ċittadini tal-Irlanda u tal-Irlanda ta' Fuq se jkomplu jgawdu d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE?

L-Irlanda ta' Fuq mhux se tkun aktar parti mill-UE, iżda għadd kbir ta' nies imwielda u mrobbija hemm se jkomplu jkunu ċittadini tal-UE. Se jkomplu jgawdu d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni skont it-Trattati. Skont it-Trattat (dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) b'mod partikolari se jkomplu jgawdu d-drittijiet li jmiss:

  • nondiskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza
  • jiċċaqilqu u jgħixu liberament fi ħdan l-UE
  • protezzjoni konsulari (għajnuna mill-ambaxxata jew il-konsulat ta' kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE għal ċittadini tal-UE f'diffikultà f'pajjiż barra l-UE fejn m'għandhomx ambaxxata jew konsulat tal-pajjiż tagħhom stess)
  • id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew u ta' ilment lill-ombudsman Ewropew
  • id-dritt li jikkuntattjaw u jirċievu tweġiba minn kwalunkwe istituzzjoni tal-UE f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE
  • aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill taħt ċertu kundizzjonijiet
  • aċċess għas-servizz ċivili tal-UE

 

X'se jiġri mill-programmi PEACE u INTERREG?

L-UE u r-Renju Unit huma impenjati għall-programmi ta' finanzjament PEACE u INTERREG skont il-qafas finanzjarju pluriennali preżenti kif ukoll għaż-żamma tal-proporzjonijiet ta' finanzjament preżenti għall-programm tal-futur. Il-Kummissjoni diġa' pproponiet il-kontinwazzjoni ta' PEACE u INTERREG għall-Irlanda ta' Fuq u r-reġjuni konfinanti tal-Irlanda għal wara l-2020 skont programm uniku PEACE PLUS. Minn issa ‘l quddiem id-deċiżjoni dwar dan se tkun f'idejn l-Istati Membri, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew.

 

X'inhi l-Kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u b'liema mod se tiġi protetta fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit?  

Il-Kooperazzjoni bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq hija parti ċentrali mill-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (il-Ftehim ta' Belfast) u hija fundamentali biex tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni fuq il-gżira tal-Irlanda.

Fl-implimentazzjoni tal-Protokoll, il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkomplija tal-Kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar se jinżammu f'firxa ta' oqsma inklużi l-ambjent, is-saħħa, l-agrikoltura, it-trasport, l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet, ix-xandir, is-sajd intern, il-ġustizzja u s-sigurtà, l-edukazzjoni għolja u l-isport. Il-protokoll jagħraf li, b'rispett sħiħ tal-liġi tal-Unjoni, l-arranġamenti l-ġodda li jibnu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira/il-Ftehim ta' Belfast f'dawn l-oqsma u f'oħrajn tal-kooperazzjoni bejn it-tramuntana u n-nofsinhar, jistgħu jkomplu jsiru fuq il-gżira tal-Irlanda.

Iż-żewġ partijiet għarfu li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jagħti lok għal sfidi sostanzjali għaż-żamma u l-iżvilupp tal-Kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. F'dan il-kuntest, l-evitar ta' fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, kif provdut f'Artikoli oħra ta' dan il-Protokoll, huwa prekundizzjoni essenzjali għall-protezzjoni tal-Kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.

 

[1] Il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura m'humiex fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tat-territorju doganali uniku, ara hawn taħt.

MEMO/18/6423

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar