Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Niġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

Brussell, it-12ta' april 2018

Mistoqsijiet u Tweġibiet

X'inhuma l-prattiki kummerċjali inġusti?

Il-Prattiki Kummerċjali Inġusti (UTPs) huma prattiki bejn in-negozji li jiddevjaw mill-imġiba kummerċjali tajba u jmorru kontra l-bonafidi u n-negozjar ġust. Is-soltu jiġu imposti b'mod unilaterali minn sieħeb kummerċjali fuq ieħor. Il-katina tal-provvista tal-ikel (minn hawn 'il quddiem “il-KPI”) hija partikularment vulnerabbli għall-prattiki kummerċjali inġusti, minħabba differenzi kbar fis-saħħa ta' negozjar.

Il-prattiki kummerċjali inġusti għala se nirregolawhom issa? Il-kodiċijiet tal-kondotta volontarji għala mhumiex biżżejjed?

Il-Kummissjoni Ewropea ilha s-snin tistħarreġ il-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) fil-katina tal-provvista tal-ikel. Ġew ippubblikati Komunikazzjonijiet dwar is-suġġett fl-2009 u fl-2014. F'Jannar 2016, f'rapport speċifiku, il-Kummissjoni ħadet nota ta' żviluppi pożittivi fil-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali inġusti fis-settur, kemm fil-livell nazzjonali u kemm fil-forma tal-“Inizjattiva tal-Katina tal-Ikel” mibdija mis-settur privat. F'dak iż-żmien, tqies li ma kienx hemm bżonn leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam, iżda l-Kummissjoni xorta waħda ntrabtet li terġa' tivvaluta dak il-bżonn fid-dawl ta' żviluppi sussegwenti qabel tmiem il-mandat tagħha.

F'Novembru 2016, it-Task Force għas-Swieq Agrikoli, grupp ta' esperti indipendenti ta' livell għoli mwaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea, ippreżentat is-sejbiet tagħha f'rapport intitolat “Intejbu r-riżultati tas-suq: insaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista”. Dan ir-rapport irrakkomanda, fost l-oħrajn, li l-UE tilleġiżla fl-oqsma tal-prattiki kummerċjali inġusti għall-prodotti agrikoli.

Kmieni fl-2018, il-Kummissjoni temmet analiżi tal-iżviluppi marbutin mal-prattiki kummerċjali inġusti fl-Istati Membri u fis-settur privat, u sabet li ma ntlaħqux l-aspettattivi mill-2016, peress li l-iżviluppi promettenti tal-bidu kienu majnaw u ftit kienu r-rakkomandazzjonijiet li ġew adottati. Pereżempju, bosta Stati Membri għad ma kellhom ebda reġim fis-seħħ kontra l-UTPs, jew kellhom reġimi limitati, filwaqt li partijiet ikkonċernati ewlenin ma ngħaqdux mal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista minħabba struttura ta' governanza dgħajfa li kienet tfixkel l-istħarriġ u l-infurzar effettivi ta' każijiet suspettati ta' UTPs.

Billi ta' sikwit ikun hemm differenzi sinifikanti fis-saħħa ta' negozjar fost l-operaturi varji fil-katina tal-provvista tal-ikel, dan għadu jwassal għal sitwazzjonijiet fejn il-ħolqa l-iktar dgħajfa, li iktar iva milli le tkun il-produttur agrikolu, titqiegħed f'pożizzjoni vulnerabbli u soġġetta għal pressjoni ekonomika mhux xierqa.

Konsultazzjoni pubblika onlajn mal-UE kollha li saret fit-tieni nofs tal-2017 ikkonfermat ukoll li l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati – kinux għaqdiet kummerċjali jew atturi fis-settur tal-biedja u fis-settur tal-ikel – kienu għandhom iqisu li l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel huma problematiċi. 96 % minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tal-2017 dwar il-modernizzazzjoni tal-PAK qablu mal-proposta li t-titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur, inkluż billi jiġu indirizzati l-UTPs, għandu jkun għan tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE. L-iktar stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru taċ-ċittadini mal-UE kollha juri wkoll li l-maġġoranza taċ-ċittadini huma favur li jissaħħaħ ir-rwol tal-bdiewa fil-katina tal-ikel.

Il-Kummissjoni Juncker hija Kummissjoni li tipproteġi, u wiċċ imb wiċċ mal-iżbilanċ u l-imġiba inġusta li jistgħu jiġu kkoreġuti, iddeċidejna li nieħdu azzjoni, u għall-ewwel darba ressaqna proposti leġiżlattivi biex jiġu rregolati l-prattiki inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Għala ntgħażlu dawn il-prattiki kummerċjali inġusti speċifiċi biex jiġu pprojbiti? Għala mhux oħrajn?

Hemm varjetà wiesgħa ta' prattiki kummerċjali koperti mil-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali jew mill-kodiċi tal-kondotta tas-settur privat. Il-UTPs magħżula mill-Kummissjoni tqiesu b'mod ġenerali bħaladawk l-iktar evidentement inġusti, billi jolqtu b'mod partikulari l-iktar ħoloq dgħajfa fil-katina tal-provvista tal-ikel (speċifikament il-bdiewa u l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju). Kien hemm ukoll kunsens mifrux li dawn il-UTPs partikulari għandhom ifixklu sew il-funzjonament tajjeb u effiċjenti tal-katina tal-provvista tal-ikel.

Dan il-kunsens wasal minn għadd ta' sorsi: is-sejbiet tat-Task Force għas-Swieq Agrikoli, grupp ta' esperti mwaqqaf mill-Kummissjoni fl-2016; il-Prinċipji ta' Prattika Tajba tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista; u l-kummenti li waslu għand il-Kummissjoni bi tweġiba għal konsultazzjonijiet varji mal-partijiet ikkonċernati. Pereżempju, fil-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-UTPs, dawk li wieġbu kienu mitlubin jidentifikaw il-prattiki li jqisu inġusti u li għandhom l-iktar impatt negattiv, filwaqt li l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tal-Kummissjoni rċeviet ukoll ammont konsiderevoli ta' kummenti. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll mistoqsijiet immirati lill-kumpaniji, lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u lill-awtoritajiet nazzjonali; organizzat sessjoni ta' ħidma dwar il-UTPs; u kellha għadd ta' laqgħat ma' partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel kif ukoll ma' gruppi tas-soċjetà ċivili.

X'inhuma l-prodotti koperti mill-proposta?

Il-prodotti tal-ikel koperti jinkludu prodotti agrikoli u prodotti pproċessati minn prodotti agrikoli. Il-prodotti tas-sajd huma inklużi bħala prodotti agrikoli. Il-kopertura tal-prodotti hija allinjata mal-okkorrenzi tal-prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel.

Għall-finijiet ta' din il-proposta, kif inhuma deskritti x-xerrejja u l-fornituri? Liema partijiet ikkonċernati jinsabu fil-mira?

Il-proposta tapplika għal kull min hu involut fil-katina tal-provvista tal-ikel, ikunx bejjiegħ bl-imnut, proċessur tal-ikel, bejjiegħ bl-ingrossa, kooperattiva jew organizzazzjoni tal-produtturi, jew produttur individwali, li jkun involut fi kwalunkwe waħda mill-prattiki kummerċjali inġusti identifikati. Il-proposta għandha l-għan speċifiku li tagħti s-setgħa lil dawk is-sħab l-iktar dgħajfa li jkollhom l-inqas setgħa ta' negozjar, allura l-fornitur irid ikun żgħir jew ta' daqs medju skont id-definizzjoni stabbilita fil-livell tal-UE.

Dan se jkun piż amministrattiv ieħor fuq l-Istati Membri? Il-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel ser ikollhom jerfgħu spiża finanzjarja?

Il-biċċa l-kbira tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri diġà għandhom strutturi fis-seħħ biex jimmonitorjaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar il-UTPs, u f'dan il-każ huwa mistenni li l-ispejjeż addizzjonali jkunu marġinali. Fejn tali strutturi ma jeżistux, l-infurzar jista' jsir minn entitajiet eżistenti, bħal awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni jew aġenziji għall-ħarsien tal-konsumatur. B'hekk l-ispejjeż ikunu ferm limitati.

Barra minn hekk, minn dawk l-Istati Membri li stabbilew strutturi ġodda dan l-aħħar biex jirregolaw il-UTPs skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, hemm evidenza li turi li dan huwa possibbli b'impenn finanzjarju relattivament baxx.

Peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà għandhom xi forma ta' regolamentazzjoni tal-UTPs, in-negozji aktarx ikunu ppreparati sew, u b'hekk ikunu se jaffaċċjaw biss spejjeż limitati. F'kull każ, kwalunkwe spiża addizzjonali aktarx tiġi kkumpensata bil-benefiċċji mistennija tal-politika, billi jiġu indirizzati UTPs partikolarment ta' ħsara.

Se jkun hemm xi sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità? Jekk iva, x'se jkunu dawk is-sanzjonijiet?

Iva. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ħolqien ta' reġim kontra l-UTPs fil-livell tal-UE huwa li jikkomplementa l-inizjattiva tas-settur privat, magħrufa bħala l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista, b'livell minimu ta' protezzjoni mal-Istati Membri kollha, li jkun jista' jiġi infurzat. Għaldaqstant, id-Direttiva proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru awtorità pubblika biex tinforza l-projbizzjoni tal-prattiki elenkati. Din l-awtorità trid tkun kapaċi twettaq investigazzjonijiet – fuq talba iżda wkoll fuq l-inizjattiva tagħha stess – sabiex timponi multi finanzjarji, u tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha.

X'inhu l-impatt mistenni fuq il-bdiewa, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut?

Il-projbizzjoni tal-użu tal-UTPs identifikati bħala l-iktar ta' ħsara għall-bdiewa u għall-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju fl-industrija tal-ikel se żżid il-fiduċja fi ħdan il-katina tal-provvista, u se tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' saħħa ta' negozjar ta' dawn l-operaturi ż-żgħar meta mqabbla ma' dik tax-xerrejja l-kbar. Dan għandu jagħtihom aktar ċertezza (pereżempju, ma jkollhomx jibqgħu jinkwetaw li jsibu xerrej ġdid, minħabba tħassir ta' ordnijiet fl-aħħar minuta), filwaqt li jnaqqsilhom il-bżonn li jimmaniġġjaw riskji li ftit li xejn għandhom kontroll fuqhom, jew kontroll ta' xejn.

Se jiżdied il-prezz tal-prodotti tal-ikel għall-konsumaturi?

Le. Ma hemm ebda raġuni biex din il-leġiżlazzjoni tal-UE twassal għal żidiet fil-prezzijiet għall-konsumaturi: fil-konsultazzjoni pubblika li wettqet il-Kummissjoni, ma ġiet ippreżentata ebda evidenza li setgħet tissuġġerixxi li l-prattiki kummerċjali inġusti jwasslu għal prezzijiet orħos għall-konsumaturi, jew li l-projbizzjoni tagħhom bilfors twassal għal prezzijiet ogħla. Fil-fatt, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur għandhom tendenza li jinkoraġġixxu r-regolamentazzjoni ta' dawn il-prattiki, għaliex maż-żmien jolqtu ħażin lill-konsumaturi.

Il-leġiżlazzjoni tagħti lok ukoll għal rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli wara tliet snin, inkluż kwalunkwe impatt fuq il-prezzijiet.

Din il-proposta kif torbot mal-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel, u mal-Inizjattiva tal-Provvista tal-Ikel?

Id-Direttiva proposta tikkomplementa – iżda ma tiħux post – il-kodiċi ta' kondotta volontarju tal-Inizjattiva tal-Provvista tal-Ikel, li min-naħa tiegħu huwa riżultat tal-Forum ta' Livell Għoli li kienet waqqfet il-Kummissjoni fl-2010 sabiex jistħarreġ kwistjonijiet tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel. Id-deċiżjoni li jiġi propost standard minimu komuni ta' protezzjoni fl-UE tippermetti lil dawk l-Istati Membri li diġà japplikaw standards aktar qawwija kontra l-prattiki kummerċjali inġusti biex ikomplu jagħmlu dan.

L-Istati Membri jkunu jistgħu jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u jieħdu l-miżuri tagħhom stess? Dan se jirdoppja jew jieħu post l-isforzi tal-Istati Membri?

Il-proposta tal-lum, fil-forma ta' Direttiva, hija kumplimentari għar-regolamentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jmorru iktar 'il bogħod fil-leġiżlazzjoni tagħhom, u ħafna Stati Membri diġà għandhom regolamenti aktar ambizzjużi fis-seħħ. L-azzjoni fil-livell tal-UE toħloq livell bażiku ta' protezzjoni għall-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel mal-UE kollha, permezz ta' regoli ta' armonizzazzjoni minima, regoli kondiviżi ta' infurzar, u koordinazzjoni tal-isforzi ta' infurzar.

Dawn ir-regoli se japplikaw għall-fornituri u/jew għax-xerrejja mhux tal-UE?

Iva, se japplikaw għall-fornituri mhux tal-UE. Dan għal raġunijiet ta' ġustizzja, u sabiex nevitaw effetti ta' distorsjoni mhux mixtieqa. Ngħidu aħna, li kieku l-fornituri fl-UE biss kienu protetti mill-UTPs, iżda mhux il-fornituri minn pajjiżi terzi, ix-xerrejja aktarx ikollhom inċentiv biex jixtru minn dawn il-fornituri ta' pajjiżi terzi (fejn ikunu liberi li jimponu UTPs).

Il-Kummissjoni għala mhix qiegħda tieħu azzjoni dwar it-trasparenza tal-prezzijiet?

Il-pass li jmiss huwa li nduru appuntu għall-kwistjoni tat-trasparenza tas-suq. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq dan is-suġġett, u nistgħu nistennew li l-ewwel riżultati ta' din il-ħidma narawhom fit-tieni nofs tal-2018. B'mod parallel ma' dan, il-Forum ta' Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel għandu fergħa tal-ħidma li tieħu ħsieb din il-kwistjoni.

Din il-ħidma trid titqies li qiegħda ssir lil hinn mill-miżuri ta' trasparenza li l-Kummissjoni diġà ppromulgat, fosthom il-ħolqien u l-funzjonament tal-osservatorji tas-suq ġestiti minn DĠ AGRI.

Għal aktar tagħrif

It-Task Force għas-Swieq Agrikoli

Fatti u ċifri bażiċi dwar il-katina tal-provvista tal-ikel

MEMO/18/2703

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar