Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Politika tal-UE integrata għar-reġjun tal-Artiku - Mistoqsijiet Frekwenti

Brussell, is-27ta' april 2016

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea jindirizzaw b'mod integrat l-isfidi tar-reġjun tal-Artiku.

1. X’inhu r-reġjun tal-Artiku?

Għalkemm jeżistu definizzjonijiet differenti tal-Artiku, fil-Komunikazzjoni Konġunta l-kunċett “reġjun tal-Artiku” jkopri ż-żona ta' madwar il-Pol tat-Tramuntana, li tinsab fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku (66 grad, 32 minuta, latitudni Tramuntana). Din iż-żona tinkludi l-Oċean Artiku u t-territorji tat-tmien Stati tal-Artiku, jiġifieri: il-Kanada, ir-Renju tad-Danimarka (li jinkludi Greenland u l-Gżejjer Faeroe) il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Federazzjoni Russa, l-Iżvezja u l-Istati Uniti tal-Amerka.

2. Għaliex l-Artiku huwa rilevanti għall-UE?

Għalkemm il-kosta tal-Unjoni Ewropea ma tmissx direttament mal-Oċean Artiku, l-UE hija intrinsikament marbuta mar-reġjun tal-Artiku minħabba r-rabtiet storiċi, ekonomiċi, kummerċjali u ġeografiċi. Barra minn hekk, għadd ta’ attivitajiet, finanzjamenti, proġetti u deċiżjonijiet eżistenti tal-UE diġà qed iħallu impatt fuq l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun.

Hemm bżonn ta’ ħidma intensiva biex jiġu mħarsa l-ibħra internazzjonali tal-Artiku minħabba t-tibdil fil-klima u ż-żieda fl-attività tal-bniedem fir-reġjun. Il-ġestjoni sostenibbli tal-ibħra internazzjonali tal-Artiku, li jaqgħu barra mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, hija responsabbiltà globali u għalhekk anke tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, tliet Stati tal-Artiku huma wkoll Stati Membri tal-UE: id-Danimarka; l-Iżvezja; u l-Finlandja. Barra dan, l-Unjoni Ewropea żżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Iżlanda u man-Norveġja bħala membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, filwaqt li pajjiżi bħall-Kanada u l-Istati Uniti huma sħab strateġiċi tal-UE.

3. X’inhi s-sitwazzjoni ambjentali tal-Artiku?

Ir-reġjun tal-Artiku għaddej minn tisħin rapidu. Skont il-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, it-temperaturi tal-permafrost żdiedu f’ħafna reġjuni sa mill-bidu tas-snin tmenin u din it-tendenza mistennija tkompli anke fil-futur. Dan l-iżvilupp jipprovdi raġunament b’saħħtu għall-UE biex iżżid l-impenn tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent reġjonali.

Jekk it-tisħin ikompli għaddej, bejn 20 u 40 sena oħra fl-Artiku jista' jibda jkun hemm sjuf mingħajr silġ. It-tidwib tas-silġ tal-baħar u l-avvanzi mgħaġġla fit-teknoloġija offshore diġà żiedu l-attività tal-bniedem fir-reġjun, bħat-tbaħħir, it-tħaffir u l-estrazzjoni tal-idrokarburi.

4. Liema huwa l-qafas legali internazzjonali li jieħu ħsieb l-Artiku?

Jeżisti qafas legali internazzjonali estensiv li japplika għall-Artiku, li fost l-oħrajn jinkludi:

  • Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (l-UNCLOS), li ssostni d-drittijiet ġurisdizzjonali tan-nazzjonijiet f’diversi żoni marittimi. u li l-UE hija firmatarja tagħha;
  • L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-IMO), aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli mis-sikurezza u mis-sigurtà tat-tbaħħir u mill-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu mill-bastimenti. L-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-IMO u l-Kummissjoni Ewropea għandha status ta’ osservatur;
  • Il-Kunsill tal-Artiku huwa forum internazzjonali intergovernattiv li huwa kkonċernat direttament mill-iżvilupp sostenibbli u mill-ħarsien ambjentali tal-Artiku. Imwaqqaf fl-1996, il-Kunsill la jindirizza tilwim dwar il-fruntieri jew dwar ir-riżorsi u lanqas ma jindirizza kwistjonijiet oħra relatati mas-sigurtà. L-UE hija osservatur ad hoc fil-proċedimenti tal-Kunsill tal-Artiku, tliet Stati Membri huma membri tal-Kunsill tal-Artiku (ir-Renju tad-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja), filwaqt li seba’ Stati Membri huma osservaturi permanenti (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja u r-Renju Unit);
  •  Il-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents (il-BEAC) huwa l-forum għall-kooperazzjoni intergovernattiva u interreġjonali fir-reġjun ta’ Barents. Il-Kummissjoni Ewropea hija membru sħiħ tiegħu;
  •  Id-Dimensjoni tat-Tramuntana hija politika konġunta bejn l-UE, ir-Russja, in-Norveġja u l-Iżlanda. Din bdiet fl-1999 u għandha l-għan li tipprovdi qafas biex tippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni konkreta f’oqsma bħall-ekonomija, il-kultura, l-ambjent u t-trasport.
  •  Il-Konvenzjoni OSPAR għandha l-għan li tħares l-ambjent u l-ekosistemi tal-baħar mit-theddid emerġenti relatat mat-tniġġis, mal-attivitajiet marittimi, flimkien mat-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-preżenza umana.

5. L-UE kif qed tikkontribwixxi għall-ħidma fl-Artiku?

L-interessi tal-UE fl-Artiku jolqtu bosta oqsma li jinkludu (iżda mhux esklussivament) l-ambjent, l-enerġija, it-trasport u s-sajd. L-Unjoni Ewropea ilha għal ħafna żmien attiva fil-kooperazzjoni tal-Artiku, b'mod partikolari fil-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana kondiviża mar-Russja, man-Norveġja, mal-Iżlanda, mal-Finlandja u mal-Iżvezja kif ukoll fil-Kunsill Ewro-Artiku ta' Barents. L-Unjoni Ewropea ilha għal ħafna snin osservatur ad hoc fil-Kunsill tal-Artiku u tat il-kontribuzzjoni tagħha għall-ħidma ta' dan il-Kunsill.  

L-UE hija waħda mill-akbar kontributuri għar-riċerka tal-Artiku: mill-2002 impenjat €200 miljun mill-baġit tal-UE, li ma jinkludux il-kontribuzzjonijiet individwali mill-Istati Membri tal-UE. Il-proġetti riċenti u li għadhom għaddejjin indirizzaw firxa ta' kwistjonijiet bil-għan li tiġi żviluppata stampa sħiħa tat-tibdil fl-Artiku: parti waħda tar-riċerka tikkonċerna l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ekosistema tar-reġjun u fuq is-setturi ekonomiċi ewlenin. Proġetti oħra qegħdin jistudjaw l-evoluzzjoni tal-kopertura tas-silġ tal-baħar Artiku, tal-glaċieri u tal-firxiet ta’ silġ, inkluż l-impatt li qed iħallu fuq il-livell tal-baħar meta dawn jinħallu. Proġett li jinvolvi l-pajjiżi kollha tal-Artiku pproduċa l-ewwel valutazzjoni armonizzata tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija fir-reġjun, jiġifieri l-Atlas tal-Ħamriji Ċirkumpolari tat-Tramuntana. Fl-aħħar nett, kienu involuti diversi proġetti biex jixprunaw l-infrastruttura tar-riċerka fir-reġjun, fosthom il-bini tan-netwerk Interact li jinkludi 70 bażi terrestri mxerrda mar-reġjun.

Il-flotta kummerċjali kkontrollata mill-Istati Membri tal-UE hija waħda mill-akbar fid-dinja u l-industrija tal-UE għandha esperjenza sinifikanti fit-tbaħħir, fil-bini tal-bastimenti, fin-navigazzjoni satellitari, fit-tfittxija u s-salvataġġ kif ukoll fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-portijiet, li għandha potenzjal sinifikanti biex tappoġġa t-tkabbir u l-iżvilupp filwaqt li tiżgura li jiġu rispettati l-ogħla standards ambjentali.

Barra minn hekk, permezz ta' diversi inizjattivi, l-UE tipprovdi ammont sinifikanti ta’ fondi favur il-popli indiġeni u l-popolazzjonijiet lokali. Matul il-perjodu ta' kofinanzjament 2007-2013, il-programmi ta' finanzjament jammontaw għal €1,14-il biljun jew €1,98 biljun jekk jiġi inkluż il-kofinanzjament tal-Istati Membri tal-UE. Fil-perjodu ta' bejn l-2014 u l-2020, fiż-żona se jiġu investiti aktar minn €1 biljun minn Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej f’oqsma strateġiċi bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-appoġġ għan-negozji ż-żgħar u l-enerġija nadifa.

6. Għaliex il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli qed jippreżentaw din il-Komunikazzjoni issa?

Fl-2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-Kummissjoni u lir-Rapreżentant Għoli biex jiżviluppaw politika integrata dwar il-kwistjonijiet tal-Artiku, b’qafas aktar koerenti għall-azzjoni tal-UE u għall-programmi ta’ finanzjament. Mill-iżviluppi attwali jidher biċ-ċar li hemm bżonn ta' reazzjoni msaħħa tal-UE. It-tibdil fil-klima fir-reġjun qed jipprogressa b'ritmu aktar mgħaġġel u aktar komprensiv minn dak imbassar u, bħala t-tielet l-akbar emittent ta’ gassijiet serra, l-UE hija s-sieħeb responsabbli biex taħdem ħalli jitrażżnu dawn l-iżviluppi.

Bl-istess mod, l-iżvilupp sostenibbli huwa kemm neċessarju kif ukoll possibbli fir-reġjun tal-Artiku. L-UE żgur tista’ tikkontribwixxi għall-ħtieġa tal-Artiku billi ssaħħaħ ir-reżiljenza soċjoekonomika permezz tax-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-UE għandha riżorsi u kapaċità tad-dejta u tar-riċerka konsiderevoli li tista’ tiddedika biex jinkisbu objettivi ġodda dwar kwistjonijiet ta’ importanza reġjonali u internazzjonali. Il-Komunikazzjoni Konġunta adottata llum tiġbor dawn il-punti kollha.

7. X’azzjonijiet qed jipproponu?

Il-politika integrata fiha 39 azzjoni biex tkompli tiżviluppa l-politika tal-UE dwar l-Artiku fi tliet oqsma li huma relatati mill-qrib ma’ xulxin:

A.)  Azzjonijiet favur il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent:

  • L-UE diġà impenjat ruħha li tnaqqas il-gassijiet serra b’40 % sal-2030 u bi 80 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-UE se tistinka biex ikun hemm implimentazzjoni internazzjonali tal-ftehim dwar il-klima li ntlaħaq f’Pariġi, f’Diċembru tas-sena li għaddiet. 20 % tal-baġit tal-UE diġà ġie riżervat għal miżuri ta’ adattament u mitigazzjoni tal-klima.
  • L-UE tinsab lesta biex taħdem flimkien mal-istati tal-Artiku, inklużi l-popolazzjonijiet lokali u l-komunitajiet indiġeni tagħhom, u f'fora internazzjonali rilevanti biex tiġi żviluppata aġenda ambizzjuża dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima fir-reġjun tal-Artiku.
  • L-UE se tikkontribwixxi wkoll għal miżuri internazzjonali biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-karbonju iswed u tal-metan.
  • Skont l-Orizzont 2020, l-UE se żżomm il-livell attwali ta’ finanzjament għar-riċerka dwar l-Artiku (medja ta’ 20 miljun fis-sena). Madwar 40 miljun diġà ġew allokati għall-2016 u għall-2017 għal proġetti dwar l-osservazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-tibdil fit-temp fl-emisfera tat-Tramuntana u t-tnaqqis tal-permafrost.
  • Taħt l-inizjattiva EU-PolarNet, 22 istituzzjoni Ewropea tar-riċerka dwar l-Artiku se jiżviluppaw programm Ewropew dwar ir-riċerka polari integrata.
  • L-UE għandha tappoġġa l-aċċess transnazzjonali għall-infrastrutturi ta’ riċerka fl-Artiku (stazzjonijiet tar-riċerka, bastimenti xjentifiċi, osservazzjonijiet bis-satellita) u l-aċċess miftuħ għar-riżorsi tad-dejta. Il-programm spazjali Copernicus tal-UE għandu jappoġġa r-riċerka internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima fl-Artiku.
  • Għadd ta’ ftehimiet ambjentali internazzjonali, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, huma rilevanti ħafna għall-Artiku, iżda għadhom mhumiex implimentati mill-firmatarji, b'hekk l-UE għandha tħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħhom.
  • Is-sustanzi niġġiesa u l-metalli tqal li bħalissa qed iniġġsu ix-xibka alimentari tal-Artiku għandhom jitneħħew b'mod progressiv minn issa sal-2020.
  • Bħala parti mill-ġestjoni sostenibbli tal-Oċean Artiku, l-UE tappoġġa l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ żoni protetti tal-baħar fl-Artiku. L-UE hija ħerqana li tiżviluppa ftehim internazzjonali li jevita s-sajd mhux irregolat fl-Oċean Artiku Ċentrali. Maż-żmien, ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għandhom jiġu ġestiti b'Organizzazzjoni jew bi Ftehim Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

B.)  Azzjonijiet favur l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun:

  • Il-parti Ewropea tal-Artiku qed tbati minn nuqqas ta’ investiment, filwaqt li għadd ta’ strumenti u ta' servizzi ta' finanzjament tal-UE huma lesti li jappoġġaw l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-infrastruttura, bħat-titjib tal-mezzi tat-trasport, u l-impriżi (pereżempju permezz tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, it-Ten-T, l-InnovFin tat-TEN-T u n-Netwerk Enterprise Europe, rispettivament). Il-Kummissjoni se tagħmel sforz biex ittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-programmi ta’ finanzjament tal-UE rilevanti għall-Artiku, biex tidentifika l-prijoritajiet ta’ investiment u ta' riċerka ewlenin u biex tiffaċilita l-bini ta' kapaċità tal-partijiet ikkonċernati sabiex timmassimizza l-appoġġ finanzjarju għal dan ir-reġjun.  
  • Il-programmi spazjali tal-UE u l-proġetti ta’ riċerka mmirati tal-UE għandhom jikkontribwixxu għas-sigurtà marittima fir-reġjun permezz ta’ sorveljanza u ta' monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u taċ-ċaqliq tas-silġ (Copernicus) u billi jipprovdu servizzi ta’ navigazzjoni (Galileo).

C.)  Azzjonijiet favur il-kooperazzjoni internazzjonali:

  • L-UE se tkompli timpenja ruħha b’mod attiv f'fora internazzjonali rilevanti għall-Artiku, bħall-Kunsill tal-Artiku, il-Kunsill Ewro-Artiku ta’ Barents u d-Dimensjoni tat-Tramuntana.
  • L-UE se tikkoopera mas-sħab tal-Artiku kollha tagħha, mhux biss ma’ pajjiżi terzi li għandhom territorji fl-Artiku, iżda wkoll ma' pajjiżi b’interessi dejjem akbar fl-Artiku, bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Ġappun, pereżempju dwar l-oqsma tax-xjenza u r-riċerka.
  • Peress li l-politiki tal-UE jaffettwaw direttament lir-reġjun, l-UE se tkompli timpenja ruħha mal-popli indiġeni u mal-komunitajiet lokali tal-Artiku biex tiżgura li jiġu rispettati d-drittijiet tagħħhom u li l-fehmiet tagħhom ikunu riflessi fl-iżvilupp kontinwu tal-politiki tal-UE.

8. X'inhuma l-passi li jmiss?

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, l-effettività u l-kontinwità tal-politika tal-UE dwar l-Artiku, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (l-Istati Membri) u l-Parlament Ewropew issa huma mistiedna jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar din il-Komunikazzjoni Konġunta.

Għal aktar informazzjoni ara:

http://eeas.europa.eu/arctic_region/index_en.htm

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/sea_basins/arctic_ocean/index_en.htm

MEMO/16/1540

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar