Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Disinn ġdid tas-suq u ftehim ġdid għall-konsumaturi

Brussell, 15 Lulju 2015

Disinn ġdid tas-suq biex iwitti t-triq għal ftehim ġdid għall-konsumaturi

Ara wkoll: Stqarrija għall-Istampa: Nittrasformaw is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa — jitnieda l-Pakkett tas-Sajf tal-Kummissjoni għall-enerġija (tal-15 ta’ Lulju 2015)

Xi tfisser "Disinn tas-suq" tal-elettriku?

Id-disinn tas-suq huwa sett ta’ arranġamenti li jirregolaw kif l-atturi tas-suq jiġġeneraw, jikkummerċjalizzaw, ifornu u jikkonsmaw l-elettriku u jużaw l-infrastruttura tal-elettriku.

Huwa importanti li dawn l-arranġamenti, jew fi kliem ieħor id-disinn –, ikunu jistgħu jittrasformaw is-sistema tal-enerġija, u jippermettu lill-operaturi tan-netwerks, lill-ġeneraturi u lill-konsumaturi — kemm fid-djar kif ukoll fl-industrija — jieħdu vantaġġ sħiħ minn teknoloġija ġdida.

Is-swieq bl-ingrossa u bl-imnut għandhom jipprovdu l-bażi għal deċiżjonijiet ta’ investiment, u jagħtu spinta lill-iżvilupp ta’ servizzi ġodda minn kumpaniji innovattivi. F’industrija ta’ netwerk bħal tal-elettriku, disinn effettiv tas-suq jeħtieġ sorveljanza regolatorja effettiva, b’mod partikolari, l-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni u trażmissjoni.

L-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għal disinn ġdid tas-suq tal-elettriku għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku sabiex l-elettriku ikun jista' jiċċaqlaq liberament skont fejn u meta jkun meħtieġ l-aktar, is-soċjetà tkun tista' tgawdi l-benefiċċji massimi minn kompetizzjoni transfruntiera u għandha tagħti l-aħjar sinjali u inċentivi li jixprunaw l-aħjar investimenti, filwaqt li tintegra bis-sħiħ l-ishma ta’ sorsi ta' enerġija rinnovabbli li qegħdin jikbru.

Għaliex għandna bżonn disinn ġdid tas-suq?

Is-sistema tal-elettriku tal-Ewropa tinsab f’nofs perjodu ta’ tibdil profond. Is-sehem tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli se jikber minn 25% illum għal 50% fl-2030. Iżda meta x-xemx ma tiżriġx u r-riħ ma jonfoħx, xorta jrid ikun hemm produzzjoni tal-elettriku fi kwantitajiet suffiċjenti biex iwasslu l-enerġija lill-konsumaturi u jżommu l-grilja tal-elettriku stabbli. Is-suq tal-elettriku qiegħed kontinwament jinbidel u s-suq tal-lum huwa fundamentalment differenti mis-suq ta' ħames snin ilu.

Billi l-UE trid tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal provvista ta’ enerġija affidabbli u affordabbli għaċ-ċittadini u għan-negozji kollha tal-UE, u tagħmel lill-Unjoni Ewropea l-mexxejja dinjija fl-enerġija rinnovabbli, dawn il-bidliet mistennija li jkomplu. L-ewwel nett, dan ifisser li kwantità dejjem akbar ta' elettriku ser ikollha tiġi nnegozjata bejn il-fruntieri nazzjonali u dan jeħtieġ kooperazzjoni effiċjenti bejn l-atturi kollha tas-suq. Hekk kif is-sehem tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli se jikber, il-grilji jeħtieġ li jkollhom il-kapaċità għal kooperazzjoni transfruntiera biex jirriflettu din iż-żieda fil-varjabbiltà tal-produzzjoni.  

Teknoloġiji abilitanti ġodda, bħal grilji intelliġenti, metraġġ intelliġenti, djar intelliġenti, awtoġenerazzjoni u tagħmir għall-ħżin qed jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini biex jieħdu f’idejhom is-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija, billi jużaw dawn it-teknoloġiji ġodda biex inaqqsu l-kontijiet tagħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq.

Kif jistgħu s-swieq isiru aktar flessibbli?

Jistgħu jinħolqu swieq flessibbli billi:

- joffru lill-konsumaturi l-possibbiltà li jieħdu sehem attiv fis-suq billi jaġġustaw il-konsum tagħhom skont il-prezzijiet fil-ħin reali;

- jiġi żgurat li s-swieq jipprovdu l-aħjar sinjali għal investimenti fil-ġenerazzjoni u fl-użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli;

- tinbena l-infrastruttura tal-elettriku nieqsa u billi jsir użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti;

- jiġi żgurat negozjar flessibbli: għall-integrazzjoni effiċjenti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-grilja, jeħtieġ li l-produtturi, il-fornituri u n-negozjanti jkunu jistgħu jinnegozjaw l-elettriku kemm jista' jkun qrib tal-ħin reali billi dan jippermettilhom iqisu aħjar it-tbassir dwar kemm se tiġi prodotta enerġija solari u mir-riħ;

- l-eliminazzjoni ta’ prezzijiet regolati fuq naħa waħda u skemi ta’ appoġġ ineffiċjenti fuq in-naħa l-oħra. Jekk il-prezzijiet tal-elettriku ma jirriflettux l-ispejjeż attwali, dan jagħti sinjali foloz lill-investituri u lill-konsumaturi tal-elettriku;

- l-introduzzjoni ta' approċċ aktar ikkoordinat għall-iskemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli madwar l-Istati Membri. L-investimenti għandhom ikunu xprunati mis-swieq. F’suq li jiffunzjona tajjeb, fi żminijiet ta’ provvista abbundanti, il-prezzijiet ikunu baxxi filwaqt li meta l-ġenerazzjoni tkun skarsa, il-prezzijiet ikunu għoljin. B’dan il-mod, il-prezzijiet jindikaw lill-investituri meta ikun l-aktar ta’ benefiċċju li jinvestu.

Il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jeħtieġ li jkunu jistgħu jikkompetu fuq l-istess livell mal-produtturi tal-enerġija konvenzjonali. Jekk għadu meħtieġ l-appoġġ pubbliku biex jiġi żgurat dan, jista' jsir titjib konsiderevoli fl-effiċjenza billi jikkonverġu skemi ta’ appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli madwar il-fruntieri, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali msaħħa.

Għandna bżonn aktar netwerks tal-elettriku?

Sar progress sinifikanti fl-użu effiċjenti tal-kapaċitajiet tan-netwerk. L-hekk imsejħa “akkoppjament tas-swieq” (il-bejgħ tal-elettriku flimkien mal-kapaċità ta’ interkonnessjoni, minflok separatament) f’żoni kbar tal-Ewropa u l-kalkolu tal-kapaċità "abbażi tal-fluss" (billi jitqies aħjar il-fluss fiżiku reali tal-elettriku fil-grilja Ewropea interkonnessa) irriżultaw f’żidiet sinifikanti fil-kapaċitajiet tan-netwerk utilizzabbli. Madankollu, għad hemm bżonn ta' netwerks addizzjonali kemm fil-pajjiżi tal-UE kif ukoll bejniethom. Biex jiġi evitat l-investiment eċċessiv fin-netwerks, għandhom jintużaw għażliet oħra ta’ flessibbiltà, inkluż il-possibbiltà li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaġġustaw id-domanda tagħhom skont ix-xejriet ta’ ġenerazzjoni.

X’hemm bżonn li jsir biex in-netwerks jiġu bbilanċjati meta jkun hemm ġenerazzjoni varjabbli ta' enerġija solari jew mir-riħ?

L-ewwel nett, meta l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli tinfirex madwar l-Ewropa permezz ta' netwerks interkonnessi, il-ġenerazzjoni għolja f'ċerti żoni tista' tikkumpensa żoni b’anqas ġenerazzjoni. Fl-istess ħin, is-suq irid joffri inċentivi finanzjarji ċari għall-ġeneraturi tal-enerġija rinnovabbli biex dawn jagħmlu l-produzzjoni tagħhom kemm jista’ jkun prevedibbli. Barra minn hekk, f’perjodi ta’ ġenerazzjoni baxxa u prezzijiet għoljin, il-konsumaturi jistgħu jgħinu biex jimtlew il-lakuni billi jnaqqsu d-domanda tagħhom, filwaqt li s-suq jiżgura li dawn jiġu kkumpensati kif xieraq għal dan ir-rwol.

Fis-swieq bl-ingrossa qed isseħħ it-trasformazzjoni lejn ekonomija b’karbonju baxx u b'sistema tal-enerġija effiċjenti. Għalfejn il-konsumaturi bl-imnut s'issa għadhom ma jistgħux igawdu l-benefiċċji?

Illum, il-parti l-kbira tal-konsumaturi tal-UE ma għandhomx aċċess għal informazzjoni dwar it-tibdil fl-ispejjeż ekonomiċi u ambjentali tal-użu tal-enerġija f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, tal-ġimgħa jew tas-sena. Dawn l-ispejjeż ivarjaw il-ħin kollu, fost l-oħrajn minħabba t-temp u r-rutini ta’ kuljum tagħna.

Il-parti l-kbira tal-konsumaturi bl-imnut, xi kultant, mingħajr ma jafu, ikunu qed iħallsu primjum għall-istabbiltà. Dan mhux biss jagħmel l-enerġija aktar għalja minħabba li rridu nħallsu għal aktar impjanti tal-enerġija u aktar netwerks biex ilaħħqu mal-ogħla livelli tad-domanda massima okkażjonali, iżda jfisser ukoll li qed nimpurtaw u naħarqu aktar karburanti fossili milli meħtieġ.

Madankollu, xi konsumaturi jistgħu jagħżlu kuntratti li jieħdu vantaġġ mill-varjazzjoni tas-suq u jiffrankaw fuq il-kontijiet tagħhom. Pereżempju, il-konsumaturi fil-Finlandja jew fl-Iżvezja li jagħżlu kuntratti ta’ provvista tal-elettriku bi prezz dinamiku, jiffrankaw bejn 15% u 30% mill-kontijiet tagħhom tal-elettriku grazzi għal kuntratti dinamiċi u metraġġ intelliġenti.

Ostaklu ieħor għall-konsumaturi li jibbenefikaw bis-sħiħ mit-tranżizzjoni enerġetika li għaddejja bħalissa, huwa d-diffikultà fit-tqabbil tal-kontijiet u r-reklamar minn kumpaniji differenti tal-enerġija — sitwazzjoni li tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jibqgħu mal-fornitur attwali tagħhom. Filwaqt li s-swieq bl-ingrossa qed isiru aktar trasparenti u kompetittivi, il-konsumaturi bl-imnut spiss għadhom imfixkla dwar l-għażliet tal-provvista tagħhom. Barra minn hekk, anki jekk konsumatur jirnexxielu jsib offerta aħjar, l-obbligi kuntrattwali u l-ostakli amministrattivi jista’ jiskoraġġixxuh milli jagħmel il-bidla.

Xi jfisser ftehim ġdid għall-konsumaturi?

Hija meħtieġa bidla fundamentali fir-rwol li għandhom il-konsumaturi fis-suq. Jeħtieġ li nagħtu lill-konsumaturi l-opportunità li jadattaw l-użu tagħhom tal-enerġija biex jieħdu vantaġġ minn bidliet f’ħin reali tal-provvista u d-domanda.

Jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaġixxu bħala xerrejja u bejjiegħa — b'kumpaniji innovattivi li joffrulhom servizzi ġodda bbażati fuq kontijiet u regoli ta’ reklamar aktar ċari u komparabbli, li jiffaċilitaw il-bdil tal-fornituri, iżda wkoll permezz ta’ aċċess affidabbli u rilevanti bl-isfruttament ta’ għodod ta’ tqabbil tal-prezzijiet u b'setgħa ta’ negozjar permezz ta’ skemi kollettivi (eż. qlib kollettiv, kooperattivi tal-enerġija). Jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu ħielsa li jiġġeneraw u jikkunsmaw l-enerġija tagħhom stess b'kundizzjonijiet ġusti sabiex jiffrankaw il-flus, jgħinu l-ambjent u jiżguraw is-sigurtà tal-provvista.

Fl-aħħar nett, il-konsumaturi f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà jew ta' faqar enerġetiku u unitajiet domestiċi inqas kapaċi li jaqilbu d-domanda tagħhom jew li jsiru prosumaturi, jeħtieġ li jiġu protetti b’mod effettiv matul din it-tranżizzjoni u jiġu offruti għajnuna mmirata biex itejjeb l-effiċjenza enerġetika ta’ djarhom.

Kif nistgħu nkunu ċerti li l-konsumaturi u d-dejta tagħhom huma protetti f’dan il-kuntest ġdid?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tagħti drittijiet estensivi lill-konsumaturi tal-enerġija, u l-infurzar ta’ dawn id-drittijiet jibqa’ prijorità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-ħolqien ta’ liġijiet speċifiċi ġodda dwar l-enerġija fi ħdan ir-Regolament dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur. Se timpenja riżorsi biex jitjieb il-monitoraġġ tal-faqar enerġetiku madwar l-Unjoni kollha u biex ixxerred l-aqwa prattiki sabiex tiżgura li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw minn din it-tranżizzjoni.

L-użu effettiv ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti jeħtieġ l-ipproċessar ta’ dejta personali. Għaldaqstant għandha tingħata attenzjoni biex id-dejta personali tiġi protetta u tingħata sigurtà. Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda approċċ ta' “sigurtà u protezzjoni tad-dejta permezz tad-disinn”.

X'inhu l-awtokonsum ta’ enerġija rinnovabbli?

Illum, grazzi għat-tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż marbuta mat-teknoloġija, il-konsumatur jista' jipproduċi l-elettriku tiegħu stess fuq il-post minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (pereżempju l-enerġija solari jew mir-riħ), u jikkonsma ftit minn din l-enerġija jew kollha kemm hi, kemm simultanjament jew inkella aktar tard permezz ta’ ħżin tal-enerġija fuq skala żgħira (eż. permezz ta' pompa tas-sħana jew batterija). B’dan il-mod, il-konsumatur li jipproduċi jista' jiffranka l-flus billi jiġġenera l-elettriku tiegħu stess minflok jixtrih, u anke jitfa’ l-elettriku żejjed mhux ikkunsmat fil-grilja tal-elettriku.

L-awtokonsum jista' jgħin sabiex inaqqas it-telf fil-grilja billi l-elettriku jiġi ġġenerat u kkunsmat lokalment. Dan jista’ jnaqqas ukoll l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija, pereżempju l-ġenerazzjoni fotovoltajka solari f'pajjiżi xemxin waqt id-domanda massima minħabba l-arja kkundizzjonata. Fl-aħħar nett, l-awtokonsum jista' jgħin biex jiġi mobilizzat investiment privat għall-finanzjament tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

Fl-istess ħin, l-awtokonsum jista' joħloq sfidi ġodda u jnaqqas id-dħul tal-operaturi tal-grilja. Il-grilja tista’ wkoll teħtieġ aġġustamenti teknoloġiċi biex tinżamm is-sikurezza u l-affidabbiltà. Il-Kummissjoni identifikat l-aħjar prattiki biex tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE biex jippromovu l-awtokonsum b'mod kosteffettiv.

X'rwol jista' jkollu l-ħżin tal-enerġija fid-disinn il-ġdid tas-suq?

L-operat sigur tal-grilja sar aktar diffiċli bit-tkabbir mgħaġġel ta’ enerġiji rinnovabbli varjabbli, u l-produtturi u l-konsumaturi għandu jkollhom is-setgħa u l-inċentiv li jirrispondu għal din l-isfida tal-flessibbiltà. L-integrazzjoni tal-ħżin fis-suq tal-elettriku ser iżżid aktar il-flessibbiltà meħtieġa: meta jkun hemm elettriku żejjed u l-prezzijiet ikunu baxxi, dan għandu jinħażen; għandu jiġi rilaxxat meta l-ġenerazzjoni tkun skarsa u l-prezzijiet ikunu għoljin, u b'hekk ipaċu l-produzzjoni varjabbli tal-enerġija.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Wara konsultazzjoni pubblika dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku, il-Kummissjoni se tħejji proposti leġiżlattivi fit-tieni nofs tal-2016. Hemm previsti emendi fil-leġiżlazzjoni tas-suq intern, fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u fir-Regolament dwar l-Infrastruttura.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll bil-ħidma tagħha mal-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex jinħolqu għodod li jippermettu li l-konsumaturi jsiru parteċipanti attivi fis-suq, bħall-għodod tat-tqabbil, l-identifikazzjoni ta’ standards minimi għall-informazzjoni ewlenija dwar il-kontijiet, u l-protezzjoni tad-dejta.

Tixtieq issir taf aktar?

Għal aktar informazzjoni u dokumenti, jekk jogħġbok ara: https://ec.europa.eu/energy/en/news/new-electricity-market-consumers

Dwar is-suq bl-ingrossa u bl-imnut, jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/energy/en/topics/markets-and-consumers

Jekk jogħġbok ara l-infografika fid-dokument mehmuż ma’ din l-iskeda informattiva.

MEMO/15/5351

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar

Documents


Retail Market.pdf