Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Rieżami tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward l-OĠM fl-UE: Mistoqsijiet u Risposti

Brussell, 22 April 2015

X’inhu dan il-pakkett?

Il-pakkett tal-lum dwar l-OĠM ġej mil-Linji Gwida politiċi li abbażi tagħhom kienet ġiet eletta l-Kummissjoni. F’dawn il-linji gwida, ittieħed impenn sabiex il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ OMĠ tiġi eżaminata mill-ġdid.

Il-pakkett, li kien adottat fit-22 ta’ April 2015 mill-Kummissjoni onora dan il-mandat politiku. Fih huma miġbura dawn l-azzjonijet li ġejjin:

  • Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati; kif ukoll,
  • Proposta għal Regolament li jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta’ OĠM għal ikel jew għalf fit-territorju tagħhom.

 

X'inhu l-kuntest ta’ dan ir-rieżami?

Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet: ir-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-UE fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni

Il-qafas legali tal-UE dwar l-OĠM[1] jipprovdi li l-ebda OĠM jew ikel u għalf ġenetikament modifikat ma jista’ jitqiegħed fis-suq qabel ma tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità ma’ dak il-qafas legali. Għal dan l-għan, valutazzjoni xjentifika hija mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), f’kooperazzjoni ma’ korpi xjentifiċi tal-Istati Membri.

Fejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju juru li l-prodott ma joħloqx riskju għas-saħħa jew għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet proposti ta’ tqegħid fis-suq/użu, il-Kummissjoni tissottometti lill-Istati Membri, rappreżentati fil-Kumitat Permanenti, abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ta’ awtorizzazzjoni, f’konformità mal-proċedura stabbilita fir- Regolament (KE) Nru 182/2011 (proċedura ta’ komitoloġija). Skont din il-proċedura, l-Istati Membri jivvotaw skont il-“maġġoranza kwalifikata” definita fit-Trattat[2].

Fil-Kumitat Permanenti, jekk l-Istati Membri jivvutaw “iva”, il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta’ deċiżjoni. Jekk jivvotaw “Le”, jew jekk ir-riżultati tal-votazzjoni huma “L-ebda opinjoni” (l-ebda maġġoranza kwalifikata la favur u lanqas kontra ma hija espressa), il-Kummissjoni tista’ tissottometti l-abbozz ta’ deċiżjoni lil korp ieħor li jirrappreżenta lill-Istati Membri f’livell ogħla: Il-Kumitat ta' Appell,

Fil-Kumitat ta’ Appell, l-Istati Membri jivvutaw għat-tieni darba dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni. Jekk l-Istati Membri jivvutaw “Iva”, il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta’ deċiżjoni. Jekk jivvotaw “Le”, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-abbozz ta’ deċiżjoni. Jekk ir-riżultat tal-vot huwa "L-ebda opinjoni", il-Kummissjoni għandha l-obbligu skont il-qafas legali tal-OĠM u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tadotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u għalhekk, fil-prattika ma għandhiex mnejn tagħżel u jkollha tagħti l-awtorizzazzjoni.


Fil-verità kif jivvutaw l-Istati Membri dwar l-awtorizzazzjonijiet?

Mid-dħul fis-seħħ tal-qafas legali tal-UE dwar ikel u għalf ġenetikament modifikati, ir-riżultati tal-voti f’Kumitati Permanenti u ta’ Appell kienu sistematikament “l-ebda opinjoni”, kemm jekk l-awtorizzazzjoni kienet għall-kultivazzjoni u kif ukoll jekk kienet għall-ikel u għall-għalf ġenetikament modifikati. Id-deċiżjoni finali dwar l-awtorizzazzjonijiet hija għalhekk dejjem f’idejn il-Kummissjoni fit-tmiem tal-proċedura. Din is-sitwazzjoni ripetuta ta’ “l-ebda opinjoni” hija unika meta mqabbla ma’ eluf ta’ deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati permezz tal-komitoloġija kull sena, fejn l-Istati Membri ġeneralment jappoġġaw l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-istadju tal-Kumitat Permanenti.

Fir-rigward ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati, ix-xejriet tal-votazzjoni juru li ġeneralment hemm aktar Stati Membri li jappoġġaw l-abbozz ta’ deċiżjoni milli jopponuh. Ir-raġunijiet invokati mill-Istati Membri biex jiġġustifikaw l-astensjonijiet jew il-voti negattivi tagħhom huma xi kultant ta’ natura xjentifika, iżda fil-maġġoranza tal-każijiet dawn huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oħra, li jirriflettu d-dibattitu tas-soċjetà f’pajjiżhom.

Bħalissa l-qafas legali dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati ma jippermettix lill-Istati Membri jesprimu t-tħassib individwali kollha tagħhom, f’qasam li jiġbed ħafna l-interess pubbliku.


Jeżistu OĠM fil-katina tal-ikel u tal-għalf fl-UE?

Iva. Sal-lum, hemm 58 ikel u għalf ġenetikament modifikati awtorizzati fl-UE[3].

L-għadd ta’ prodotti tal-ikel ġenetikament modifikat disponibbli attwalment fuq l-ixkafef huwa limitat. Dan jista’ jkun minħabba r-rekwiżiti ta’ tikkettar għal ikel ġenetikament modifikat u d-disponibbiltà ta’ alternattivi li mhumiex ġenetikament modifikati.

Is-sitwazzjoni hija differenti f’dak li għandu x’jaqsam mas-settur tal-għalf ĠM. Hemm suq sostanzjali fl-UE għall-għalf genetikament modifikat: aktar minn 60% tal-ħtiġijiet tal-UE fi proteini veġetali għall-baqar huma sodisfatti permezz ta’ importazzjonijiet tas-sojja u tal-qamħ tas-sojja minn pajjiżi terzi fejn il-koltivazzjoni tal-OĠM hija mifruxa ħafna.


X'inhuma l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rieżami? Għaliex huwa propost li jiġi emendat ir-Regolament dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati?

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddeskrivi l-elementi differenti li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati f’dak il-kuntest u tikkonferma l-ħtieġa għall-adattament tal-qafas legali tal-OĠM, li jippermetti espressjoni aħjar tal-fehmiet tal-gvernijiet nazzjonali dwar l-użu ta’ OĠM.

F’Marzu 2015, il-Kunsill u l-Parlament qablu dwar emenda tal-qafas legali tal-OĠM biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-koltivazzjoni ta’ OĠM awtorizzati (id-Direttiva 2015/412/UE). Il-Komunikazzjoni tikkonkludi dwar il-ħtieġa li tiġi estiża din is-soluzzjoni għall-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati.

Għal dan il-għan, qed issir proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiġi emendat: filwaqt li l-proċess ta’ awtorizzazzjoni mhux se jiġi emendat, l-Istati Membri se jingħataw setgħa ta’ deċiżjoni dwar l-użu ta’ ikel jew għalf ġenetikament modifikat fit-territorju tagħhom.

 

Fiex tikkonsisti l-proposta leġiżlattiva?

X’inhuma l-elementi ewlenin tal-proposta leġiżlattiva?

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament dwar ikel u għalf ġenetikament modifikati, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jadottaw deċiżjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu fl-ikel jew fl-għalf ta’ OĠM, wara li dawn ikunu ġew awtorizzati fil-livell tal-UE (miżuri ta’ esklużjoni fakultattiva).

L-Istati Membri jkollhom jiġġustifikaw li l-miżuri ta’ esklużjoni fakultattiva tagħhom huma kompatibbli mal-liġi tal-UE u mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni bejn prodotti nazzjonali u dawk mhux nazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jużaw ġustifikazzjonijiet li jmorru kontra l-valutazzjoni mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent. Tabilħaqq, il-proposta ma għandhiex tibdel il-livell uniformi ta’ sikurezza li huwa assigurat bis-saħħa tal-valutazzjoni fl-UE kollha. Barra minn hekk, f’każ ta’ evidenza ġdida li tindika li l-prodott jista’ joħloq riskju serju għas-saħħa jew għall-ambjent, il-qafas legali tal-UE diġà fih dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jipprojbixxu ikel u għalf ġenetikament modifikati sakemm isir ir-rieżami tal-UE tas-sitwazzjoni.

Dawn il-miżuri għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra qabel l-adozzjoni, u l-Kummissjoni u l-Istati Mebri l-oħra jkollhom 90 jum biex jikkummentaw, jekk dan ikun xieraq.

Fil-każ ta’ ikel jew għalf ġenetikament modifikat li qed jintuża diġà fiż-żmien li Stat Membru jadotta miżura ta' esklużjoni fakultattiva, il-proposta tipprevedi li l-operaturi għandhom jingħataw perjodu raġonevoli ta’ żmien biex jeżawrixxu l-istokkijiet ta’ dan il-prodott. Barra minn hekk, il-miżuri m’għandhomx jimmiraw prodotti li fihom tinstab il-preżenza aċċidentali ta’ OĠM awtorizzati mill-UE taħt il-limitu tat-tikkettar stabbilit fil-leġiżlazzjoni.


Il-miżuri ta' esklużjoni fakultattiva adottati mill-Istati Membri huma kompatibbli mas-suq intern u mal-obbligi tad-WTO?

Il-miżuri adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern, u b’mod partikolari mal-Artikolu 34 tat-TFUE, li jipprojbixxi miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija. Din hija r-raġuni għaliex l-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-proposta se jkollhom bżonn jiġġustifikaw il-miżuri meħuda abbażi ta' raġunijiet skont l-Artikolu 36 tat-TFUE u l-kunċett ta’ raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku, kif żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-miżuri previsti jeħtieġ li jkunu kompatibbli mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni bejn prodotti nazzjonali u dawk mhux nazzjonali.

B'mod aktar ġenerali, il-miżuri tal-Istati Membri jeħtieġ li jkunu konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali tal-UE - li minnhom l-obbligi tal-UE tad-WTO jiffurmaw parti integrali. .


L-evalwazzjoni xjentifika tal-OĠM se tkun affettwata minn din il-proposta?

Le. L-emenda proposta għar-Regolament dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati ma għandhiex impatt fuq il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa fuq OĠM qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom, u lanqas ma taffettwa l-livell ta’ sikurezza li huwa stabbilit għall-Istati Membri kollha fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, u li jqis kif dovut il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

L-Istati Membri jitħallew jadottaw miżuri ta’ esklużjoni fakultattiva ladarba l-OĠM jiġi awtorizzat fil-livell tal-UE u dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’raġunijiet li jmorru kontra l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-EFSA, iżda għandhom ikunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet differenti. Fil-fatt il-qafas legali preżentement jipprevedi proċeduri f’każijiet fejn jidher li prodott joħloq riskju gravi li ma ġiex indirizzat matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Istati Membri diġà qed jingħataw il-possibbiltà li jadottaw miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jwasslu, jekk ikun il-każ, għall-projbizzjoni tal-prodott fit-territorju ta’ Stat Membru, jew parti minnu, jew fl-UE kollha.

Għandu jiġi enfasizzat li fl-2013 kien adottat Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni[4] biex isaħħaħ u jtejjeb il-valutazzjoni tar-riskju u l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju għall-OĠM fl-użu fl-ikel u fl-għalf, b’mod partikolari billi ċċara r-rekwiżiti tad-dejta xjentifika għas- sottomissjoni ta’ applikazzjoni ta’ OĠM.


Għaliex il-proposta legali teskludi l-OĠM għall-koltivazzjoni?

L-OĠM għall-koltivazzjoni huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta billi dawn huma diġà koperti mid-Direttiva (UE) 2015/41, li ġiet adottata riċentement mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Dik id-Direttiva hija bbażata fuq l-istess prinċipji ta' din il-proposta: hija toffri l-possibbiltà lill-Istati Membri li jixtiequ li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-koltivazzjoni tal-OĠM fit-territorju tagħhom mingħajr ma jaffettwaw il-valutazzjoni tar-riskju tal-UE.


X'inhuma l-passi li jmiss?

Din il-proposta leġiżlattiva se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, li se jikkunsidrawha fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.


Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa

Mistoqsijiet u Tweġibiet ġenerali dwar l-iskeda informattiva tal-OĠM


[1] Id-Direttiva 2001/18/KE u r-Regolament (KE) Nru 1829/2003

[2]Il-maġġoranza kwalifikata l-ġdida introdotta bit-Trattat ta’ Lisbona hija ekwivalenti għal mill-inqas 55 % tal-Istati Membri, li jinkludu mill-inqas 15 minnhom u li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni Ewropea. Minoranza li timblokka tista’ tiġi ffurmata u tkun magħmula minn mhux inqas minn erba’ Stati Membri.

[3] Ħolqa għar-reġistru tal-OĠM.

[4] Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 503/2013 dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikat

MEMO/15/4779

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar