Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Il-Kummissjoni tirreġistra l-inizjattiva “Nitolbu regolamenti aktar għaqlija dwar il-vaping!”

Strasburgu, it-12ta' frar 2019

Il-Kummissjoni Ewropea llum iddeċidiet li tirreġistra Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Nitolbu regolamenti aktar għaqlija dwar il-vaping!.

L-għan ta' din l-inizjattiva huwa li: “ikun hemm leġiżlazzjoni speċifika li tpoġġi l-prodotti tal-vaping f'kategorija separata minn dik tal-prodotti tat-tabakk u oħrajn farmaċewtiċi”. L-organizzaturi qegħdin jappellaw lill-Kummissjoni biex “tara li jkun hemm leġizlazzjoni ġdida [għall-prodotti tal-vaping] li tkun ibbażata fuq il-konformità obbligatorja ma' standards sodi ta' kwalità, sigurtà u manifattura, flimkien ma' prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni responsabbli li jiżguraw il-protezzjoni taż-żgħażagħ”.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirreġistra l-Inizjattiva tirrigwarda biss l-ammissibbiltà legali tal-proposta. Il-Kummissjoni għadha ma analizzatx is-sustanza f'dan l-istadju.

Ir-reġistrazzjoni ta' din l-Inizjattiva se ssir fl-20 ta' Frar 2019, u b'hekk jibda proċess ta' sena għall-ġbir tal-firem ta' appoġġ mill-organizzaturi tagħha. Jekk l-inizjattiva tirċievi miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ fi żmien sena, u dawn jiġu tal-anqas minn seba' Stati Membri differenti, il-Kummissjoni jkollha tirreaġixxi fi żmien tliet xhur. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ssegwi din it-talba jew le, u fiż-żewġ ċirkustanzi jkollha tispjega r-raġunament tagħha.

Il-kuntest

L-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ġew introdotti fit-Trattat ta' Lisbona u tnedew f'April 2012 bħala għodda li biha ċ-ċittadini jkunu jistgħu jistabbilixxu l-aġenda. Daħlu fis-seħħ bir-Regolament dwar l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, liema regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Fl-2017, bħala parti tad-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposti għal riforma tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex issir aktar faċli għal min jużaha. F'Diċembru 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar ir-riforma u r-regoli riveduti se jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020.

Ladarba tiġi rreġistrata formalment, Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermetti li miljun ċittadin minn mill-anqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi att legali f'oqsma fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan.

Il-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà huma li l-azzjoni proposta ma tkunx taqa' manifestament barra mill-ambitu tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali, li ma tkunx manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u li ma tmurx manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni.

Għal Aktar Informazzjoni

It-test sħiħ tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej proposta 

ECIs oħra li bħalissa qed jiġbru l-firem

Is-sit web tal-ECI

Ir-Regolament dwar l-ECI

 

IP/19/989

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar