Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tirrevoka “l-karta s-safra” lit-Tajlandja b'rikonoxximent tal-azzjonijiet tagħha kontra s-sajd illegali

Brussell, it-8ta' jannar 2019

Il-Kummissjoni Ewropea ħassret lit-Tajlandja mil-lista tal-“pajjiżi mwissija” b'rikonoxximent tal-progress tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

Illum il-Kummissjoni rrikonoxxiet li t-Tajlandja rnexxielha tindirizza n-nuqqasijiet fis-sistemi legali u amministrattivi tas-sajd tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tirrevoka l-hekk imsejħa “karta safra”, li ilha fis-seħħ minn April tal-2015, u li dak iż-żmien kienet twissija mill-UE li l-pajjiż ma kienx qed jindirizza biżżejjed is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat. Id-Deċiżjoni tal-lum treġġa' lura l-ewwel pass ta' proċess li seta' wassal għal projbizzjoni sħiħa fuq l-importazzjoni tal-prodotti tas-sajd tal-baħar fl-UE mit-Tajlandja.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, qal: “Is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat jagħmel il-ħsara lill-istokkijiet tal-ħut madwar id-dinja, iżda barra minn hekk jolqot fil-laħam il-ħaj lil min jaqla' l-għajxien tiegħu mill-baħar, speċjalment lil dawk li diġà qegħdin fuq x-xifer tal-faqar. Għalhekk il-ġlieda kontra s-sajd illegali hija prijorità għall-UE. Illum ninsab ferħan ħafna li għandna sieħeb ġdid impenjat f'din il-ġlieda.”

Minn mindu ngħatat il-karta s-safra, il-Kummissjoni u t-Tajlandja ħadu sehem fi proċess kostruttiv ta' kooperazzjoni u djalogu. Dan wassal għal titjib kbir fil-governanza Tajlandiża tas-sajd bi qbil mal-impenji internazzjonali tal-pajjiż.

It-Tajlandja emendat il-qafas legali tas-sajd tagħha biex tikkonforma mal-istrumenti tal-liġi internazzjonali dwar il-baħar. Saħħet il-konformità mal-obbligi tagħha bħala Stat kostali, Stat tal-bandiera, tal-port, u tas-suq, fosthom billi daħħlet definizzjonijiet ċari fil-leġiżlazzjoni tagħha u waqqfet sistema ta' sanzjonijiet deterrenti. Barra minn hekk, saħħet il-mekkaniżmi tal-kontroll tal-flotta tas-sajd nazzjonali u tejbet is-sistemi ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza. Dan jinkludi l-monitoraġġ mill-bogħod tal-attivitajiet tas-sajd u skema robusta ta' spezzjonijiet fil-port.

B'dawn il-miżuri, l-awtoritajiet Tajlandiżi issa għandhom fis-seħħ il-politiki kollha meħtieġa biex jipprevenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat.

It-Tajlandja għandha rwol ċentrali fil-katina internazzjonali tal-provvista tal-prodotti tas-sajd. L-industrija Tajlandiża tal-ipproċessar hi żviluppata ħafna u tiddependi fuq materja prima mill-Oċean Indjan u mill-Oċean Paċifiku. Bħala parti fil-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istati tal-Port tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, it-Tajlandja saħħet il-kontrolli fuq il-ħatt l-art minn bastimenti tas-sajd barranin fil-portijiet Tajlandiżi u żiedet il-kooperazzjoni mal-Istati tal-bandiera fl-Oċean Indjan u fl-Oċean Paċifiku. Għalhekk, it-tisħiħ tas-sistemi legali u amministrattivi tas-sajd fit-Tajlandja jista' joħloq effett multiplikatur fuq is-sostenibbiltà globali tar-riżorsi tas-sajd.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll l-isforzi li għamlet it-Tajlandja biex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-sajd. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, flimkien mal-awtoritajiet Tajlandiżi, indirizzaw l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol sfurzat fl-industrija tas-sajd, iżda dawn mhumiex parti mid-djalogu bilaterali dwar is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat. Dan l-aħħar it-Tajlandja ħabbret ir-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 188 dwar ix-Xogħol fis-Sajd (C188) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u kienet l-ewwel pajjiż fl-Asja li ħadet dan il-pass.

Il-Kummissjoni tifraħ lill-Gvern Tajlandiż għall-impenn tiegħu u lesta biex tkompli tappoġġa lit-Tajlandja fl-ambizzjoni ddikjarata tagħha li tkun ta' eżempju għar-reġjun kollu, anki permezz tad-Djalogu UE-Tajlandja dwar ix-xogħol.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mat-Tajlandja fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat, u biex tippromwovi kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti fl-industrija tas-sajd.

Kuntest

Il-valur globali tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat (IUU) huwa stmat għal bejn 10 u 20 biljun ewro fis-sena. Kull sena jinqabdu bejn 11 u 26 miljun tunnellata ħut b'mod illegali, dan ifisser mill-inqas 15 % tal-qabdiet madwar id-dinja. L-UE hija l-akbar importatur tal-prodotti tas-sajd fid-dinja.

Il-ġlieda kontra s-sajd illegali hija parti mill-impenn tal-UE biex tiżgura l-użu sostenibbli tal-baħar u tar-riżorsi tiegħu, skont il-politika komuni tas-sajd. Apparti minn hekk, hija pilastru importanti tal-istrateġija tal-UE dwar il-governanza tal-oċeani, u l-mira hi li titjieb il-governanza internazzjonali tal-oċeani.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq ir-Regolament tal-UE dwar “is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Regolat”, li daħal fis-seħħ fl-2010[1]. Dan l-istrument jiżgura li fis-suq tal-UE jidħlu biss prodotti tas-sajd li jkunu ġew iċċertifikati bħala legali. L-għan ewlieni tal-proċess tal-UE kontra s-sajd IUU, jiġifieri s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat hu li jsir djalogu ma' pajjiżi terzi u li dawn jingħataw l-appoġġ. Dawn id-djalogi ħafna drabi jwasslu biex l-UE jkollha sħab ġodda impenjati fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

F'Novembru tal-2012, il-Kummissjoni bdiet djalogi formali ma' 25 pajjiż terz (b'identifikazzjoni minn qabel jew bil-“karta s-safra”), li kienu ngħataw twissija li jeħtieġ jieħdu azzjoni effettiva biex jiġġieldu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux regolat. Meta jiġi nnutat li jkun sar progress sinifikanti, il-Kummissjoni ttemm id-djalogu (tneħħilhom l-istatus ta' identifikazzjoni minn qabel jew tagħtihom “il-karta l-ħadra”). S'issa ftit huma l-pajjiżi li ma wrewx biżżejjed impenn għar-riformi. Minħabba f'hekk, il-prodotti tas-sajd li jinqabdu minn bastimenti ta' dawn il-pajjiżi ma jistgħux jiġu importati fl-UE (identifikazzjoni u elenkar jew “il-karta l-ħamra”).

Għal aktar informazzjoni

Memo dwar is-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Regolat b'mod ġenerali u fit-Tajlandja

Ħarsa ġenerali lejn il-proċeduri tas-Sajd Illegali, Mhux Irrappurtat u Mhux Regolat ma' pajjiżi terzi

 

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux Regolat.

IP/19/61

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar