Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tħejjija għall-Brexit: Il-Kummissjoni Ewropea tadotta żewġ proposti ta' kontinġenza li jgħinu biex jittaffa l-impatt fuq is-sajd tal-UE f'każ ta' Brexit mingħajr ma jintlaħaq ftehim

Brussell, it-23ta' jannar 2019

Minħabba l-inċertezza kontinwa fir-Renju Unit dwar ir-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, illum il-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġiżlattivi li jgħinu biex jittaffa l-impatt sinifikanti fuq is-sajd tal-UE f'każ ta' Brexit mingħajr ma jintlaħaq ftehim.

Din l-adozzjoni hija parti mit-tħejjija kontinwa u mill-ħidma ta' kontinġenza tal-Kummissjoni u se tgħin biex tiżgura approċċ ikkoordinat fl-UE kollha f'dan ix-xenarju.

L-ewwel proposta hija li s-sajjieda u l-operaturi fl-Istati Membri tal-UE jkunu jistgħu jirċievu kumpens taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd. Dan se jgħin biex, f'xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim, ikun hemm xi jpatti għal xi ftit mill-impatt ta' jekk l-ilmijiet tar-Renju Unit jingħalqu f'daqqa għall-bastimenti tas-sajd tal-UE.

It-tieni proposta temenda r-Regolament dwar il-Ġestjoni Sostenibbli tal-Flotot Esterni. L-għan ta' din il-proposta huwa li tiżgura li l-UE tkun f'pożizzjoni li tagħti aċċess lill-bastimenti tar-Renju Unit għall-ilmijiet tal-UE sa tmiem l-2019, bil-kundizzjoni li l-bastimenti tal-UE jingħataw aċċess reċiproku għall-ilmijiet tar-Renju Unit ukoll. Il-proposta tipprevedi wkoll proċedura simplifikata biex il-bastimenti tar-Renju Unit jiġu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-UE u l-bastimenti tal-UE jiġu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tar-Renju Unit - jekk ir-Renju Unit jagħti dak l-aċċess. Din il-proposta hija limitata għall-2019 u hija bbażata fuq il-ftehim fil-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd tas-17 u t-18 ta' Diċembru 2018 dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019. 

Dawn il-miżuri ta' kontinġenza ma jistgħux itaffu l-impatt ġenerali ta' xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim, u lanqas ma jirreplikaw il-benefiċċji kollha tas-sħubija tal-UE jew it-termini ta' xi perjodu ta' tranżizzjoni, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huma limitati għal dawn l-oqsma speċifiċi fejn huwa assolutament meħtieġ li jiġu protetti l-interessi vitali tal-UE u fejn il-miżuri ta' tħejjija biss ma jkunux biżżejjed. Bħala regola, se jkunu temporanji fin-natura tagħhom, se jkunu limitati fil-kamp ta' applikazzjoni u se jiġu adottati unilateralment mill-UE. 

Il-passi li jmiss

Dawn il-proposti huma soġġetti għall-proċedura ta' kodeċiżjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex jiżguraw l-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi proposti biex sad-29 ta' Marzu 2019 ikunu fis-seħħ. 

Kuntest

Fid-19 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni ppubblikat it-tielet Komunikazzjoni dwar it-tħejjija għall-Brexit tagħha, li implimentat il-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza f'każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim. Din il-Komunikazzjoni inkludiet 14-il miżura f'numru limitat ta' oqsma u li fihom xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim joħloq xkiel kbir għaċ-ċittadini u għan-negozji fl-UE27. Dawn l-oqsma jinkludu s-servizzi finanzjarji, it-trasport bl-ajru, id-dwana u l-politika dwar il-klima, fost l-oħrajn.

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll 88 avviż ta' tħejjija speċifiċi għas-settur biex tinforma lill-pubbliku dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit fin-nuqqas ta' kwalunkwe Ftehim dwar il-Ħruġ. Dawn huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-Kummissjoni kellha diskussjonijiet tekniċi mal-Istati Membri tal-EU27 kemm fuq kwistjonijiet ġenerali ta' tħejjija kif ukoll fuq passi ta' tħejjija speċifiċi, kemm fil-qasam settorjali, dak legali u dak amministrattiv. Is-slides użati f'dawn is-seminars tekniċi huma disponibbli online.

Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza tagħha fil-ġimgħat li ġejjin u se tkun qed tara hemmx ħtieġa ta' aktar azzjoni min-naħa tagħha, kif ukoll se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-ħidma ta' tħejjija tagħhom.

Għal aktar informazzjoni

Testi tal-proposti:

  • Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd - COM(2019)48
  • L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd - COM(2019)49

Is-sit web tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija għall-Brexit

IP/19/584

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar