Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni Ewropea tieħu pass ġdid biex tipproteġi l-imħallfin fil-Polonja mill-kontroll politiku

Brussell, is-17ta' lulju 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tieħu l-pass li jmiss fi proċedura ta' ksur li għadha għaddejja kontra l-Polonja, billi tibgħat opinjoni motivata dwar ir-reġim dixxiplinarju l-ġdid għall-imħallfin Pollakki.

Fit-3 ta' April 2019, il-Kummissjoni nediet din il-proċedura ta' ksur minħabba li r-reġim dixxiplinarju l-ġdid jdgħajjef l-indipendenza ġudizzjarja tal-imħallfin Pollakki u ma jiżgurax il-garanziji neċessarji għall-protezzjoni tal-imħallfin mill-kontroll politiku, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Speċifikament, taħt il-liġi Pollakka l-imħallfin tal-qrati ordinarji jistgħu jkunu soġġetti għal investigazzjonijiet, proċeduri u sanzjonijiet dixxiplinarji abbażi tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħhom, inkluż l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jitolbu deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, ir-reġim dixxiplinarju ġdid ma jiggarantixxix l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, li hija magħmula biss minn imħallfin magħżula mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, li huwa stess maħtur mill-Parlament Pollakk (Sejm). Barra minn hekk, ir-reġim dixxiplinarju ġdid ma jiżgurax li qorti “stabbilita bil-liġi” tiddeċiedi fl-ewwel istanza dwar proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qorti ordinarja. Minflok, jagħti s-setgħa lill-President tal-Awla Dixxiplinari biex jiddetermina, fuq bażi ad hoc u b'diskrezzjoni kważi assoluta, il-qorti dixxiplinari tal-ewwel istanza li tisma' każ partikolari. Ir-reġim il-ġdid m'għadux jiggarantixxi li l-każijiet jiġu pproċessati f'perjodu ta' żmien raġonevoli, li jħalli lill-imħallfin taħt theddida permanenti ta' każi pendenti, u jaffettwa wkoll id-dritt għad-difiża tal-imħallfin.

Il-Polonja kellha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha ta' intimazzjoni. Wara analiżi bir-reqqa tar-rispons mill-awtoritajiet Pollakki, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rispons ma jnaqqasx it-tħassib legali. Il-Kummissjoni għaldaqstant iddeċidiet li timxi għall-istadju li jmiss tal-proċedura ta' ksur.

L-awtoritajiet Pollakki issa għandhom xahrejn żmien biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom ma' din l-opinjoni motivata. Jekk il-Polonja ma tiħux il-miżuri xierqa, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Kuntest

L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea u komuni għall-Istati Membri kollha. Huwa minqux bħala tali fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-istat tad-dritt huwa essenzjali wkoll għall-funzjonament tal-UE kollha kemm hi, pereżempju fir-rigward tas-suq intern, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, u l-iżgurar li l-imħallfin nazzjonali, li huma wkoll imħallfin tal-UE, jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fl-iżgurar tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE u jistgħu jinteraġixxu kif xieraq mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fil-kuntest ta' proċeduri ta' deċiżjoni preliminari. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-3 ta' April u tas-17 ta' Lulju 2019 dwar l-istat tad-dritt jispjegaw l-għodod eżistenti għall-infurzar tal-istat tad-dritt u l-azzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni biex ikompli jissaħħaħ dan is-sett ta' għodod.

Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni u l-Istati Membri, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi l-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni tagħna u tiżgura li l-liġi, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati.

Żviluppi fil-Polonja wasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ djalogu mal-Gvern Pollakk f'Jannar 2016 fil-Qafas tal-Istat tad-Dritt u mbagħad tattiva l-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE fl-20 ta' Diċembru 2017. Il-proċess huwa bbażat fuq djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment.

Barra minn hekk, fit-2 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni nediet proċedura ta' ksur dwar il-liġi Pollakka dwar il-Qorti Suprema, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar tagħha u l-impatt tagħhom fuq l-indipendenza tal-Qorti Suprema. Fl-24 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li tat is-sentenza finali tagħha fl-24 ta' Ġunju 2019. Il-Qorti sabet li t-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema jmur kontra l-liġi tal-UE u jikser il-prinċipju tal-pożizzjoni fissa tal-imħallfin u għalhekk dak tal-indipendenza ġudizzjarja.

Fid-29 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni nediet proċedura ta' ksur dwar il-Liġi Pollakka dwar il-Qrati Ordinarji, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar tagħha u l-impatt tagħhom fuq l-indipendenza tal-ġudikatura. Fl-20 ta' Diċembru 2017 il-Kummissjoni iddeċidiet li tirreferi dan il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. 

Għal Aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-Istampa – L-Istat tad-Dritt: Il-Kummissjoni Ewropea tniedi proċedura ta' ksur biex tipproteġi l-imħallfin fil-Polonja mill-kontroll politiku

 

IP/19/4189

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos