Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-antitrust: il-Kummissjoni tniedi għodda ġdida online għall-klemenza u r-riżolviment tal-kartelli u għall-kooperazzjoni mhux tal-kartelli

Brussell, id-19ta' marzu 2019

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi “eLeniency”, għodda ġdida online mfassla biex ikun aktar faċli għall-kumpaniji u għar-rappreżentanti legali tagħhom biex jippreżentaw dikjarazzjonijiet u dokumenti bħala parti mill-proċedimenti ta' klemenza u ta' riżolviment f'każijiet ta' kartelli, kif ukoll f'każijiet ta' kooperazzjoni mhux tal-kartelli.

Il-proċedimenti ta' klemenza u ta' riżolviment, kif ukoll il-proċedimenti f'każijiet ta' kooperazjoni mhux tal-kartelli, diġà jagħtu l-possibbiltà lill-kumpaniji u lir-rappreżentanti legali tagħhom biex jippreżentaw dikjarazzjonijiet u dokumenti, kemm bil-miktub kif ukoll bil-fomm.

L-għodda ġdida eLeniency tippermetti li l-kumpaniji involuti f'dawn il-proċedimenti u l-avukati tagħhom jirreġistraw dikjarazzjonijiet u sottomissjonijiet online, bħala parti mill-applikazzjonijiet għall-klemenza biex jirċievu immunità jew tnaqqis ta' multi, bħala parti mill-proċeduri tar-riżolviment tal-kartelli, jew bħala parti mill-kooperazzjoni f'każijiet mhux tal-kartelli.

Dan ifisser li l-kumpaniji jew l-avukati tagħhom se jkollhom l-għażla li ma jmorrux fil-bini tal-Kummissjoni biex jipprovdu dikjarazzjonijiet orali, kif kienet il-proċedura s'issa.

Rigward l-applikazzjonijiet għall-klemenza, l-utenti ta' eLeniency jistgħu jagħtu dikjarazzjonijiet korporattivi direttament u jtellgħu dokumenti ta' prova fuq server sigur apposta tal-Kummissjoni. eLeniency tista' tintuża wkoll biex twieġeb għal talbiet ta' informazzjoni li jkunu saru skont l-Avviż ta' Klemenza tal-Kummissjoni.

Rigward il-proċeduri tar-riżolviment tal-kartelli, eLeniency tista' tintuża biex jiġu ppreżentati dokumenti, jingħataw kummenti jew isiru preżentazzjonijiet formali ta' riżolviment lill-Kummissjoni.

L-għodda eLeniency tista' tintuża wkoll biex jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet korporattivi, jingħataw kummenti jew isiru sottomissjonijiet formali ta' riżolviment lill-Kummissjoni meta kumpanija tikkoopera fi proċedimenti mhux ta' kartelli bil-ħsieb li jiġi kkonfermat ksur tal-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-aċċess għal eLeniency huwa sigur u ristrett. Is-sistema eLeniency tipprovdi l-istess garanziji f'termini ta' kunfidenzjalità u protezzjoni legali bħall-proċedura tradizzjonali. Id-data kollha hija trasferita b'mod sigur u ma tistax tiġi kkupjata jew stampata.

Il-prospetti korporattivi skont l-Avviż ta' Klemenza li jsiru permezz ta' eLeniency huma protetti kontra kxif f'litigazzjoni ċivili, l-istess bħall-preżentazzjonijiet orali.

Is-salvagwardji għall-iżgurar tal-kunfidenzjalità u tal-protezzjoni legali huma spjegati fuq is-sit web dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni u huma ekwivalenti għall-proċedura orali attwali.

Tista' taċċessa eLeniency fuq https://eleniency.ec.europa.eu, 24 siegħa kuljum.

 

Sfond

eLeniency hija parti minn grupp ta' soluzzjonijiet diġitali online appoġġjati mill-Programm ISA2 li gradwalment se jitwaqqfu fl-2019 u fl-2020 biex jiffaċilitaw it-trażmissjoni ta' dokumenti kunfidenzjali (il-pjattaforma għal skambju eTrustEx), l-ipproċessar ta' talbiet ta' kunfidenzjalità (eConfidentiality) u talbiet għal informazzjoni (eRFI) bħala parti mill-proċedimenti ta' kompetizzjoni tal-UE.

Il-programm ISA2 jappoġġja l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet diġitali għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Is-soluzzjonijiet żviluppati jippermettu li l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini fl-Ewropa jikkomunikaw b'mod diġitali, b'hekk jiffrankaw il-ħin u l-ispejjeż għall-partijiet kollha involuti.

L-użu tas-sistema eLeniency huwa volontarju. Jekk jixtiequ, il-kumpaniji u l-avukati tagħhom jistgħu jkomplu jagħmlu dikjarazzjonijiet u preżentazzjonijiet bl-użu tal-proċedura orali attwali.

IP/19/1594

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar