Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli: l-ewwel laqgħa tal-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ta' livell għoli tal-Kummissjoni

Brussell, il-11ta' jannar 2018

Il-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ta' livell għoli tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti fl-UE ltaqgħet għall-ewwel nhar l-Erbgħa 10 ta' Jannar.

It-tnedija ta' din il-pjattaforma tirrifletti approċċ ġdid li jlaqqa' flimkien il-partijiet interessati biex jappoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni. Rappreżentanti mill-isfera akkademika, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), in-negozji, is-soċjetà ċivili, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni nġabru flimkien biex jappoġġaw u jagħtu parir lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-SDGs fil-livell tal-UE. L-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Bank Dinji, in-Nazzjonijiet Uniti u n-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (“ESDN” - European Sustainable Development Network) ipparteċipaw bħala osservaturi.

L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans, responsabbli minn Regolamentazzjoni Aħjar, Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jippresjiedi l-pjattaforma, stqarr: "Is-sostenibbiltà hija marka Ewropea, u l-iżvilupp sostenibbli jinsab fil-qofol tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea. Jeħtieġ li nibdew naħdmu mill-bażi u nużaw l-għarfien u l-ħiliet ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati biex infasslu l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna mill-ġdid. Il-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati hija opportunità għall-esperti biex jinġabru flimkien u jitgħallmu minn xulxin. Jien ħerqan li naħdem mill-qrib biex niżviluppa l-viżjoni u l-istrumenti li neħtieġu biex nirnexxu fit-twettiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-Viċi President Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, żied: "L- ekonomija ċirkolari u l-finanzjament sostenibbli huma eżempji ta' mezz innovattiv u Ewropew biex jiġi żgurat li l-investimenti tagħna mhux biss joħolqu tkabbir ekonomiku iżda li jagħmlu dan filwaqt li joffru benefiċċji ġodda għall-pjaneta u għaċ-ċittadini tagħna. L-esperjenza li jġibu magħhom il-membri tal-pjattaforma se tgħinna nwettqu riżultati reali għal strateġija ta' tkabbir sostenibbli wara l-2020."

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli ġew adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015. Huma jirrappreżentaw pjan ta' azzjoni komprensiv li l-Unjoni Ewropea taqsam mas-sħab kollha tagħha, u li qed jiġu inkorporati fil-ħidma kollha tal-Kummissjoni. Billi tlaqqa' flimkien grupp diversifikat ta' esperti bi sfondi u oqsma ta' għarfien differenti, din il-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati tikkomplimenta l-għarfien espert proprju tal-Kummissjoni u tipprovdi forum għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE.

Sabiex tiżdied it-trasparenza u jinfetaħ proċess ta' riflessjoni għaċ-ċittadini kollha, il-membri tal-pubbliku huma mistiedna jipprovdu s-suġġerimenti tagħhom għas-segwitu b'suċċess tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, li mbagħad se jiġu trażmessi lill-membri tal-pjattaforma. Il-pjattaforma se tgħin ukoll lill-Kummissjoni tħejji l-proċess tas-selezzjoni għal premju annwali għas-sostenibbiltà.

Fl-ewwel laqgħa tagħhom, il-membri tal-pjattaforma qablu li jaħdmu fuq kontribut konġunt għad-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030”, li ġie mħabbar fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 u li se jiġi adottat iktar tard din is-sena. Dan id-Dokument ta' Riflessjoni huwa parti mid-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa li tnieda mill-Kummissjoni fl-2017. Il-membri tal-pjattaforma identifikaw ukoll bosta prijoritajiet għal diskussjoni fil-futur, inkluż kif jintegraw l-SDGs fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, kif jiġġeneraw it-tkabbir inklużiv kif ukoll dak sostenibbli, u kif jimmonitorjaw u jirrappurtaw fuq il-progress. B'mof globali, il-membri qabblu li l-pjattaforma għandha tassisti lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-SDGs fil-kuntest Ewropew.

Kuntest

Il-Komunikazzjoni “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli” adottata mill-Kummissjoni fit-22 ta' Novembru 2016 ħabbret it-tnedija ta' pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati, ippreseduta mill-Ewwel Viċi President Timmermans, biex tieħu rwol fis-segwitu u fl-iskambju tal-aħjar prattiki dwar tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli.

Il-Komunikazzjoni adottat id-Deċiżjoni tagħha li toħloq pjattaforma fit-22 ta' Mejju 2017 u fl-istess data ppubblikat sejħa għall-applikazzjonijiet, li għaliha wieġbu aktar minn 160 applikant. 30 membru li jirrappreżentaw taħlita bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi NGOs, kumpaniji, is-soċjetà ċivili u l-akkademja, u li jkopru l-isfera ekonomika, soċjali u ambjentali kif ukoll id-dimensjoni interna u esterna tal-Għanijiet tal-Iżvilupp.

Is-17-il Għan tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-169 mira assoċjati magħhom huma fin-natura tagħhom kumplessivi, applikabbli b'mod universali u interkonnessi. Il-pajjiżi kollha, kemm dawk żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw, jaqsmu bejniethom ir-responsabbiltà li jiksbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp.

It-tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 tinkludi żewġ linji ta' ħidma. L-ewwel linja ta' ħidma hija li l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli jiġu integrati fil-qafas tal-politika Ewropew u fil-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni. It-tieni linja tinkludi r-riflessjoni fuq il-viżjoni aktar fit-tul tagħna u l-enfasi tal-politiki settorjali wara l-2020.

Għal aktar tagħrif

Approċċ tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli

Il-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs

Membri tal-pjattaforma

Monitoraġġ tal-SDGs fl-Ewropa

Lista ta' Membri tal-pjattaforma ta' partijiet ikkonċernati

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli

L-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli

Ittra ta' Intenzjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018

IP/18/82

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar