Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Alleanza Ewropea tal-Batteriji: Progress kbir f'sena waħda biss biex tiġi stabbilita l-manifattura tal-batteriji fl-Ewropa

Brussell, il-15ta' ottubru 2018

Progress kbir f'sena waħda biss biex tiġi stabbilita l-manifattura tal-batteriji fl-Ewropa

Sena wara li tnediet l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji (l-EBA), daħal fis-seħħ il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni, qed jinbnew l-ewwel faċilitajiet tal-produzzjoni pilota u tħabbru proġetti oħra biex l-UE issib postha bħala attur ewlieni fil-qasam strateġiku tal-innovazzjoni u l-manifattura tal-batteriji.

Il-batteriji se jkunu element essenzjali għall-industrija awtomobilistika tas-seklu 21, l-istess bħalma kienet il-magna tal-kombustjoni fis-seklu 20. Jekk l-UE trid iżżomm it-tmexxija tagħha fis-settur awtomobilistiku, iżda anki f'sistemi ta' enerġija nadifa, din jeħtieġ ikollha kapaċità indipendenti li tiżviluppa u tipproduċi l-batteriji. Illum il-Viċi President Šefčovič qed jospita laqgħa ta' livell għoli mal-Istati Membri u mas-CEOs biex jiġu ppreżentati l-kisbiet ewlenin u jiddiskutu l-passi deċiżivi li jmiss.

Il-Viċi President għall-Unjoni tal-Enerġija Maroš Šefčovič qal: “Jien tassew kburi bl-ispinta li tat l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji. Filwaqt li qed infakkru l-ewwel anniversarju tagħha, nistgħu nuru l-bosta elementi li qed jingħaqdu flimkien tul il-ħidma kollaborattiva tagħha mal-Bank Ewropew tal-Investiment, ma' diversi gvernijiet u mal-industrija. Issa fl-Ewropa qed insawru katina tal-valur kompluta u kompetittiva, imsejsa fuq il-manifattura sostenibbli tal-batteriji. U dan qed inwettquh b'ritmu mgħaġġel ħafna.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Elżbieta Bieńkowska qalet: “Din l-Alleanza tinsab fil-qalba nett tal-politika industrijali tagħna. Industrija b'saħħitha tal-batteriji taqbel ferm mal-ambizzjoni tagħna li nippromwovu mobbiltà nadifa. Il-karozzi elettriċi huma l-eżempju standard, iżda diġà qed naħsbu fuq kif l-Alleanza tal-Batteriji tista' tkun siewja għat-trakkijiet, il-bastimenti u l-laneċ. Jekk l-Ewropa trid tkun fuq quddiem nett u tikkompeti ma' atturi industrijali kbar oħra madwar id-dinja, hemm bżonn inħaffu l-pass.”

Għall-Ewropa, il-produzzjoni tal-batteriji hi strateġikament importanti għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u għall-immodernizzar u l-kompetittività tal-industrija tagħna, inkluż is-settur awtomobilistiku. Fl-istess waqt, din se tagħti spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir, tħeġġeġ ir-riċerka u l-innovazzjoni, u tħejji lill-industrija Ewropea biex tappoġġa l-impenji klimatiċi li stabbiliet l-UE biex tindirizza t-tibdil fil-klima, anke fil-kuntest tal-Ftehim ta' Pariġi. Minbarra dan, “l-Istrateġija l-Ġdida tal-Politika Industrijali” tal-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li l-UE ssir mexxejja dinjija fejn jidħlu l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni.

Il-Pjan ta' Azzjoni Strateġika għall-Batteriji jkopri l-attivitajiet kollha li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-industrija Ewropea biex fl-UE jiġu stabbiliti proġetti kompetittivi, innovattivi u sostenibbli għall-manifattura tal-batteriji. Dawn jinkludu miżuri dwar l-aċċess għal materja prima, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-ħiliet u qafas regolatorju, li se jiżguraw li l-batteriji mqiegħda fis-suq ma jkunux biss kompetittivi, ta' kwalità tajba u sikuri iżda anki sostenibbli u riċiklabbli. Il-Pjan ta' Azzjoni ssejjes fuq diskussjonijiet ma' partijiet konċernati industrijali ewlenin, mal-Istati Membri interessati u mal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Min-naħa tal-industrija, diġà sar progress sostanzjali f'diversi oqsma.

Dwar l-ekosistema tal-UE:

F'inqas minn sena, InnoEnergy tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) irnexxielha timmobilizza u tmexxi netwerk ta' madwar 260 attur tal-innovazzjoni u industrijali, li ġejjin mill-ħoloq kollha tal-katina tal-valur tal-batteriji. Dawn l-atturi ewlenin impenjaw ruħhom li jinvestu fl-azzjonijiet u fil-proġetti li flimkien identifikaw bħala prijoritajiet ewlenin. Fosthom hemm il-manifattura taċ-ċelloli, it-tieni ħajja tal-batteriji, l-ekotikketta, it-tnaqqis tal-marka tal-karbonju fil-manifattura, ċentru tad-distribuzzjoni għar-riċiklaġġ tal-batteriji, it-teknoloġiji mill-vettura għall-grilja, u koperazzjoni aħjar bejn l-universitajiet u l-kumpaniji biex jistabbilixxu programmi rilevanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Dwar il-proġetti tal-manifattura:

Il-materjali tal-batteriji

  • F'Ġunju 2018, Umicore ħabbret investiment kbir fil-Polonja – Nysa – għall-produzzjoni ta' materjali tal-katodu. L-impjant se jinbena b'teknoloġiji mill-aktar avvanzati u mistenni jibda jitħaddem lejn l-aħħar tal-2020. Minbarra dan, fil-Belġju se jinbena Ċentru ġdid tal-Proċessi tal-Kompetenzi biex jiżviluppa u jwessa' t-teknoloġiji tal-produzzjoni ta' effiċjenza kbira.
  • BASF hi attur b'saħħtu fis-suq tal-materjali tal-batteriji. Din il-kumpanija tistenna li s-suq tal-batteriji tal-joni tal-litju se jikber malajr u beħsiebha żżid il-kapaċitajiet tal-produzzjoni fl-Ewropa.
  • Solvay qed taħdem biex tiżviluppa elettroliti mill-aktar avvanzati u aġenti li jgħaddu u jisseparaw l-elettrodi li tant huma meħtieġa għall-batteriji effiċjenti ħafna. Il-kumpanija qed tikkunsidra li tibni impjant fl-Ewropa.

Iċ-ċelloli tal-batteriji

  • Diġà beda x-xogħol biex tinbena linja ta' dimostrazzjoni fi proġett immexxi minn Northvolt tal-Iżvezja (b'self ta' €52.5 miljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment).
    Il-produzzjoni se tibda fit-tieni parti tal-2019. Northvolt kisbet ukoll il-permess biex tibni faċilità fuq skala akbar fi Skellefteå fl-Iżvezja. L-għan hu li fl-2023 iżżid il-produzzjoni sa 32 GWh.
  • Il-grupp BMW, Northvolt u Umicore ffurmaw konsorzju ta' teknoloġija konġunta biex jaħdmu flimkien mill-qrib fuq l-iżvilupp kontinwu ta' katina tal-valur sħiħa u sostenibbli għaċ-ċelloli tal-batteriji għall-vetturi elettriċizzati fl-Ewropa.
  • Fi Frar 2018, il-kumpanija produttur tal-batteriji SAFT ħabbret konsorzju ma' Solvay, Umicore, Manz u oħrajn biex jiżviluppaw u jimmanifatturaw ċelloli tal-batteriji – jibdew b'teknoloġija avvanzata tal-Li-ion u jkomplu b'teknoloġija tal-Li-ion fi stat solidu.
  • Siemens qed taħdem mal-katina tal-valur kollha tal-manifattura taċ-ċelloli fuq sfidi u soluzzjonijiet tal-manifattura, u dan l-aħħar involviet ruħha fi proġetti pilota tal-ewwel linji tal-produzzjoni awtomatizzati u diġitalizzati għalkollox fl-Ewropa.
  • Fil-Ġermanja hemm kumpaniji u istituti tar-riċerka li qed jaħdmu b'ambizzjoni kbira biex jistabbilixxu produzzjoni taċ-ċelloli tal-batteriji fil-Ġermanja.
  • Hemm ukoll operaturi oħra tal-UE li qed jibnu faċilitajiet biex jipproduċu ċelloli tal-batteriji, l-aktar għal applikazzjonijiet tal-ħżin tal-enerġija (FAAM fl-Italja u MES fir-Repubblika Ċeka).

Din il-lista tal-proġetti tal-manifattura u tal-investimenti mħabbra għadha mhix kompluta.

Il-Kummissjoni bdiet timplimenta mingħajr dewmien il-Pjan ta' Azzjoni Strateġika għall-Batteriji. Bħalissa għaddejjin xi azzjonijiet ewlenin:

  1. Il-qafas regolatorju –il-ħidma għal Regolament ġdid dwar l-Ekodisinn għaddejja ġmielha biex tistabbilixxi l-kriterji tal-prestazzjoni u tas-sostenibbiltà li l-batteriji jridu jikkonformaw magħhom biex jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Filwaqt li qed jitħejja l-istudju preparatorju, fl-20 ta' Diċembru se ssir l-ewwel konsultazzjoni pubblika li se tlaqqa' flimkien lill-partijiet konċernati fi Brussell. Fil-kuntest tal-Ekodisinn tal-batteriji, illum iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ppubblika wkoll ir-riżultati ta' stħarriġ ta' standards relatati mal-batteriji. U qabel tmiem is-sena għandu jiġi ppubblikat ukoll ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Evalwazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar il-Batteriji. Fost l-oħrajn dan se jindirizza l-ġbir tal-iskart tal-batteriji, il-livelli tar-riċiklaġġ miksuba fl-UE jew is-sistema tat-tikkettar. Ir-riżultati tal-istudju, li se jservu ta' appoġġ għall-evalwazzjoni, se jkunu disponibbli sal-aħħar ta' Ottubru.
  2. Il-materja prima – Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Materja Prima fi Brussell fl-14 ta' Novembru se tippreżenta rakkomandazzjonijiet imsejsa fuq djalogu li bdiet il-Kummissjoni mal-Istati Membri dwar il-materja prima relatata mal-batteriji bil-ħsieb li jiġu żviluppati kundizzjonijiet qafas attraenti għall-esplorazzjoni, l-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-materja prima tal-batteriji fl-Ewropa. Il-Kummissjoni qed tappella lill-industrija biex issawwar ukoll kapaċità fir-raffinar tal-materja prima fl-UE.
  3. Sħubija Interreġjonali dwar il-Batteriji – fis-sessjoni ta' ħidma tat-8 ta' Ottubru twaqqfet Sħubija Interreġjonali dwar il-Batteriji. Is-Slovenja pproponiet li tieħu t-tmexxija flimkien ma' seba' reġjuni fejn jidħlu l-materjali avvanzati. Din is-sħubija se tikseb l-appoġġ ta' gruppi speċjali stabbiliti fi ħdan il-Kummissjoni u jaf takkwista wkoll servizzi ta' konsulenza esterni biex tkompli tissaħħaħ u twettaq attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni. Minbarra dan, sar progress ġmielu b'rabta ma' sħubija oħra mmexxija mil-Lombardia dwar id-demanifattura u r-rimanifattura tal-batteriji biex jiġi stabbilit netwerk ta' impjanti pilota ta' dimostrazzjoni għar-riċiklaġġ. Ilkoll skont il-preġji partikolari tagħhom, hemm bosta reġjuni oħra li qed juru interess biex jingħaqdu f'dawn is-sħubijiet. L-appoġġ qed jingħata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-FEŻR).
  4. Ir-riċerka – fl-24 ta' Jannar 2019 se tiftaħ sejħa b'baġit totali ta' €114-il miljun mill-baġit tal-UE tal-Programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 għal suġġetti relatati mal-batteriji, li tappoġġa wkoll l-objettivi tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji. Fl-2020, se jiġu ppubblikati wkoll suġġetti oħrajn għal proġetti relatati mal-batteriji li b'kollox se jkollhom baġit ta' €70 miljun. Għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi wkoll “Sħubija” dwar il-batteriji permezz ta' Orizzont Ewropa. Fl-istess waqt qed titwaqqaf Pjattaforma Ewropea ġdida tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni. Din sabiex isir avvanz fejn jidħlu l-prijoritajiet tar-riċerka fuq il-batteriji, jitfasslu viżjonijiet fit-tul, u jissawru aġenda strateġika tar-riċerka u pjanijiet direzzjonali. Din il-Pjattaforma se jmexxuha l-partijiet konċernati industrijali, il-komunità tar-riċerka u l-Istati Membri.
  5. Il-ħiliet – Fil-qafas tal-programm Erasmus+, fi tmiem Ottubru 2018 se tiġi ppubblikata s-sejħa li jmiss għal proposti tal-Alleanzi tal-Ħiliet tas-Setturi li jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni għal Koperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet. Din is-sejħa l-ġdida se tkopri sitt setturi, fosthom “il-batteriji għall-elettromobbiltà”. L-Alleanzi magħżula se jidentifikaw id-diskrepanzi fil-ħiliet u l-ħtiġijiet futuri tal-ħiliet fis-settur, joħolqu strateġija tal-ħiliet settorjali, jaħdmu fuq profili “core” okkupazzjonali Ewropej u fuq kurrikuli “core” vokazzjonali Ewropej li jkunu rilevanti għas-suq tax-xogħol, filwaqt li jfasslu pjan ta' azzjoni għal implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Kuntest

L-Alleanza Ewropea tal-Batteriji nedieha l-Viċi President Šefčovič mal-Istati Membri u mal-industrija f'Ottubru 2017. Issa din il-pjattaforma koperattiva tlaqqa' lill-Kummissjoni Ewropea, lill-pajjiżi interessati tal-UE, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lil aktar minn 260 parti konċernata industrijali u tal-innovazzjoni. L-għan hu biex fl-Ewropa tinħoloq katina tal-valur kompetittiva, innovattiva u sostenibbli, imsejsa fuq ċelloli tal-batteriji sostenibbli. Biex ikun evitat li t-teknoloġija tkun tiddependi fuq il-kompetituri tagħna u biex jinħatfu l-potenzjali ta' impjiegi, tkabbir u investiment li joffru l-batteriji, l-Ewropa trid tħaffef il-pass kemm tiflaħ fit-tellieqa globali. Skont it-tbassir s'issa, wara l-2025, is-suq tal-batteriji jaf ikollu valur ta' €250 biljun kull sena. Biss biss, biex tintlaħaq id-domanda tal-UE, bħala stima konservattiva hemm bżonn li fl-Ewropa jiġu stabbiliti mill-inqas 20 “gigafabbrika” (faċilitajiet fuq skala kbira għall-produzzjoni taċ-ċelloli tal-batteriji). L-iskala u l-ħeffa tal-investiment meħtieġ jeħtieġu sforz konġunt li jegħleb din l-isfida industrijali.

S'issa, il-kisba ewlenija tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji kienet il-Pjan ta' Azzjoni Strateġika għall-Batteriji adottat f'Mejju 2018 u l-investimenti industrijali mħabbra fil-qasam tal-materjali tal-batteriji u taċ-ċelloli tal-batteriji. Il-Pjan ta' Azzjoni – parti mit-tielet pakkett “L-Ewropa Attiva” li jikkompleta l-aġenda ambizzjuża tal-Kummissjoni ta' Juncker għal immodernizzar tas-sistema tal-mobbiltà – jinkludi sett ta' miżuri b'saħħithom fil-qasam tal-materja prima kritika, ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, jew rekwiżiti regolatorji li jappoġġaw il-kompetittività tal-kumpaniji tagħna.

Għal Aktar Informazzjoni

MEMO/18/6113

Is-sit web tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji 

Is-sit web L-Ewropa Attiva

 

 

 

 

IP/18/6114

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar