Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti jingħaqdu biex itemmu l-femminiċidju fl-Amerka Latina permezz tal-Inizjattiva Spotlight

New York, is-27ta' settembru 2018

Illum l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti qed iħabbru kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 50 miljun biex itemmu l-femminiċidju fl-Amerka Latina.

banner

Il-femminiċidju jieħdu l-ħajja ta' 12-il mara fl-Amerka Latina kuljum.

Bl-investiment ta' EUR 50 miljun tal-lum, l-Inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU se tiffinanzja programmi ġodda u innovattivi fl-Arġentina, El Salvador, il-Gwatemala, il-Honduras, u l-Messiku, biex tgħin lin-nisa u lill-bniet jgħixu ħajja libera mill-vjolenza u teradika l-femminiċidju mill-Amerka Latina.

"It-tmiem tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet qiegħed fil-quċċata tal-aġenda tagħna. Bl-inizjattiva Spotlight, għandna koalizzjoni dinjija madwar dan l-għan u qed nimmobilizzaw l-isforzi u l-azzjonijiet kollha fl-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġustizzja," qalet ir-Rappreżentant Għoli / Viċi President Federica Mogherini. "Irridu niżguraw li n-nisa u l-bniet qatt ma jkollhom jerġgħu jgħixu fil-biża', la fl-Amerka Latina, la fl-Ewropa u lanqas imkien ieħor fid-dinja."

"L-indirizzar tal-kwistjoni tal-femminiċidju b'mod komprensiv minn kull waħda minn dawn l-angolaturi differenti huwa essenzjali għal riżultati dejjiema u li jirnexxu," qalet il-Viċi Segretarju Ġenerali tan-NU Amina J. Mohammed. "L-ebda mara ma għandha tmut għax hi mara."

"Il-qtil ta' mara għax mara huwa l-iktar delitt skabruż li wieħed jista' jimmaġina," qal il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali Neven Mimica. "Se naħdmu mal-gvernijiet u sħab oħrajn biex nittrattaw l-għerq tal-kawżi tal-femminiċidju, li spiss ikunu marbuta ma' orjentazzjonijiet patrijarkali, misoġenija, sessiżmu u oġġettifikazzjoni tan-nisa."

"Il-vjolenza sessista taffettwa kull pajjiż, u lin-nisa u l-bniet kullimkien," qalet id-Direttur Eżekuttiv tan-Nisa ta-NU Phumzile Mlambo-Ngcuka. "Bl-Inizjattiva Spotlight, l-UE u n-NU qed jaħdmu biex jiggalvanizzaw kollaborazzjoni wiesgħa b'intenzjoni ffukata, fost l-aġenziji tan-NU, is-sħab tas-soċjetà ċivili u l-gvernijiet, sabiex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet darba għal dejjem."

Il-programmi l-ġodda se jindirizzaw lakuni leġiżlattivi u ta' politika, isaħħu l-istituzzjonijiet, jippromwovu orjentazzjonijiet lejn ekwità tal-ġeneru, u jipprovdu servizzi ta' kwalità għas-superstiti u riparazzjonijiet għall-vittmi tal-vjolenza u l-familji tagħhom.

L-Inizjattiva Spotlight se taħdem mill-qrib mas-soċjetà ċivili, l-aġenziji tan-NU u l-gvernijiet tal-ħames pajjiżi fil-programm biex tipprovdi interventi komprensivi u ta' kwalità għolja li jistgħu jsalvaw ħajjet in-nisa u l-bniet. Se jkun hemm enfasi speċjali biex jintlaħqu l-iktar nisa u bniet f'riskju ta' vjolenza u li ma jintlaħqux mill-programmi tradizzjonali, biex b'hekk ħadd ma jibqa' l-art.

L-Amerka Latina tinkludi 14 mill-25 pajjiż bl-ogħla rati ta' femminiċidju fid-dinja. Fl-2016, fl-Arġentina nqatlu 254 mara u tifla, f'El Salvador 349, fil-Gwatemala 211, fil-Honduras 466 u fil-Messiku 2,813.

Sfond

L-Inizjattiva Spotlight hija sħubija globali, pluriennali bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti biex telimina l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet. L-inizjattiva, li tnediet b'impenn ta' finanzjament tal-bidu ta' EUR 500 miljun mill-Unjoni Ewropea, tirrappreżenta sforz dinji bla preċedent ta' investiment fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa bħala prekundizzjoni u mutur għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli.

Fil-qafas tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2015, il-gvernijiet ta' madwar id-dinja impenjaw ruħhom li jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-forom ta' diskriminazzjoni kollha. L-Aġenda 2030 timpenja ruħha li "ma tħalli 'l ħadd l-art" - impenn li l-ebda għan ma jitqies li nkiseb sakemm ma jkunx laqat is-segmenti kollha tas-soċjetà, għal kulħadd, kullimkien, inkluż dawk li qegħdin l-iktar lura. Sfortunatament dan jinkludi wkoll lil miljuni ta' nisa u bniet li għadhom ibatu fil-kwiet kuljum minn forom differenti ta' vjolenza u abbuż.

Vjolenza fuq in-nisa u l-bniet

Il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet hija waħda mill-aktar konsegwenzi mifruxa tal-inugwaljanza. Hija għandha l-għeruq tagħha fir-relazzjonijiet ta' poter u ta' bejn is-sessi inugwali u hija forma mifruxa ta' diskriminazzjoni, li timmanifesta ruħha f'diversi forom kemm fl-isfera pubblika u kemm f'dik privata. In-nisa u l-bniet huma soġġetti b'mod sproporzjonat għall-vjolenza, inkluż il-femminiċidju, il-vjolenza sesswali, il-vjolenza mis-sieħeb intimu, it-traffikar, u prattiki dannużi. Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem li tiġri f'livelli allarmanti madwar il-pajjiżi u l-ġenerazzjonijiet kollha.

Għan-nisa u l-bniet li jiffaċċaw forom multipli u interkonnessi ta' diskriminazzjoni, ir-riskji li jesperjenzaw il-vjolenza huma terġa' ikbar, filwaqt li r-reazzjonijiet u s-sistemi ta' appoġġ spiss ma jkunux disponibbli, aċċettabbli, aċċessibbli jew ta' standard ta' kwalità. Pereżempju, in-nisa u l-bniet f'ċerti stadji tal-ħajja (adolexxenti u f'etajiet iktar avvanzati) jista' jkun li jiġu injorati fl-istatistika u fit-tfassil tal-liġijiet, tal-politiki u tal-programmi. Il-migranti u r-refuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom jaf ma jkunux formalment rikonoxxuti mill-Istat. In-nisa indiġeni u dawk minn minoranzi etniċi, razzjali u sesswali spiss iħabbtu wiċċhom ma' xi wħud mill-ogħla livelli ta' diskriminazzjoni fid-dimensjonijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi. In-nisa u l-bniet b'diżabilità, dawk li jgħixu f'żoni rurali, fost l-oħrajn, jiffaċċaw b'mod simili inugwaljanzi li jikkoinċidu u sitwazzjonijiet ta' żvantaġġ multiplu, li jispjega kif u għala ċerti gruppi jibqgħu l-art b'mod sistematiku.

Għal Aktar Informazzjoni

L-Inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU

MEMO Mistoqsija u Tweġiba

Strateġija Globali tal-Unjoni Ewropea għall-Politika Estera u ta' Sigurtà

Il-Kunsens Ewropew il-Ġdid Għall-Iżvilupp - "Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna"

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi II (2016–2020)

IP/18/5906

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar