Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE tintensifika l-istrateġija tagħha biex tikkollega l-Ewropa u l-Asja

Brussell, id-19ta' settembru 2018

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà illum adottaw Komunikazzjoni Konġunta li tistabbilixxi l-viżjoni tal-UE għal strateġija ġdida u komprensiva biex nikkollegaw aħjar lill-Ewropa u l-Asja.

Il-Komunikazzjoni Konġunta tibni fuq l-esperjenza tal-Unjoni Ewropea stess ta' tisħiħ tal-konnessjonijiet bejn l-Istati Membri tagħha, ma' reġjuni oħra u fihom. B'konnettività sostenibbli, komprensiva u bbażata fuq ir-regoli fil-qalba tagħha, il-Komunikazzjoni se tgħin biex tiggwida l-azzjoni esterna tal-UE f'dan il-qasam u hija parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tagħha.

Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar elementi għal strateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja hija disponibbli onlajn.

“Il-konnettività hija t-triq lejn il-futur. Aktar ma nkunu konnessi, aktar ikollna opportunitajiet biex insibu soluzzjonijiet politiċi komuni u biex inġibu l-prosperità ekonomika liċ-ċittadini”, qalet ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President Federica Mogherini. “L-approċċ tagħna huwa dak tal-Unjoni Ewropea: li nistabbilixxu netwerks aktar b'saħħithom u nsaħħu s-sħubijiet għal konnettività sostenibbli, fis-setturi kollha u abbażi tar-rispett tar-regoli komuni. Dan huwa l-mod Ewropew biex nindirizzaw l-isfidi u nieħdu l-opportunitajiet, għall-benefiċċju tan-nies fl-Ewropa u wkoll fl-Asja.”

Il-Viċi President għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, Jyrki Katainen qal: “Aħna rridu naħdmu mas-sħab Asjatiċi tagħna biex intejbu l-konnessjonijiet bejn l-Ewropa u l-Asja, filwaqt li nikkontribwixxu l-valuri u l-approċċ tagħna meta nagħmlu dan. In-netwerks infrastrutturali li se jinbnew għandhom ikunu koerenti, interoperabbli, kif ukoll finanzjarjament u ambjentalment sostenibbli. Is-sejħiet għall-offerti għandhom ikunu miftuħa u trasparenti biex jippromwovu l-governanza tajba u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Huwa approċċ li jaħdem, u wieħed li qed naraw domanda għalih fost il-pajjiżi tal-Asja, fil-viċinat tagħna tal-Lvant, il-Balkani tal-Punent u lil hinn minnhom.”

Il-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica żied jgħid: “L-UE u l-Asja huma sħab importanti dwar l-iżvilupp sostenibbli u t-twettiq tal-Aġenda 2030 tan-NU. Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħna hija element essenzjali tal-impenn aktar wiesa' u tas-sħubija tagħna mal-Asja, mhux l-anqas fil-promozzjoni tal-konnettività sostenibbli. Irridu nkomplu nsaħħu s-sħubija tagħna u niffokaw aktar fuq il-provvediment ta' assistenza teknika, it-titjib tal-ambjenti regolatorji u l-ħolqien ta' inċentivi biex immexxu ‘l quddiem u nsaħħu l-investimenti li huma meħtieġa ferm.”

Il-Kummissarju għat-Trasport, Violeta Bulc qalet: “L-infrastruttura tat-trasport hija l-qofol tal-konnessjonijiet bejn l-UE u l-Asja, li tittrasporta kemm persuni kif ukoll merkanzija bejn iż-żewġ kontinenti grazzi għad-diġitalizzazzjoni u għad-dekarbonizzazzjoni. L-Ewropa qed tikkondividi u timpenja ruħha permezz ta' wieħed min-netwerks tat-trasport u mill-programmi ta' finanzjament ta' infrastrutturi l-aktar żviluppati fid-dinja: in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport. Il-konnettività hija importanti!”

 

Sostenibbli, komprensiva u bbażata fuq ir-regoli: il-konnettività skont l-UE

L-UE se tikkombina approċċ ibbażat fuq il-prinċipji għall-konnettività u r-rikonoxximent li l-Asja tinkludi reġjuni differenti, li jospitaw pajjiżi differenti ħafna f'termini ta' mudelli ekonomiċi u ta' livell ta' żvilupp, b'azzjoni konkreta bbażata fuq tliet fergħat:

  1. Il-ħolqien ta' konnessjonijiet tat-trasport, l-enerġija u n-netwerks diġitali u l-konnessjonijiet tal-bniedem;
  2. L-offerta ta' sħubiji ta' konnettività lil pajjiżi u organizzazzjonijiet fl-Asja;
  3. Il-promozzjoni ta' finanzi sostenibbli permezz ta' strumenti finanzjarji

 

Il-ħolqien ta' netwerks transfruntiera

Infrastruttura effiċjenti u konnessjonijiet joħolqu tkabbir u impjiegi u jippermettu lil persuni u merkanzija li jiċċaqilqu. Mill-konnessjonijiet tat-trasport għal netwerks tal-enerġija, il-kuntatti bejn in-nies għall-webs diġitali, l-UE se testendi n-netwerks tagħha stess u tikkontribwixxi għal oħrajn ġodda lil hinn mill-fruntieri tagħha.

In-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport tal-UE (TEN-T) qed jiġu estiżi għal pajjiżi li għandhom fruntieri mal-Asja. L-UE għandha tikkollega t-TEN-T ma' netwerks fl-Asja. Is-suq uniku diġitali tal-UE jipprovdi pjan ta' azzjoni għal titjib fil-kummerċ tas-servizzi diġitali, filwaqt li l-istrateġija Digital4Development tagħha trawwem żvilupp soċjo-ekonomiku . Se nikkondividu l-esperjenza tagħna ta' ħolqien ta' swieq tal-enerġija reġjonali u liberalizzati, b'attenzjoni partikolari għat-transformazzjoni motivata mis-suq lejn l-enerġija nadifa. Se nkomplu nippromwovu l-iskambji umani u l-mobbiltà, pereżempju fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, il-kultura u t-turiżmu.

 

L-iżvilupp ta' sħubijiet bilaterali u globali b'saħħithom

Id-dinja tagħna tiddependi fuq il-flussi bla xkiel u sikuri ta' oġġetti, servizzi u persuni. B'rekord ta' suq intern ġust u trasparenti, ibbażat fuq ir-regoli, l-Unjoni Ewropea qed tinvolvi ruħha ma' sħab lil hinn mill-fruntieri tagħha sabiex tippromwovi approċċi simili għall-konnettività sostenibbli.

L-UE se ssegwi sħubiji tal-konnettività bilaterali. Il-Pjattaforma ta' Konnettività UE-Ċina, pereżempju, se tgħin liż-żewġ partijiet joħolqu sinerġiji u jindirizzaw opinjonijiet differenti. F'livell reġjonali, l-UE tista' tislet mill-esperjenza tagħha biex tikkontribwixxi għal konnettività u integrazzjoni aħjar ta' diversi strutturi ta' kooperazzjoni reġjonali, pereżempju fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed, kif ukoll mal-ASEAN u bħala parti mill-proċess tal-ASEM. It-trawwim ta' żieda fil-kooperazzjoni bejn reġjun u ieħor fil-konnettività jista' jippermetti lill-Unjoni Ewropea testendi l-mudell ta' konnettivà sostenibbli u bbażat fuq ir-regoli tagħha. Finalment, l-UE se timpenja ruħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fid-determinazzjoni tal-oqfsa legali u forom konkreti ta' konnettività, pereżempju biex jiġu stabbiliti standards internazzjonali. L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-korpi tan-Nazzjonijiet Uniti huma biss ftit eżempji fejn l-Unjoni Ewropea qed taħdem u se tkompli taħdem għal prattiki globali sostenibbli u ġusti.

 

Il-promozzjoni tal-finanzjament sostenibbli tal-investiment

Bl-Asja li teħtieġ madwar €1,3 triljun fis-sena għal investiment fl-infrastruttura, hemm opportunitajiet sinifikanti għall-kumpaniji tal-UE, sakemm ikun hemm fis-seħħ oqfsa legali robusti. L-UE se tfittex li tikkombina sorsi finanzjarji mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, banek multilaterali tal-iżvilupp u s-settur privat biex tiżgura finanzjament domestiku u internazzjonali sostenibbli għall-konnettività, filwaqt li tiżgura t-trasparenza u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Approċċ komprensiv għall-finanzjament tal-investiment, li nbeda fl-Ewropa permezz tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, kif ukoll barra l-UE permezz ta' faċilitajiet ta' investiment ġeografiċi speċifiċi, irnexxielu jingrana investimenti għall-infrastruttura u l-konnettività. Flimkien mal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal azzjoni esterna msaħħa taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li jmiss (2021–2027), il-potenzjal għal finanzjament tal-investiment aktar intelliġenti, innovattiv u multidimensjonali fi u lejn l-Asja huwa sinifikanti.

Ewropa u Asja konnessi aħjar permezz ta' konnessjonijiet tat-trasport, enerġija u netwerks diġitali tal-bniedem se jsaħħu r-reżiljenza tas-soċjetajiet u r-reġjuni, jiffaċilitaw il-kummerċ, jippromwovu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, u joħolqu possibilitajiet għal futur aktar sostenibbli, b'livell baxx ta' karbonju. Din il-Komunikazzjoni Konġunta se tinforma l-impenn tal-UE mal-imsieħba tagħha mill-viċinat sal-Paċifiku, li jwassal għal benefiċċji għall-poplu tal-Ewropa u dawk il-pajjiżi li jaraw il-valur tal-approċċ tagħna għall-konnettività.

 

Informazzjoni ta' sfond

Il-Komunikazzjoni Konġunta adottata llum mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tipprovdi l-elementi għal strateġija tal-UE dwar il-konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja.

Il-proposti magħmula fil-Komunikazzjoni Konġunta issa se jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, u se jikkontribwixxu għal diskussjonijiet dwar il-konnettività fis-Summit tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM), li għandu jsir fi Brussell fit-18-19 ta' Ottubru.

 

Aktar informazzjoni

Komunikazzjoni Konġunta: Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – moduli tal-Istrateġija tal-UE

Il-Memo: Spjegazzjoni tal-approċċ tal-Unjoni Ewropea biex tikkollega l-Ewropa u l-Asja

Skeda informattiva: Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – L-Istrateġija tal-UE

IP/18/5803

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar