Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-konformità tal-Istati Membri mal-liġi tal-UE: lok għal titjib

Brussell, it-12ta' lulju 2018

Il-konformità tal-Istati Membri mal-liġi tal-UE: lok għal titjib

Ir-Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-UE ppubblikat illum, jagħti ħarsa lejn kif il-Kummissjoni ssorveljat u infurzat il-liġi tal-UE tul l-2017. It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku li ġiet ippubblikata llum ukoll fuq l-internet, fil-25 anniversarju mit-twaqqif tas-Suq Uniku tal-UE, turi li qed jixxejnu ħafna mill-ostakli għall-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi, tal-oġġetti u tal-kapital, iżda f'ċerti oqsma s-sitwazzjoni staġnat jew saħansitra sejra għall-agħar.

Il-liġi tal-UE jeħtieġ tiġi applikata b'mod effettiv ħalli ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom garanzija li jistgħu jgawdu mill-benefiċċji li toffrilhom il-liġi tal-UE. L-effettività ta' kull regola, irrispettivament minn kemm tfasslet u tħejjiet bir-reqqa, tiddependi biss mill-implimentazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni meta tmexxi 'l quddiem il-prijoritajiet ta' politika tagħha, tagħti attenzjoni mhux biss biex tipproponi leġiżlazzjoni ġdida, iżda anki biex tiżgura li din tiġi applikata u infurzata kif xieraq. Ngħidu aħna fl-2017, il-Kummissjoni kienet soda fl-infurzar tar-regoli relatati mal-protezzjoni tad-data, il-migrazzjoni, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jew il-kwalità tal-arja.

Fl-istess waqt, il-koperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tibqa' fundamentali biex tiġi implimentata l-liġi tal-UE u biex jingħelbu l-problemi li jistgħu jinqalgħu. Matul is-sena, il-Kummissjoni assistiet lill-Istati Membri biex iħejju ruħhom għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679).

Ir-Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2017

Ir-Rapport Annwali għall-2017 juri tnaqqis żgħir (b'5.91 %) fil-kawżi ta' ksur miftuħa meta mqabbel mas-sena ta' qabel. B'hekk, wara li fl-2016 laħaq l-ogħla livell fil-ħames snin ta' qabel, fl-2017 l-għadd ta' kawżi beda jistabbilizza ruħu (ara l-Grafika 1). Iżda kull nuqqas fl-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-UE jċaħħad liċ-ċittadini u lin-negozji mid-drittijiet u l-benefiċċji li toffrilhom il-liġi Ewropea. Fil-qasam tal-ambjent, pereżempju, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tad-Direttiva dwar it-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik huma essenzjali biex jiġi indirizzat it-tħassib dejjem jikber taċ-ċittadini b'rabta mal-plastik.

Il-Grafika 2 ta' hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni għal kull Stat Membru. Fejn jidħlu l-każijiet ta' traspożizzjoni tard, il-Belġju, Ċipru, u l-Portugall kellhom l-akbar ammont ta' kawżi miftuħa, filwaqt li l-inqas kawżi miftuħa kienu fl-Italja, fid-Danimarka u fl-Ungerija. Spanja, l-Italja u l-Ġermanja kellhom l-akbar ammont ta' kawżi pendenti minħabba traspożizzjoni skorretta u/jew applikazzjoni żbaljata tal-liġi tal-UE, filwaqt li d-Danimarka kellha l-inqas ammont ta' kawżi miftuħa s-sena li għaddiet.

L-oqsma ta' politika fejn infetħu l-aktar kawżi ta' ksur fl-2017 kienu l-mobbiltà u t-trasport, l-ambjent kif ukoll l-istabbiltà finanzjarja, is-servizzi u s-swieq kapitali (ara l-Grafika 3).

Nevitaw it-traspożizzjoni tard tad-Direttivi

Biex iċ-ċittadini u n-negozji jibbenefikaw mil-liġi tal-UE, hu kruċjali li l-Istati Membri jittrasponu d-Direttivi Ewropej fl-ordni ġuridiku nazzjonali tagħhom sal-iskadenzi miftiehma.

Fl-2017, l-għadd ta' proċeduri ta' ksur ġodda relatati mat-traspożizzjoni tard naqas ġmielu b'34 % (minn 847 kawża fl-2016 għal 558 fl-2017) u hu eqreb lejn il-livell fl-2015 (543 kawża). Il-Kummissjoni fetħet proċeduri ġodda ta' ksur kontra l-maġġoranza tal-Istati Membri talli naqsu milli jittrasponu d-Direttivi dwar l-użu tal-basktijiet tal-plastik, dwar l-iskart u dwar l-affidabbiltà stradali tal-vetturi[1].

Biex isibuha eħfef jittrasponu b'mod korrett u fil-ħin, il-Kummissjoni kompliet tassisti lill-Istati Membri billi ħejjiet pjanijiet ta' implimentazzjoni, siti web apposta u dokumenti ta' gwida, u qasmet l-aqwa prattiki waqt laqgħat tal-gruppi ta' esperti. Pereżempju, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (il-GDPR) fil-25 ta' Mejju 2018, f'Jannar 2018 il-Kummissjoni kienet diġà ppubblikat gwida dettaljata biex tgħin lill-Istati Membri japplikaw ir-regoli l-ġodda fil-ħin.

Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni ressqet ħames Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u talbet li jiġu applikati penali finanzjarji: żewġ kawżi kontra l-Belġju[2], żewġ kawżi kontra l-Kroazja[3], kawża kontra s-Slovakkja[4], oħra kontra s-Slovenja[5] u oħra kontra Spanja[6].

Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku għall-2018

It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku tagħti ħarsa ġenerali dettaljata u preċiża tal-qagħda tal-implimentazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku tal-UE fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE) fl-2017. Din tevalwa kif l-UE u l-Istati Membri taż-ŻEE japplikaw dawn ir-regoli u tidentifika n-nuqqasijiet fejn il-pajjiżi u l-Kummissjoni għandhom iżidu l-isforzi tagħhom.

Skont il-prestazzjoni tagħhom fl-2017, l-Istati Membri ngħataw 152 sinjal aħdar, 135 sinjal isfar u 49 sinjal aħmar. Is-sinjali juru f'liema oqsma marru tajjeb ħafna (aħdar), kisbu riżultati medji (isfar) jew marru agħar mill-medja (aħmar).

Il-ħarsa ġenerali (ara l-Grafika 4 hawn taħt) toħroġ fid-dieher li l-Istati Membri tejbu r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, it-traspożizzjoni tar-regoli relatati mas-Suq Uniku, u l-iżvilupp ta' għodod li jappoġġaw il-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku fil-prattika (L-Ewropa tiegħek, e-Certis, u l-EURES). Iżda meta mqabbla mal-edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni ta' qabel, l-Istati Membri rċevew aktar sinjali ħomor fejn jidħol il-ftuħ għall-kummerċ transfruntier tal-merkanzija u s-servizzi, l-ekwità tas-sistemi tal-akkwist pubbliku u l-għadd ta' proċedimenti ta' ksur.

B'mod ġenerali, il-pajjiżi bl-aqwa prestazzjoni kienu l-Finlandja, id-Danimarka u s-Slovakkja, filwaqt li l-akbar għadd ta' sinjali ħomor ingħata lir-Repubblika Ċeka, lill-Irlanda u lill-Greċja.

Il-Kummissjoni tirreaġixxi għall-ilmenti taċ-ċittadini

Iċ-ċittadini, in-negozji, l-NGOs u partijiet konċernati oħra jistgħu jirrapportaw suspetti ta' ksur tal-liġi tal-UE permezz ta' formola online aċċessibbli mill-portal Europa Id-drittijiet tiegħek. Fl-2017, ħafna mill-ilmenti kellhom x'jaqsmu mal-ġustizzja u d-drittijiet tal-konsumatur, l-impjiegi, is-Suq Uniku tal-UE, l-industrija u l-SMEs. Bħala parti mill-formola għall-ilmenti, is-SOLVIT jista' jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji biex isolvu l-problemi tagħhom ma' awtorità pubblika f'pajjiż ieħor tal-UE.

Il-kuntest

Sa mill-1984, wara talba tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE tul is-sena ta' qabel. Imbagħad il-Parlament Ewropew jadotta riżoluzzjoni dwar ir-rapport tal-Kummissjoni.

Bħala prijorità, il-Kummissjoni tiffoka fuq il-problemi fejn l-azzjoni ta' infurzar tista' tagħmel differenza reali u tipprovdi valur miżjud reali għall-individwi u għan-negozji. Fejn jidħol il-qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, il-Kummissjoni Ewropea għandha responsabbiltà ġenerali li tibda l-proċess leġiżlattiv. Imbagħad il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiddiskutu l-proposti tal-Kummissjoni. L-Istati Membri huma responsabbli biex japplikaw, jimplimentaw u jinfurzaw sew u fil-ħin il-liġi tal-UE fl-ordni ġuridiku nazzjonali. Il-Kummissjoni tagħlaq dan il-proċess: ġaladarba l-proposti tagħha jiġu adottati bħala liġi tal-UE, din tieħu ħsieb li l-Istati Membri japplikaw din il-liġi kif suppost u tieħu azzjoni jekk dan ma jsirx. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha taġixxi b'mod sod u mingħajr dewmien kull meta l-ksur ifixkel il-kisba tal-għanijiet ta' politika tal-UE. F'dan il-kuntest, dan l-aħħar il-Kummissjoni ħolqot approċċ aktar strateġiku għal infurzar fejn jidħol it-trattament tal-ksur, bi qbil mal-impenn tagħha li tkun “akbar u aktar ambizzjuża fejn jidħlu l-affarijiet il-kbar, u iżgħar u aktar modesta fl-affarijiet iż-żgħar[7].

 It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku tevalwa kull sena kif l-Istati Membri:

- jimplimentaw ir-regoli tal-UE;

- joħolqu swieq miftuħa u integrati (eżempju, l-akkwist pubbliku u l-kummerċ tal-merkanzija u tas-servizzi);

- jittrattaw kwistjonijiet amministrattivi fejn jidħlu l-ħaddiema barranin (eż. il-kwalifiki professjonali);

- jikkoperaw u jagħtu sehemhom fejn jidħlu għadd ta' għodod ta' governanza għall-UE kollha (eż. il-portal L-Ewropa Tiegħek, Solvit, u l-EURES)

Din is-sena tfakkar il-25 anniversarju tas-Suq Uniku tal-UE. Din l-edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku tevalwa l-prestazzjoni f'erba' oqsma ta' politika, f'żewġ oqsma rigward il-ftuħ u l-integrazzjoni tas-suq, u 13-il għodda ta' governanza.

Għal Aktar Informazzjoni

a) Ir-Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2017

- Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-UE

- Skedi informattivi skont il-pajjiżi

- Skeda informattiva tal-EU-28

- Dwar il-proċedura ġenerali ta' ksur tal-UE, ara l-MEMO kollha 17/01/2012.

b) It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku (l-edizzjoni tal-2018):

- Tabella ta' Valutazzjoni

- Skedi informattivi skont il-pajjiżi

- Ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni

 

[1] Id-Direttiva 2015/720/UE dwar l-użu tal-basktijiet tal-plastik; Id-Direttivi 2015/720/UE; 2015/863/UE; U 2016/774/UEdwar l-iskart u d-Direttiva 2014/47/UE l-affidabbiltà stradali tal-vetturi

[2] Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-543/17). Il-Kummissjoni ressqet lill-Belġju quddiem il-Qorti talli naqas milli jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar miżuri li jnaqqsu l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Din ipproponiet li jitħallsu penali ta' € 54 639.36 kuljum. Fit-tieni kawża (Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-564/17), il-Kummissjoni ressqet lill-Belġju quddiem il-Qorti talli naqas milli jimplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Permess Uniku. Din ipproponiet li jitħallsu penali ta' €70 828.80 kuljum.

[3] Il-Kummissjoni vs Il-Kroazja (C-381/17). Il-Kummissjoni ressqet lill-Kroazja quddiem il-Qorti talli naqset milli timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju. Din ipproponiet li jitħallsu penali ta' €9 865.40 kuljum. Fit-tieni kawża (Il-Kummissjoni vs Il-Kroazja, C-415/17), il-Kummissjoni ressqet lill-Kroazja quddiem il-Qorti talli naqset milli timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati. Din ipproponiet li jitħallsu penali ta' €9 275.20 kuljum.

[4] Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C-605/17). Il-Kummissjoni ressqet lis-Slovakkja quddiem il-Qorti talli naqset milli timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar miżuri li jnaqqsu l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Din ipproponiet li jitħallsu penali ta' €10 036.80 kuljum.

[5] Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (C-594/17). Il-Kummissjoni ressqet lis-Slovenja quddiem il-Qorti talli naqset milli timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. Din ipproponiet li jitħallsu penali ta' €7 099.20 kuljum.

[6]  Il-Kummissjoni vs Spanja (C-569/17). Il-Kummissjoni ressqet lil Spanja quddiem il-Qorti talli naqset milli timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju. Din ipproponiet li jitħallsu penali ta' €105 991.60 kuljum.

[7] Il-Komunikazzjoni “Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar”, C(2016)8600, ĠU C 18, id-19 ta' Jannar 2017

IP/18/4295

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar