Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

DiscoverEU: 15,000 pass tal-ivvjaġġar biex nesploraw l-UE dan is-sajf

Brussell, il-11ta' gunju 2018

L-applikanti jridu jkunu għalqu 18-il sena fl-1 ta' Lulju 2018, ikunu ċittadini tal-UE u lesti jivvjaġġaw dan is-sajf.

Minn għada (12:00 CEST) sas-26 ta' Ġunju (12:00 CEST) iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw għal biljett li jtihom l-opportunità jiskopru l-kontinent tagħhom bejn Lulju 2018 sa Ottubru 2018. DiscoverEU se jtihom iċ-ċans li jifhmu aħjar id-diversità tal-Ewropa, igawdu r-rikkezza kulturali tagħha, jagħmlu ħbieb ġodda u jakkwistaw sens ta' identità Ewropea. Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, Tibor Navracsics, qal: “DiscoverEU toffri opportunità eċċellenti biex iż-żgħażagħ jesploraw l-Ewropa permezz ta' vjaġġ personali b'mod li l-ebda ktieb jew dokumentarju ma jħallik tagħmel dan. Fiduċjuż li din l-esperjenza se ġġib bidla pożittiva fiż-żgħażagħ li jipperteċipaw u fil-komunitajiet li dawn se jżuru. L-inizjattiva li se nvaraw għada hija opportunità għal 15,000 storja Ewropea indimentikabbli, li għandha tiġi segwita minn ħafna oħrajn iktar tard din is-sena u wieħed jittama fis-snin li ġejjin.”

Taħt din l-inizjattiva l-ġdida tal-UE, iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jivvjaġġaw bħala individwi jew bħala grupp ta' mhux aktar minn ħames persuni. Bħala regola ġenerali, dawn se jkunu qed jivvjaġġaw bil-ferrovija. Madankollu, biex jiġi żgurat aċċess wiesa' mal-kontinent kollu, l-inizjattiva tista', f'każijiet speċjali, toffri modi alternattivi ta' trasport, bħal xarabankijiet jew laneċ, jew, b'mod eċċezzjonali, l-ajruplani. Dan se jiżgura li ż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni remoti jew fi gżejjer li jagħmlu parti mill-UE jkollhom ukoll l-opportunità li jieħdu sehem. Minħabba li l-2018 hija s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, il-vjaġġaturi se jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem f'ħafna avvenimenti li qed iseħħu madwar l-Ewropa kollha.

Kif tapplika

L-applikanti jridu jipprovdu d-data personali tagħhom flimkien mad-dettalji dwar il-vjaġġ li qed jippjanaw li jagħmlu. Ser ikollhom bżonn ukoll jirrispondu għal kwiżż ta' ħames mistoqsijiet marbut mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, l-inizjattivi tal-UE mmirati lejn iż-żgħażagħ u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss. Fl-aħħar nett, huma se jkollhom iwieġbu mistoqsija oħra dwar kemm żgħażagħ jaħsbu li se japplikaw għal din l-inizjattiva. It-tweġibiet se jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea tagħżel l-applikanti. Ladarba jsir dan, il-parteċipanti jridu jibdew jivvjaġġaw bejn id-9 ta' Lulju u t-30 ta' Settembru 2018. Jistgħu jivvjaġġaw għal mhux aktar minn 30 jum u jistgħu jżuru sa erba' destinazzjonijiet barranin.

Il-kuntest

B'baġit ta' EUR 12-il miljun fl-2018, DiscoverEU din is-sena mistennija tagħti l-opportunità lil tal-inqas 20,000 żagħżugħ u żagħżugħa li jivvjaġġaw madwar l-Ewropa. Kull Stat Membru tal-UE ġie allokat għadd ta' passes tal-ivvjaġġar, abbażi tas-sehem tal-popolazzjoni tal-pajjiż tiegħu meta mqabbel mal-popolazzjoni ġenerali tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel round ta' applikazzjonijiet, li jiftaħ għada, se jippermetti lil mill-inqas 15,000 riċevitur li jesploraw il-kontinent tagħhom. It-tieni round ta' applikazzjonijiet b'tal-inqas 5,000 biljett se jsir fil-ħarifa tal-2018. Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-ħsieb li tiżviluppa l-inizjattiva u għalhekk inkludietha fil-proposta tagħha għall-Programm Erasmus li jmiss. Jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu mal-proposta, bejn l-2021 u l-2027 se jkunu jistgħu jivvjaġġaw 1.5 miljun żagħżugħ/a ieħor/oħra ta' 18-il sena, permezz ta' baġit ta' EUR 700 miljun.

DiscoverEU hija inizjattiva tal-UE bbażata fuq proposta tal-Parlament Ewropew, li assigura l-finanzjament għaliha għall-2018 permezz ta' Azzjoni Preparatorja. L-inizjattiva tiffoka fuq żgħażagħ li se jagħlqu 18-il sena, hekk kif din l-età timmarka pass lejn il-ħajja bħala adult.

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tisma' mingħand il-vjaġġaturi żgħażagħ u se tinkuraġġihom jaqsmu l-esperjenzi u l-avventuri tagħhom. Huwa għalhekk li ladarba jintgħażlu, il-parteċipanti se jsiru parti mill-komunità DiscoverEU u se jsiru ambaxxaturi tal-inizjattiva. Se jiġu mistiedna jirrappurtaw dwar l-esperjenzi tal-ivvjaġġar tagħhom, ngħidu aħna permezz tal-midja soċjali bħall-Instagram, il-Facebook, jew Twitter, jew billi jagħtu preżentazzjoni fl-iskola jew il-komunità lokali tagħhom.

Għal iktar informazzjoni

Memo

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ Applika hawnhekk

 

IP/18/4088

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar