Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Baġit tal-UE: Il-Kummissjoni tipproponi l-programm l-aktar ambizzjuż ta' Riċerka u Innovazzjoni s'issa

Brussell, is-7ta' gunju 2018

Għall-baġit tal-UE fit-tul 2021-2027 li jmiss, il-Kummissjoni qed tipproponi €100 biljun għar-riċerka u l-innovazzjoni.

Programm ġdid – Orizzont Ewropa – se jibni fuq it-twettiq u s-suċċess tal-programm preċedenti ta' riċerka u innovazzjoni (Orizzont 2020) u se jżomm lill-UE fuq quddiem nett tar-riċerka u l-innovazzjoni globali. Orizzont Ewropa huwa l-programm l-aktar ambizzjuż ta' riċerka u ta' innovazzjoni li qatt sar.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni President Jyrki Katainen, responsabbli għall-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal “L-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni huwa investiment fil-futur tal-Ewropa. Il-fondi tal-UE ppermettew timijiet bejn pajjiżi u dixxiplini xjentifiċi sabiex jaħdmu flimkien u jagħmlu skoperti inimmaġinabbli, li fil-livell dinji jagħmlu l-Ewropa fuq quddiem nett fir-riċerka u l-innovazzjoni. Permezz ta' Orizzont Ewropa, nixtiequ nibnu fuq dan is-suċċess u nkomplu nagħmlu differenza vera fil-ħajja taċ-ċittadini u fis-soċjetà inġenerali.”

Carlos Moedas, il-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, żied jgħid: “Orizzont 2020 huwa wieħed mill-istejjer b'suċċess kbir tal-Ewropa. Il-programm Orizzont Ewropa l-ġdid jimmira anki aktar fil-għoli. Bħala parti minn dan, nixtiequ nżidu l-finanzjament għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka biex tissaħħaħ it-tmexxija xjentifika globali tal-UE, u jiġu involuti mill-ġdid iċ-ċittadini billi jiġu stabbiliti missjonijiet ambizzjużi ġodda għar-riċerka tal-UE. Qed nipproponu wkoll Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni ġdid biex jiġi mmodernizzat il-finanzjament għall-innovazzjoni fil-fruntieri tal-għarfien fl-Ewropa”.

Filwaqt li jkompli jmexxi l-eċċellenza xjentifika permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) u tal-fellowships u l-iskambji Marie Skłodowska-Curie, Orizzont Ewropa se jintroduċi l-karatteristiċi ġodda ewlenin li ġejjin:

  • Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) biex jgħin lill-UE tkun fuq quddiem nett fl-innovazzjoni tal-ħolqien tas-swieq: Il-proposta tal-Kummissjoni se tistabbilixxi one-stop shop biex twassal l-iktar teknoloġiji fil-fruntieri tal-għarfien u potenzjalment l-iktar promettenti mil-laboratorju għall-applikazzjoni fis-suq, u tgħin l-istart ups u l-kumpaniji l-aktar innovattivi jespandu l-ideat tagħhom. L-EIC il-ġdid se jgħin jiġu identifikati u se jiffinanzja innovazzjonijiet veloċi, b'riskju għoli flimkien ma potenzjal sod biex jinħolqu b'mod intier swieq ġodda. Se jipprovdi appoġġ dirett lill-investituri permezz ta' żewġ strumenti ta' finanzjament, wieħed għall-fażijiet bikrin u l-ieħor għall-iżvilupp u l-iskjerament tas-swieq. Se jikkumplimenta l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).

  • Missjonijiet ġodda ta' riċerka u ta' innovazzjoni mal-UE kollha li jiffukaw fuq il-bidliet tas-soċjetà u l-kompetittività industrijali: Permezz ta' Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni se tniedi missjonijiet ġodda b'miri kuraġġużi, ambizzjużi u b'valur miżjud Ewropew sod li jittrattaw il-kwistjonijiet li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tagħna. L-eżempji jistgħu jvarjaw mill-ġlieda kontra l-kanċer, għat-trasport nadif jew għall-oċeani ħielsa mill-plastik. Dawn il-missjonijiet se jkunu kkodisinjati flimkien maċ-ċittadini, mal-partijiet ikkonċernati, mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri.

  • Massimizzazzjoni tal-potenzjal innovattiv fl-UE kollha: L-appoġġ se jkun irduppjat għall-Istati Membri li għadhom lura fl-isforzi tagħhom biex jieħdu li jistgħu mill-potenzjal nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom. Madankollu, is-sinerġiji ġodda flimkien mal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni se jagħmluha faċli li jiġi kkoordinat u kkombinat il-finanzjament u se jgħinu r-reġjuni jħaddnu l-innovazzjoni.

  • Aktar ftuħ: Il-prinċipju ta' “xjenza miftuħa” se jsir il-modus operandi ta' Orizzont Ewropa, bil-ħtieġa ta' aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet u d-data. Dan għandu jassisti l-użu fis-suq u jżid il-potenzjal tal-innovazzjoni tar-riżultati ġġenerati mill-finanzjament tal-UE.

  • Ġenerazzjoni ġdida ta' Sħubiji Ewropej u ta' kollaborazzjoni miżjuda ma' programmi tal-UE oħrajn: Orizzont Ewropa se jirrendi aktar effiċjenti n-numru ta' sħubiji li l-UE tipprogramma jew tikkofinanzja flimkien mas-sħab bħall-industrija, is-soċjetà ċivili u l-fondazzjonijiet ta' finanzjament, sabiex iżid l-effettività tagħhom u l-impatt fit-twettiq tal-prijoritajiet tal-politiki tal-Ewropa. Orizzont Ewropa se jippromwovi rabtiet effettivi u operazzjonali flimkien ma' programmi tal-UE futuri, bħall-Politika ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Programm Ewropa Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif ukoll mal-proġett internazzjonali tal-enerġija mill-fużjoni ITER.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), is-servizz tax-xjenza u l-għarfien tal-Kummissjoni, se jkompli jikkontribwixxi konsulenza xjentifika, b'appoġġ tekniku u b'riċerka dedikata. 

L-allokazzjoni tal-baġit proposta ta' €100 biljun għal 2021-2027 tinkludi €97.6 biljun taħt Orizzont Ewropa (€3.5 biljun minnhom se jkunu allokati taħt il-Fond InvestEU) u €2.4 biljun għal Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom. Il-programm Euratom, li jiffinanzja r-riċerka u t-taħriġ dwar is-sikurezza, is-sigurtà u l-protezzjoni mir-radjazzjoni nukleari, se jkollu fokus miżjud fuq applikazzjonijiet mhux tal-enerġija bħall-kura tas-saħħa u t-tagħmir mediku, u se jappoġġa wkoll il-mobbiltà tar-riċerkaturi nukleari taħt l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.

Il-passi li jmiss

Hemm bżonn jintlaħaq ftehim mingħajr dewmien dwar il-baġit tal-UE kumplessiv fit-tul u l-proposti settorjali tiegħu ħalli jkun żgurat li l-fondi tal-UE jibdew jiksbu r-riżultati fil-prattika malajr kemm jista' jkun. Id-dewmien iġiegħel lill-imħuħ l-aktar brillanti tal-Ewropa ifittxu opportunitajiet bnadi oħra. Dan se jkun qed ifisser telf ta' eluf ta' impjiegi fir-riċerka u dannu għall-kompetittività tal-Ewropa. Mir-riċerka fundamentali għall-innovazzjoni tal-ħolqien tas-swieq, l-avvanzi ewlenin pereżempju fil-kura tas-saħħa, l-azzjoni klimatika, it-trasport ekoloġiku u l-agrikoltura sostenibbli jnaqqsu r-ritmu tagħhom; is-soluzzjonijiet għat-trattamenti tal-kanċer, l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra, il-karozzi intelliġenti, u d-dieti bla ħsara għas-saħħa jiġu posposti.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 ikun qed jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u dak ġdid u jkun qed jiżgura prevedibbiltà u kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

Sfond

Il-proposta ta' Orizzont Ewropa tibni fuq is-suċċess tal-programm kurrenti, Orizzont 2020. L-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 uriet li l-programm jinsab fi triqtu biex jgħin jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir, jittratta l-akbar sfidi tas-soċjetà tagħna u jtejjeb il-ħajja tan-nies. Turi li l-programm għandu valur miżjud Ewropew ċar, li jipproduċi benefiċċji viżibbli mqabblin mal-appoġġ fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Minn Mejju 2018 'l hawn, appoġġa 'il fuq minn 18,000 proġett b'aktar minn €31 biljun mogħtija.

Il-proposta tal-lum tibni wkoll fuq il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-laqgħa tal-Mexxejja tal-UE fis-16 ta' Mejju f'Sofija "Aġenda Ewropea mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni - l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha", li enfasizzat il-passi meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tal-Ewropa.

Madwar żewġ terzi tal-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa matul dawn l-aħħar deċennji kienu motivati bl-innovazzjoni. Orizzont Ewropa huwa mistenni li jiġġenera aktar għarfien u teknoloġiji ġodda, bil-promozzjoni tal-eċċellenza xjentifika, u jħalli effetti pożittivi fuq l-iżvilupp, il-kummerċ u l-investiment u impatt soċjali u ambjentali sinifikanti. Kull euro investit mill-programm jista' potenzjalment jiġġenera redditu sa 11-il euro ta' PDG matul perjodu ta' 25 sena. L-investimenti tal-Unjoni fir-R&I huma mistennija li jiġġeneraw direttament qligħ li jlaħħaq għal 100 000 impjieg fl-attivitajiet tar-R&I fil-“fażi tal-investiment” (2021-2027).

Għal iktar informazzjoni

Testi legali u skedi informattivi:

  • Finanzjament mill-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2021-2027

  • Stejjer ta' suċċess tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

Rapporti indipendenti ta' livell għoli:

Paġna web ta' Orizzont Europa

Aktar informazzjoni dwar il-baġit tal-UE għall-futur jinsab hawn

 

 

IP/18/4041

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar