Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Offerta aħjar għall-konsumaturi: Tranżazzjonijiet irħas bl-euro kullimkien fl-Unjoni u kambji iktar ġusti tal-munita

Brussell, it-28ta' marzu 2018

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tagħmel il-ħlasijiet transfruntiera bl-euro irħas madwar l-UE kollha. Skont ir-regoli attwali, ma hemmx differenza bejn ir-residenti jew in-negozji taż-żona tal-euro jekk iwettqu tranżazzjonijiet f'euro f'pajjiżhom jew ma' Stat Membru ieħor taż-żona tal-euro.

Il-proposta tal-lum għandha l-għan li testendi dan il-benefiċċju liċ-ċittadini u n-negozji f'pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro. Dan se jippermetti lill-konsumaturi u lin-negozji li jaħsdu bis-sħiħ il-benefiċċji tas-Suq Uniku meta huma jibagħtu l-flus, jiġbdu l-flus kontanti jew iħallsu barra minn pajjiżhom. Issa l-ħlasijiet transfruntiera kollha bejn Stati Membri tal-UE bl-euro barra miż-żona tal-euro se jkunu jiswew l-istess – b'xejn jew b'tariffa żgħira – daqs il-ħlasijiet domestiċi f'munita uffiċjali lokali. Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li tagħmel is-servizzi ta' kambju tal-munita iktar trasparenti u kompetittivi meta l-konsumaturi jkunu qed jixtru oġġetti jew servizzi f'munita differenti minn tagħhom.

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, qal: “Bil-proposta tal-lum qegħdin nagħtu liċ-ċittadini u lin-negozji f'pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro l-istess kundizzjonijiet tar-residenti taż-żona tal-euro meta jagħmlu ħlasijiet transfruntiera bl-euro. L-Ewropej kollha se jkunu jistgħu jagħmlu tranżazzjonijiet transfruntiera, bl-euro, bl-istess prezz li jħallsu għal tranżazzjoni domestika. Il-proposta tal-lum se tirrikjedi wkoll trasparenza sħiħa fil-kambju tal-munita meta l-konsumaturi jkunu qed iħallsu bil-kard f'pajjiż li m'għandux l-istess minuta tagħhom.”

Konsumaturi u negozji fiż-żona tal-euro diġà jibbenifikaw minn tariffi baxxi ħafna għal ħlasijiet transfruntiera bl-euro, grazzi għall-introduzzjoni tar-regolament għall-ħlasijiet transfruntiera fl-2001. Skont ir-regoli attwali, ma hemmx differenza bejn ir-residenti jew in-negozji taż-żona tal-euro jekk iwettqu tranżazzjonijiet bl-euro f'pajjiżhom jew ma' Stat Membru ieħor taż-żona tal-euro. Il-proposta tal-lum għandha l-għan li testendi dal-benefiċċji lil residenti u negozji f'pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro kull meta jivvjaġġaw jew iħallsu barra minn pajjiżhom, u ttemm l-ispejjeż għalja tat-tranżazzjonijiet transfruntiera bejn Stati Membri tal-UE bl-euro.

B'mod partikulari, din il-proposta tassigura li t-tariffi mħallsa għal ħlasijiet transfruntiera bl-euro jkunu l-istess daqs dawk imħallsa għal ħlasijiet ekwivalenti fil-munita lokali. Dan se jnaqqas it-tariffi għal ftit euro jew anki ċenteżmi. Pereżempju, tranżazzjoni ta' kreditu transfruntiera bl-euro (EUR) mill-Bulgarija se tkun tiswa l-istess bħal tranżazzjoni ta' kreditu domestika fil-lev Bulgaru (BGN). Din hija bidla kbira, peress li t-tariffi għal sempliċi tranżazzjoni ta' kreditu tista' tkun eżorbitanti f'xi Stati Membri li mhumiex fi żona tal-euro (sa €24 għal tranżazzjoni ta' €10!). It-tariffi għalja tal-lum huma ostaklu għas-Suq Uniku peress li joħolqu ostakli għall-attivitajiet transfruntiera ta' unitajiet domestiċi (xiri ta' oġġetti jew servizzi minn żona ta' munita oħra) u ta' negozji, b'mod partikulari l-SMEs. Dan joħloq lakuna kbira bejn residenti fiż-żona tal-euro li jibbenifikaw mill-munita unika, u residenti mhux fiż-żona tal-euro li jistgħu jagħmlu tranżazzjonijiet irħas biss f'pajjiżhom.

Il-proposta tal-lum se toħloq ukoll iktar trasparenza għall-ħlasijiet li jinvolvu muniti differenti fl-Unjoni. Bħalissa l-konsumaturi b'mod ġenerali mhumiex infurmati jew konxji tal-ispejjeż ta' tranżazzjoni li tinvolvi kambju ta' munita. Għaldaqstant il-proposta se tirrikjedi li l-konsumaturi jiġu infurmati bis-sħiħ bil-prezz tal-kambju ta' munita qabel ma jagħmlu tali ħlas (pereżempju, bil-kard tagħhom barra minn pajjiżhom, sew jekk ikun ġbid ta' flus kontanti minn ATM jew ħlas bil-card f'punt tal-bejgħ, jew onlajn). Dan ifisser li se jkunu jistgħu jipparagunaw il-prezzijiet ta' għażliet ta' kambji differenti biex jagħmlu għażla ġusta. Sejbiet riċenti juru li l-konsumaturi kienu qed jilmentaw dwar prattiki ta' kambju ta' munita dinamiċi – jiġifieri, iħallsu barra minn pajjiżhom bil-minuta ta' pajjiżhom – u jitolbu għat-tneħħija tagħhom wara li jkunu sabu li l-konsumatur ikun qed joħroġ tellief fil-maġġoranza tal-każi studjati. In-nuqqas ta' informazzjoni meħtieġa biex issir l-aħjar għażla ta' spiss tirriżulta fil-konsumaturi jiġu ggwidati inġustament lejn l-iktar għażla għalja ta' kambju tal-munita. L-Awtorità Bankarja Ewropea se tingħata l-kompitu li tabbozza l-Istandard Tekniku Regolatorju meħtieġ biex timplimenta din it-trasparenza msaħħa.

Issa l-proposta leġiżlattiva se tkun ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-adozzjoni.

Il-kuntest

Prijorità primarja tal-Kummissjoni Juncker qed tibni Suq Uniku iktar profond u iktar ġust, li jippermetti lin-nies, is-servizzi, l-oġġetti u l-kapital li jiċċaqilqu liberament f'ekonomija bi Prodott Domestiku Gross ta' €15-il triljun. Is-Suq Uniku għandu l-għan ukoll li jagħti aċċess lill-konsumaturi għal prodotti aħjar u prezzijiet irħas, grazzi għall-kompetizzjoni ikbar. Il-Kummissjoni Ewropea diġà ħadet ħafna passi biex tagħti s-setgħa u tipproteġi lill-konsumaturi Ewropej fis-servizzi finanzjarji: id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas tagħti lir-residenti kollha tal-UE aċċess għal kont tal-bank bażiku; id-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Ħlas iġġib żieda sinifikanti fis-sigurtà tal-ħlas; u r-Regolament propost dwar il-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP) tal-Kummissjoni se joffri għażla ikbar meta wieħed ikun qed ifaddal għall-irtirar. F'Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Pjan ta' Azzjoni li jistabbilixxi strateġija biex jissaħħaħ is-suq uniku tal-UE għas-servizzi finanzjarji tal-konsumatur. Issa l-Kummissjoni qed turi r-riżultati tal-ewwel żewġ azzjonijiet ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni li jindirizza t-trasparenza u t-tariffi fi tranżazzjonijiet transfruntiera: ħlasijiet transfruntiera huma kruċjali għall-integrazzjoni tal-ekonomija tal-UE. Għandhom irwol importanti biex jgħaqqdu flimkien iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE. Ir-restrizzjonijiet jew l-ispejjeż għalja li jaffettwaw ħlasijiet transfruntiera huma ostakli għat-tlestija tas-Suq Uniku.

Biex tipprepara dawn l-emendi għar-Regolament 924/2009, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika minn Lulju sa Ottubru 2017 biex tiġbor l-opinjonijiet ta' partijiet interessanti dwar l-aħjar triq ‘il quddiem biex jintlaħaq l-għan ta' tnaqqis tal-ispiża ta' ħlasijiet transfruntiera fl-UE. F'reazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika, l-utenti tas-servizzi ta' ħlas (konsumaturi jew negozji) kollha semmew fuq quddiem nett il-prezz għoli li jħallsu għal tranżazzjonijiet transfruntiera kif ukoll in-nuqqas ta' trasparenza għat-tariffi mitluba minnhom. Il-fornituri tas-servizzi ta' ħlas b'mod ġenerali insistew fuq id-differenza bejn il-ħlasijiet bl-euro li kienu pproċessati awtomatikament mingħajr intervenzjoni manwali u l-ipproċessar ta' ħlasijiet ħafna inqas effiċjenti u għaldaqstant iktar għali minn muniti oħra.

Għal iktar informazzjoni

MEMORANDUM

Skeda informattiva

It-test tal-proposta tal-lum

Informazzjoni ġenerali dwar Ħlasijiet Transfruntiera

IP/18/2423

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar