Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Brexit: Il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda progress suffiċjenti lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50)

Brussell, it-8ta' dicembru 2017

Il-Kummissjoni Ewropea llum irrakkomandat lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) biex jikkonkludi li sar biżżejjed progress fl-ewwel fażi tan-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit.

Issa huwa f'idejn il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) biex fil-15 ta' Diċembru 2017 jiddeċiedi jekk sarx biżżejjed progress, li jippermetti li n-negozjati jipproċedu għat-tieni fażi tagħhom.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq ir-Rapport Konġunt miftiehem bejn in-negozjaturi tal-Kummissjoni u l-Gvern tar-Renju Unit, li llum ġie approvat mill-Prim Ministru Theresa May waqt laqgħa mal-President Jean-Claude Juncker.

Il-Kummissjoni hija ssodisfata li sar biżżejjed progress fuq kull wieħed mill-oqsma ta' prijorità - id-drittijiet taċ-ċittadini, id-djalogu dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq u s-saldu finanzjarju, kif stipulat fil-Linji gwida tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' April 2017. In-negozjatur tal-Kummissjoni żgura li l-għażliet tal-ħajja li għamlu ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit se jkunu protetti. Id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-UE27 se jibqgħu l-istess wara li r-Renju Unit iħalli l-UE. Il-Kummissjoni żgurat ukoll li kwalunkwe proċedura amministrattiva se tkun irħisa u sempliċi għaċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit.

F'dak li jirrigwarda s-saldu finanzjarju, ir-Renju Unit qabel li l-impenji meħuda mill-UE28 jiġu onorati mill-UE28, inkluż ir-Renju Unit.

Rigward il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit jirrikonoxxi s-sitwazzjoni unika fil-gżira tal-Irlanda u ħa impenji sinifikattivi biex tiġi evitata fruntiera fiżika.

Id-dettalji sħaħ tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni huma disponibbli fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Progress tan-Negozjati mar-Renju Unit.

Jean-Claude Juncker il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “Dan huwa negozjar diffiċli iżda issa sar l-ewwel avvanz ‘il quddiem. Ninsab sodisfatt bil-ftehim ġust li lħaqna mar-Renju Unit. Jekk is-27 Stat Membru jaqblu mal-valutazzjoni tagħna, il-Kummissjoni Ewropea u n-Negozjatur Ewlieni tagħna, Michel Barnier, ninsabu lesti biex nibdew jaħdmu fuq it-tieni fażi tan-negozjati immedjatament. Jien se tkompli żżomm lill-Parlament Ewropew involut mill-qrib ħafna matul il-proċess kollu, peress li l-Parlament Ewropew se jkollhom jirratifika l-Ftehim tal-Irtirar finali.”

Michel Barnier, in-Negozjatur Ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq progress reali u ġenwin li sar f'kull wieħed mit-tliet oqsma prijoritarji tagħna. Billi ftehemna dwar dawn il-kwistjonijiet, u hekk kif qed inħallu l-passat warajna, issa nistgħu nimxu ‘l quddiem u jiddiskutu r-relazzjoni futura tagħna fuq il-bażi ta' fiduċja u kunfidenza.”

Il-passi li jmiss: Jekk il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) iqis li sar biżżejjed progress, in-negozjaturi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit jibdew l-abbozzar ta' Ftehim ta' Rtirar abbażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tar-Rapport Konġunt u tal-eżitu tan-negozjati dwar kwistjonijiet oħra tal-irtirar. F'konformità mal-Linji Gwida tad-29 ta' April 2017, u hekk kif l-Istati Membri jaqblu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tinsab lesta biex tibda l-ħidma immedjatament dwar kwalunkwe arranġament tranżizzjonali possibbli u biex tibda diskussjonijiet esploratorji dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.

Sfond

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 50 tat-TUE. Fid-29 ta' April 2017, il-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) adotta sett ta' Linji gwida politiċi. Fit-22 ta' Mejju 2017, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Artikolu 50) awtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ in-negozjati mar-Renju Unit u adotta direttivi għan-negozjar (id-direttivi tan-negozjar).

In-negozjati għandhom jitlestew sal-ħarifa 2018 biex jippermettu biżżejjed żmien biex il-Ftehim tal-Irtirar jiġi konkluż mill-Kunsill wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, u biex jiġi approvat mir-Renju Unit skont il-proċeduri tiegħu qabel id-29 ta' Marzu 2019.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew (Artikolu 50)

Rapport Konġunt tan-Negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit

It-Tabella Teknika dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini tal-Kumitat konġunt UE/ir-Renju Unit

Il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew, tad-29 ta' April 2017

Direttivi tan-negozjar tal-Kunsill, it-22 ta' Mejju 2017

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-20 ta' Ottubru 2017

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara is-sit web.

IP/17/5173


Side Bar