Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni Ewropea minn ta' quddiem fl-azzjonijiet globali favur governanza aħjar tal-oċeani

Malta, is-6ta' ottubru 2017

F'konferenza ospitata mill-Unjoni Ewropea f'Malta, ġew impenjati aktar minn sitt biljun ewro minn atturi pubbliċi u privati għat-titjib fil-ġestjoni tal-oċeani tagħna.

Waqt il-Konferenza “Our Ocean 2017” f'Malta, ospitata minn Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-UE, u minn Karmenu Vella, il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret inizjattivi ffinanzjati mill-UE li jammontaw għal aktar minn €550 miljun, sabiex jaffrontaw l-isfidi tal-oċeani dinjija.

L-impenji mħabbra f'Malta, meħuda mill-Kummissjoni u minn atturi pubbliċi u privati oħra minn 112-il pajjiż madwar id-dinja, laħqu 'l fuq minn €6 biljun. Dawn ir-riżorsi se jiġu investiti biex jintensifikaw il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar, biex jitkabbru ż-żoni protetti, biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-oċeani, biex jitrawmu inizjattivi tal-ekonomija blu u tas-sajd sostenibbli, u biex jitkattru l-isforzi tal-UE kontra t-tibdil fil-klima, bi qbil mal-Ftehim ta' Pariġi u mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-qafas tal-Aġenda 2030. Il-parteċipanti ħabbru wkoll il-ħolqien ta' Żoni Protetti tal-Baħar ġodda li jkopru iktar minn 2.5 miljun km2, jew iktar minn nofs id-daqs tal-Unjoni Ewropea kollha.

Il-lista sħiħa ta' aktar minn 400 impenn (36 mill-UE, aktar minn 200 mill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi, aktar minn 100 minn negozji, u oħrajn minn NGOs, minn fondazzjonijiet, minn istituti tar-riċerka u minn organizzazzjonijiet internazzjonali) hija disponibbli fuq l-internet.

Frans Timmermans, l-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, stqarr: “B'wegħdiet konkreti, il-Kummissjoni Ewropea wriet l-impenn qawwi tagħha favur is-sostenibbiltà, is-sigurtà u l-prosperità tal-oċeani tagħna. Jekk l-oċeani jinsabu f'periklu, ifisser li aħna ninsabu f'periklu wkoll. L-oċeani jgħajxu l-pjaneta u l-popli tagħna, u jikkollegawna ma' sħabna mad-dinja kollha.”

Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-UE, qalet: “Il-baħar huwa ġid komuni globali. Nistgħu ngħidu “Our Ocean” għaliex jappartjeni għall-umanità, għal kull bniedem. Aħna għandna r-responsabbiltà li nikkonservaw il-ġid komuni – nikkonservawh bħal teżor u nevitaw li jinbidel f'theddida. L-Unjoni Ewropea temmen li dinja globalizzata teħtieġ governanza dinjija iktar kooperattiva. Aħna nemmnu fis-setgħa tad-diplomazija u ninvestu fiha, nemmnu u ninvestu fis-setgħa ta' regoli komuni u ta' istituzzjonijiet internazzjonali. U huwa diffiċli, effettivament impossibbli, nimmaġinaw governanza dinjija mingħajr governanza kooperattiva tal-oċeani.

Il-Kummissarju Karmenu Vella stqarr: “Tliet snin ilu, il-President Juncker talabni niddefinixxi r-rwol globali tal-UE fir-rigward tal-oċeani. Naħseb li ksibna flimkien ir-riżultati mixtieqa. Il-politiki tagħna fuq l-art, bħall-impenn tagħna favur l-ekonomija ċirkolari u t-tnaqqis tal-iskart tal-plastik; kif ukoll fuq il-baħar, kontra t-tniġġis tal-baħar, favur iż-żoni protetti, u l-isfruttar tal-enerġija nadifa mill-oċeani huma turija ċara tas-suċċess tagħna. L-Unjoni Ewropea qiegħda tikseb ir-rispett u qiegħda tnebbaħ l-azzjoni mal-pjaneta kollha.”

Il-Kummissarju Neven Mimica stqarr: “Dawn il-jumejn taw ir-riżultati mixtieqa rigward l-impenji tagħna fir-rigward tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għall-oċeani. Is-sajjieda fuq skala żgħira mad-dinja kollha għandhom opportunitajiet aħjar biex jistadu b'mod sikur, legali u sostenibbli. Il-ktajjen alimentari huma aktar siguri. Iż-żoni kostali huma aktar protetti. Qegħdin nieħdu azzjoni fuq l-isfida tat-tibdil fil-klima. Għal ħafna mill-pajjiżi sħabna f'fażi ta' żvilupp, il-governanza sostenibbli tal-oċeani hija kwistjoni ta' sopravvivenza. Fadlilna x'naqdfu, iżda qed inbaħħru fid-direzzjoni t-tajba.”

Il-Konferenza “Our Ocean” laqqgħet atturi pubbliċi u privati minn sitt kontinenti, li impenjaw ruħhom kollettivament fuq it-titjib tal-governanza tal-oċeani u l-użu sostenibbli tal-oċeani. L-impenji meħuda mill-UE jmorru ħafna lil hinn mir-reġjun ġeografiku tagħha, sabiex jappoġġjaw l-użu internazzjonali sostenibbli tal-oċeani fid-dinja kollha, b'enfasi partikulari fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

Għall-ewwel darba, il-Konferenza ġabret impenji sinifikanti mis-settur privat, inkluż minn Airbus, Unilever, Procter & Gamble, PepsiCo, Marks & Spencer, Carrefour, Royal Caribbean Cruises, AXA u Sky fost l-oħrajn.

L-impenji se jiġu ttraċċjati, u se jiġu rappurtati fil-Konferenza “Our Ocean” li jmiss, li se tittella' fl-Indoneżja fl-2018.

Kuntest

Il-konferenzi “Our Ocean” preċedenti, ospitati mill-gvernijiet tal-Istati Uniti (2014, 2016) u taċ-Ċilì (2015), raw firxa wiesgħa ta' impenji u biljuni ta' ewro mwiegħda.

Il-Konferenza “Our Ocean 2017” ittrattat it-temi taż-żoni protetti tal-baħar, is-sajd sostenibbli, it-tniġġis tal-baħar, u t-tibdil fil-klima. Din is-sena, il-Kummissjoni daħħlet it-temi tal-ekonomija blu u tas-sigurtà marittima. Il-konferenza “Our Ocean” wasslet biex parteċipanti mid-dinja kollha ħadu impenji sinifikanti. B'enfasi fuq impenn, sħubija u azzjoni ta' livell għoli, l-UE tkompli tmexxi sforzi internazzjonali oħra, fosthom l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-qafas tal-Aġenda 2030. Il-konferenza tikkomplementa wkoll l-inizjattiva tal-UE għall-governanza internazzjonali tal-oċeani, li fasslet aġenda għall-ġejjieni tal-oċeani madwar id-dinja, bil-proposta ta' 50 azzjoni konkreta.

Għal aktar tagħrif

Is-sit web ta' Our Ocean 2017

Skeda informattiva: L-UE minn ta' quddiem b'azzjoni ambizzjuża għal ibħra aktar nodfa u aktar sikuri

MEMO: L-Unjoni Ewropea tiġġenera azzjoni globali għall-oċeani tagħna

IP/17/3603

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar