Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE u n-NU jaħdmu id f'id biex jeliminaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet

New York, I-20ta' settembru 2017

Illum fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti nedew l-Inizjattiva Spotlight ta' EUR 500 miljun biex jiġu eliminati l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

L-Inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU tnediet mir-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp Neven Mimica, flimkien mas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres u d-Deputat Segretarju Ġenerali tan-NU Amina Mohammed.

Meta kien qed jitkellem fl-okkażjoni tat-tnedija, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, iddikjara: “Hija realtà ħarxa iżda vera – waħda minn kull tliet nisa se jħabbtu wiċċhom ma' vjolenza matul il-ħajja tagħhom. Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet teqred il-ħajjiet, u tikkawża uġigħ fost il-ġenerazzjonijiet. “L-Inizjattiva Spotlight hija tabilħaqq storika,” żied jgħid. Dan il-Fond huwa investiment pijunier fl-ugwaljanza bejn is-sessi u fl-emanċipazzjoni tan-nisa”. Meta nitfgħu l-attenzjoni fuq l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet fid-dinja, kulħadd ikollu futur aħhar.”

Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE Federica Mogherini qalet: “L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tiġġieled kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, billi dawn idgħajfu d-drittijiet u l-valuri fundamentali tagħna, bħad-dinjità, l-aċċess għall-ġustizzja u l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-ewwel nett jenħtieġ li niżguraw li nżommu lin-nisa u l-bniet sikuri, sabiex nagħtuhom is-setgħa li jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.”

Il-Kummissarju Mimica żied: “Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija waħda mill-akbar inġustizzji ta' żminijietna, li taqsam il-fruntieri, il-ġenerazzjonijiet, in-nazzjonalitajiet u l-komunitajiet kollha. Tolqotna profondament f'qalbna u f'moħħna. Hija wkoll ostaklu serju għall-potenzjal tal-iżvilupp sħiħ ta' kull soċjetà. Sabiex issir bidla reali, nistieden lis-sħab kollha biex jissieħbu fl-Inizjattiva Spotlight tagħna għal dinja li fiha n-nisa u l-bniet kollha jkunu jistgħu tassew jibbrillaw!”

L-inizjattiva Spotlight tal-UE u n-NU hija appoġġata minn fond fiduċjarju b'bosta partijiet ikkonċernati, bl-UE bħala l-kontributur ewlieni tiegħu b'nofs biljun Euro, li huwa miftuħ għal donaturi oħra.

Matul il-ftit snin li ġejjin, se jiġu implimentati programmi komprensivi għall-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, bħalma huma l-vjolenza sesswali u bbażata fuq is-sess u prattiki dannużi; it-traffikar u l-isfruttament ekonomiku (għax-xogħol); il-feminiċidju; u l-vjolenza domestika u tal-familja. L-oqsma ewlenin ta' intervent se jinkludu t-tisħiħ tal-oqfsa leġiżlattivi, tal-politiki u tal-istituzzjonijiet, miżuri preventivi, aċċess għas-servizzi u titjib tal-ġbir tad-dejta fl-Afrika, l-Amerika Latina, l-Asja, il-Paċifiku u l-Karibew.

F'konsistenza mal-prinċipji tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Inizjattiva Spotlight se tapplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, u tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa u l-bnietl-aktar marġinalizzati sabiex “ħadd ma jitħalla barra”. Il-programm se jkollu l-għan li jikkatalizza impenji politiċi fl-ogħla livell u li jipprovdi appoġġ immirat fuq skala kbira, kif ukoll li jibni sħubijiet ġodda. Barra minn hekk, se jqajjem kuxjenza dwar l-impatt mifrux, persistenti u detrimentali tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

Kuntest
Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet (VAWG) hija wieħed mill-aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifrux u devastanti madwar id-dinja. Hija taffettwa s-soċjetajiet kollha, u taqsam il-fruntieri tal-ġenerazzjonijiet, u dawk soċjoekonomiċi, edukattivi u ġeografiċi. B'kollox, bħalissa aktar minn biljun persuna huma milquta mill-vjolenza. Huwa stmat li 35 % tan-nisa esperjenzaw vjolenza f'xi punt f'ħajjithom. Din iċ-ċifra tilħaq is-70 % f'xi pajjiżi.

Barra minn hekk, iżjed minn 700 miljun mara madwar id-dinja ġew imżewġa bħala tfal qabel it-18-il sena. Minn dawk in-nisa, iktar minn waħda minn kull tlieta - jew madwar 250 ġew imżewġa qabel l-età ta' 15-il sena. Mill-inqas 200 miljun mara u tifla sofrew mutilazzjoni ġenitali femminili fi 30 pajjiż.

Din il-problema hija ostaklu għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u għall-iżvilupp sostenibbli ġenerali, u ostaklu biex jintlaħqu l-SDGs.

L-Inizjattiva Spotlight hija espressjoni tal-istess rieda politika li kienet murija mill-komunità internazzjonali fl-adozzjoni tal-SDGs, bil-Mira 5 indipenenti dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u miri speċifiċi dwar il-qerda tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, kif ukoll l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-firxa kollha tal-qafas tal-SDG.

Il-Kunsens Ġdid Ewropew dwar l-Iżvilupp, l-approċċ globali ġdid tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli għas-snin li ġejjin, jissottolinja wkoll l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri kollha favur l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Għal aktar tagħrif dwar l-Inizjattiva Spotlight tal-UE-NU, jekk jogħġbok żur: www.un.org/spotlight-initiative

Ara wkoll il-(MEMO) tal-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet u l-Joint Communiqué tal-UE u n-NU.

IP/17/3306

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar