Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Summit UE — Ukrajna: Ir-riformi tal-Ukrajna flimkien mal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea jappoġġjaw it-twassil ta' riżultati pożittivi

Kyiv, it-13ta' lulju 2017

Id-19-il summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna sar llum fi Kiev. Is-Summit seħħ fl-isfond tal-finalizzazzjoni tar-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna u ċ-ċittadini Ukreni qed jingħataw vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen f'Ġunju.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, irrapreżentaw lill-Unjoni Ewropea. L-Ukrajna kienet irrappreżentata mill-President tagħha, Petro Poroshenko. Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea attendew ukoll, il-Viċi President Valdis Dombrovskis u l-Kummissarji Johannes Hahn u Cecilia Malmström.

Meta tkellem waqt il-konferenza stampa konġunta, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker qal: “Ittieħdu aktar passi f'dawn l-aħħar tliet snin milli fl-għoxrin sena preċedenti; L-Ukrajna għandha tkun kburija b'dak li kisbet.”

L-UE u l-Ukrajna: sodi aktar flimkien

Mill-aħħar Summit bejn l-UE u l-Ukrajna, li sar fi Brussell f'Novembru 2016, sar ammont ta' progress sinifikanti, biex ikun hemm bidla pożittiva fil-ħajja taċ-ċittadini tal-Ukrajna u tal-UE.

Ir-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (AA/DCFTA), jumejn ilu, se tfisser id-dħul fis-seħħ sħiħ tiegħu fl-1 ta' Settembru 2017. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi pjan ta' riforma ambizzjuż tal-Ukrajna u jrawwem il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna. Wara aktar minn sena ta' applikazzjoni provviżorja taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, il-kummerċ kiber b'10 %, u kompla qiegħed l-UE bħala l-ewwel sieħba kummerċjali tal-Ukrajna. Barra minn hekk, il-mexxejja laqgħu l-ftehim politiku biex jagħtu miżuri kummerċjali awtonomi lill-Ukrajna, li se tkompli ssaħħaħ il-kummerċ bilaterali permezz tal-eliminazzjoni ta' tariffi addizzjonali u dazji doganali fuq prodotti agrikoli u industrijali.

Is-Summit fi Kiev sar eżattament xahar u jumejn wara ċelebrazzjonijiet storiċi ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Ukrajna b'passaport bijometriku għaż-żona Schengen. Bl-ivjaġġar mingħajr viża issa fis-seħħ, u l-Ukrajna impenjata li tkompli timplimenta l-punti ta' riferiment kollha tal-pjan ta' azzjoni tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, iċ-ċittadini Ewropej u Ukreni se jkollhom l-opportunità għal żieda fl-interazzjonijiet u l-kuntatti, u l-popolazzjonijiet tagħna se jinġiebu eqreb minn qatt qabel. Fl-ewwel xahar, aktar minn 95,000 ċittadin Ukren żar iż-żona ta' Schengen taħt il-kondizzjonijiet il-ġodda.

Il-mexxejja evalwaw l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-Ukrajna fl-isforzi ta' riforma ambizzjuża tagħha. L-awtoritajiet Ukreni għamlu riformi intensi u bla preċedent f'ħafna oqsma, inkluż:

  • id-deċentralizzazzjoni
  • ix-xandir pubbliku
  • il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
  • il-ġudikatura
  • ir-riforma fil-pulizija
  • l-amministrazzjoni pubblika
  • l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u s-sejħiet għall-offerti
  • il-kummerċ
  • l-enerġija
  • is-sistema bankarja
  • il-kura tas-saħħa

Dan inkiseb minkejja l-isfidi ta' sigurtà severi kkawżati mill-kunflitt li għaddej fil-Lvant tal-Ukrajna. Matul is-Summit, il-mexxejja tal-UE enfasizzaw l-importanza li jitkomplew dawn l-isforzi u t-tisħiħ tal-implimentazzjoni tar-riformi f'oqsma kruċjali bħalma huma l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Impetu ġdid biex jissaħħu l-funzjonament u l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta' kontra l-korruzzjoni, bħall-Uffiċċju Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, it-tneħħija tal-estensjoni tad-dikjarazzjoni elettronika tal-assi għal attivisti ta' NGOs kontra l-korruzzjoni, it-twaqqif ta' qorti ta' livell għoli kontra l-korruzzjoni u l-iżgurar tat-trasparenza fl-għażla ta' imħallfin fil-Qorti Suprema, huma essenzjali f'dan ir-rigward. F'dan il-kuntest, is-Summit provda lill-UE u l-Ukrajna biex jidentifikaw aktar prijoritajiet ta' riforma fix-xhur u s-snin li ġejjin. Il-President Poroshenko ddeskriva l-Istrateġija 2020 u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern għall-2017–2020. Iż-żewġ naħat qablu dwar l-importanza tat-tkomplija tal-aċċelerazzjoni tar-riforma u l-implimentazzjoni sostnuta tagħhom.

L-Unjoni Ewropea qed tiddedika appoġġ mingħajr preċedent lill-Ukrajna, li hija marbuta mal-isforzi kontinwi ta' riforma tal-Ukrajna. Matul is-Summit, l-Unjoni Ewropea ħabbret it-tħejjija ta' EUR 200 miljun b'appoġġ għall-programmi ta' prijorità għall-2017 fiż-żoni milquta mill-konflitt fil-Lvant tal-Ukrajna; programmi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija, inkluż il-kontribuzzjonijiet lejn il-Fond għall-Effiċjenza Enerġetika stabbilit mill-Ukrajna; il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi; l-appoġġ għal riformi ewlenin; u l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA, permezz tal-faċilità ta' kooperazzjoni teknika. Il-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE l-ġdid jipprovdi opportunitajiet ġodda ta' finanzjament addizzjonali għall-Ukrajna.

Wara l-ħlas f'April tat-tieni porzjon ta' assistenza makrofinanzjarja tal-UE, b'valur ta' EUR 600 miljun, il-mexxejja tal-UE saħqu mal-awtoritajiet Ukreni dwar il-ħtieġa biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' riforma strutturali pendenti kollha marbutin mal-għajnuna makrofinanzjarja li jinkludu l-impenji kollha rilevanti kontra l-korruzzjoni, l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni fis-settur tal-enerġija u fis-setturi finanzjarji, ir-revoka tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-injam, biex tintemm iż-żieda tad-dazji tal-esportazzjoni tar-ruttam tal-metall, u l-assistenza soċjali u servizzi għal persuni spostati f'pajjiżhom (internally displaced people, IDPs).

L-Unjoni Ewropea tenniet l-appoġġ sħiħ u kontinwu tagħha għall-unità tal-Ukrajna, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali. L-Unjoni Ewropea tikkundanna u ma tirrikonoxxix l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol mill-Federazzjoni Russa. Il-mexxejja tennew li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk bħala l-bażi ta' soluzzjoni paċifika u sostenibbli tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna. Huma ddiskutew ukoll dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'żoni mhux ikkontrollati mill-gvern fir-reġjuni ta' Donetsk u ta' Luhansk, kif ukoll il-ksur tad-drittijiet ta' persuni li ma jirrikonoxxux l-annessjoni illegali, it-Tatari tal-Krimea, kif ukoll l-Ukreni u persuni li jappartjenu għal gruppi etniċi u reliġjużi oħra.

Għal iktar informazzjoni:

Is-sit web tad-19-il Summit bejn l-UE u l-Ukrajna

Skeda informattiva dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna

Is-sit web tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Ukrajna

Il-Grupp ta' Appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ukrajna

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ukrajna

IP/17/1989

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar