Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tiġbor flimkien organizzazzjonijiet mhux konfessjonali sabiex jiddiskutu “Il-Ġejjieni tal-Ewropa: Unjoni effettiva u bbażata fuq il-valuri”

Brussell, id-19ta' gunju 2017

Illum, l-ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans ospita laqgħa ta' livell għoli ma' 14-il rappreżentant minn organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali minn madwar l-Ewropa, fil-preżenza tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew Mairead McGuiness.

Din hija t-tmien laqgħa annwali ta' livell għoli u ġie diskuss is-suġġett “Il-Ġejjieni tal-Ewropa: Unjoni effettiva u bbażata fuq il-valuri”. Il-laqgħa hija parti mid-djalogu regolari mal-knejjes, mar-reliġjonijiet u mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali ppreveduti fl-Artikolu 17 tat-Trattat ta' Lisbona.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "L-Ewropa tinsab f'mument kruċjali, u għalija l-aktar ħaġa fundamentali li rridu nagħmlu hija li nisimgħu mingħand organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini tagħna, huma x'inhuma t-twemmin jew il-konvinzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni qed taħtaf dan il-mument uniku biex tiddiskuti d-direzzjoni futura tal-Unjoni Ewropea. Il-valuri Ewropej komuni tagħna jridu jibqgħu l-bażi tal-għażliet futuri tagħna, u qed nikkonsultaw b'mod mifrux dwar kif nistgħu nankraw il-politiki futuri tagħna fil-valuri komuni tagħna b'mod effettiv. Id-djalogu mal-reliġjonijiet, mal-knejjes u mal-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali huwa parti importanti minn dan il-proċess.”

Il-laqgħa ta' livell għoli tal-lum hija okkażjoni għal diskussjoni profonda li tindirizza mistoqsijiet dwar il-kwistjonijiet ta' valuri u governanza. Id-diskussjoni attwali dwar il-ġejjieni tal-Ewropa tqajjem għadd ta' mistoqsijiet dwar kif l-Ewropa tista' ssir aktar effettiva, aktar demokratika u aktar rilevanti. Il-parteċipanti indirizzaw ukoll id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, u b'mod partikolari taw ħarsa lejn il-prinċipji soċjali bażiċi li jridu jiġu promossi fil-livell Ewropew u kif l-aħjar nindirizzawhom. L-organizzazzjonijiet preżenti ġew mistiedna jaħdmu mal-Kummissjoni matul il-proċess ta' riflessjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, biex iwasslu l-opinjonijiet tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw, u biex ikomplu jħeġġu d-dibattitu dwar l-ideat diskussi fil-laqgħa tal-lum.

Sfond

Il-laqgħa ta' livell għoli tal-lum ma' rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali hija t-tmien waħda fis-sensiela ta' laqgħat imnedija mill-Kummissjoni fl-2009 meta d-djalogu mal-knejjes, mar-reliġjonijiet u mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali tnaqqax fit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 17 tat-TFUE). Id-djalogu huwa r-responsabbiltà tal-Ewwel Viċi President Timmermans.

Il-Kummissjoni se jkollha l-laqgħa annwali tagħha mal-mexxejja reliġjużi fis-7 ta' Novembru 2017 dwar is-suġġett tal-Ġejjieni tal-Ewropa.

Fl-1 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea adottat White Paper dwar il-futur tal-Ewropa (IP/17/385). L-għan tal-White Paper huwa li tħeġġeġ dibattitu dwar kif tiżgura li l-UE tista' tipproteġi, tiddefendi u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha. Hija tistabbilixxi l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin għall-Ewropa fid-deċennju li ġej: l-impatt ta' teknoloġiji ġodda, il-globalizzazzjoni, kwistjonijiet ta' sigurtà u l-qawma tan-nazzjonaliżmu. Hi tenfasizza l-ħtieġa li tadotta żviluppi ġodda u taħtaf opportunitajiet ġodda. Il-White Paper tippreżenta ħames xenarji possibbli għal kif l-Unjoni tista' tevolvi sal-2025 skont kif l-Istati Membri jiddeċiedu li jirrispondu.

Il-White Paper timmarka l-bidu ta' proċess għall-UE27 biex tiddeċiedi dwar il-ġejjieni tal-Unjoni. Sabiex jiġi xprunat dan id-dibattitu, il-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew u Stati Membri interessati, se jlaqqgħu għadd ta' “Dibattiti dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa” madwar l-ibliet u r-reġjuni tal-Ewropa. Il-Kummissjoni laħħmet id-dibattitu wkoll b'għadd ta' Dokumenti ta' Riflessjoni dwar ħames kwistjonijiet għall-UE sal-2025. Diġà ġew adottati erba' dokumenti ta' riflessjoni: dwar l-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali tal-Ewropa (26 ta' April), dwar l-immaniġġar tal-globalizzazzjoni (10 ta' Mejju), dwar l-approfondament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (31 ta' Mejju), u dwar il-futur tad-difiża Ewropea (7 ta' Ġunju). Dokument ta' Riflessjoni se jsegwi dwar il-futur tal-finanzi tal-UE u huwa mistenni li jiġi adottat fit-28 ta' Ġunju.

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker f'Settembru 2017 se jmexxi dawn l-ideat u nistgħu naslu għall-ewwel konklużjonijiet fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2017. Dan se jippermetti li tittieħed deċiżjoni dwar sensiela ta' azzjonijiet li għandhom jitnedew qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019.

Għal Iktar Informazzjoni

- White paper dar il-ġejjieni tal-Ewropa u t-triq ‘il quddiem

- Id-djalogu tal-Kummissjoni Ewropea mal-knejjes, mal-komunitajiet reliġjużi u mal-organizzazzjonijiet mhux konfessjonali

Lista ta' parteċipanti fil-laqgħat

- Is-Sinjura Marie-Thérèse BESSON, President, Institut Maçonnique Européen, Gran Mastra tal-Gran Loġġa tan-Nisa ta' Franza

- Is-Sinjura Martine CERF, Segretarju Ġenerali ta' Egalité Laïcité Ewropa (EGALE)

- Is-Sinjura Claudette CLAVEL, Grand Maître Adjoint de l'ordre Maçonnique Mixte International Ordni Internazzjonali tal-Mażunerija “Le Droit Humain”.

- Is-Sur Andrezj DOMINICZAK, President, l-Assoċjazzjoni Umanista Pollakka.

- Is-Sur Giulio ERCOLESSI, President tal-Federazzjoni Umanista Ewropea

- Is-Sur Philippe FOUSSIER, Premier Grand Maître Adjoint tal-Grand Orient de France

- Is-Sur Manuel LOPEZ ALVAREZ, President tal-Federazzjoni Spanjola tal-Ordni Massonika Mħallat, "El Derecho Humano".

- Is-Sinjura Lona Ree MILKAER, President tas-Soċjetà Umanista Daniża

- Is-Sur Keith PORTEOUS WOOD, Direttur Eżekuttiv tas-Soċjetà Sekulari Nazzjonali

- Is-Sur Jean-Michel REYNAUD, President tal-Contribution des Obédiences Maçonniques Adogmatiques et Libérales à la Construction Européenne (COMALACE)

- Is-Sur Claude WACHTELAER, President tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Ħsieb Ħieles (AEPL).

- Is-Sur Oscar de WANDEL, Gran Kanċillier tal-Gran Loġġa tal-Belġju.

- Is-Sur Frieder Otto WOLF, President, Humanistischen Verbandes Deutschlands (HVD).

 

IP/17/1662

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar