Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Qafas ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni: Ir-rapporti tal-Kummissjoni fuq ir-riżultati u l-lezzjonijiet miksuba wara sena

Strasburgu, it-13ta' gunju 2017

Sena wara l-implimentazzjoni tiegħu u qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli qed jippreżentaw illum ir-raba' rapport ta' progress dwar il-Qafas ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni.

Ir-rapport juri li s-Sħubija stimulat lill-pajjiżi sħab fl-Afrika biex jittrattaw aħjar il-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra n-netwerks ta' traffikar tal-bnedmin. L-isforzi konġunti kkontribwixxew għaż-żieda ta' ritorn volontarju assistit għall-migranti mitluqin waħedhom, u appoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi u proġetti soċjali. Kien hemm ukoll sforzi miżjuda tul ir-Rotta tal-Migrazzjoni tal-Mediterran Ċentrali minn mindu ġiet adottata l-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali u d-Dikjarazzjoni ta' Malta. Dan wassal għal kooperazzjoni aktar effiċjenti mal-pajjiżi sħab u s-sħab internazzjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (International Organisation for Migration, IOM) u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (United Nations High Commissioner for Refugees, UNHCR). Il-koordinazzjoni aħjar bejn l-UE u l-Istati Membri żiedet l-influwenza tal-UE fuq is-sħab. Madankollu, jinħtieġ li din is-sistema tiġi intensifikata biex titjieb il-prestazzjoni, partikolarment fit-tnaqqis tal-wasliet irregolari ta' migranti lejn l-UE u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba biex jiġu żgurati r-ritorn u r-riammissjoni.

Ir-Rappreżentant Għoli / il-Viċi President Federica Mogherini qalet: “Sena ilu nedejna l-Qafas ta' Sħubija bbażat fuq il-konvinzjoni li l-immaniġġar tal-migrazzjoni jeħtieġ sħubija u approċċ komprensiv, ibbażat fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti, il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin, il-ħidma fuq il-kawżi fundamentali li jibdew mill-faqar, il-konflitti u t-tibdil fil-klima. Ilna naħdmu fuq bażi ta' kuljum ma' ħames pajjiżi ta' prijorità u bosta oħrajn fir-reġjun tas-Saħel, fl-Afrika tal-Punent u fil-Qarn tal-Afrika. Din il-ħidma komuni ġabet magħha progress konkret, fost l-oħrajn fil-ġlieda kontra t-traffikanti. U dwar ir-ritorn volontarju assistit: sa mill-bidu tal-2017, aktar minn 4,000 migrant irritornaw minn jeddhom mil-Libja lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, permezz tal-programm jitmexxa f'kooperazzjoni mal-IOM. Aħna se nibqgħu naħdmu biex anki tiżdied aktar kooperazzjoni mas-sħab tagħna Afrikani, biex ikun żgurat li jiġu salvati l-ħajjiet, il-migranti jiġu ttrattati b'dinjità, u biex niżguraw li neqirdu flimkien il-mudell tan-negozju ta' dawk li jisfruttaw id-disperazzjoni tal-bniedem.”

Ir-riżultati permezz tal-Qafas ta' Sħubija

Sena wara t-tnedija tal-Qafas ta' Sħubija, sar progress tanġibbli mal-ħames pajjiżi prijoritarji Afrikani, in-Niġer, il-Mali, in-Niġerja, is-Senegal u l-Etjopja. In-Niġer huwa emblematiku ta' x'jista' jinkiseb permezz il-Qafas ta' Sħubija: l-UE u l-Istati Membri kkoordinaw mill-qrib l-azzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom, flimkien mal-awtoritajiet tan-Niġer. Il-kontrolli fil-fruntieri u l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin ġew intensifikati u wasslu għall-arrest ta' kuntrabandisti u żieda sinifikanti fir-Ritorni Volontarji Assistiti tal-migranti min-Niger lejn il-pajjiżi tal-oriġini.

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab kollha intensifikat b'mod sinifikanti, inkluż permezz tal-preżenza tal-Uffiċjali ta' Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropej fi 12-il pajjiż sieħeb. L-UE għandha bħalissa sħubija ferm stabbilita mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati. Ittieħdu passi biex jiġu ffaċilitati r-ritorni, inkluż permezz ta' negozjati dwar ftehimiet ta' riammissjoni, iżda l-ħidma f'dan il-qasam jeħtieġ li tiġi aċċellerata. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-immaniġġar tal-migrazzjoni ġiet imsaħħa ma' sett usa' ta' pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq, fl-Afrika tal-Punent u fl-Asja.

Il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika appoġġa l-impenn politiku tal-UE billi pprovda appoġġ lil proġetti għall-ħolqien tal-impjiegi, l-aċċess għall-edukazzjoni jew il-ġestjoni tal-fruntieri f'pajjiżi ewlenin. Sa issa ġew approvati 118-il proġett. Il-livell globali ta' riżorsi disponibbli tul tliet reġjuni koperti mill-Fond żdied għal madwar EUR 2.8 biljun u l-ambitu tiegħu ġie estiż biex jinkludi l-Ginea, il-Kosta tal-Avorju u l-Ghana.

Passi meħuda tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali

Biex twieġeb għal din il-kriżi attwali tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, l-UE żiedet il-ħidma tagħha mas-sħab tagħha fl-Afrika ta' Fuq u b'mod partikolari l-Libja. Pakkett ta' EUR 90 miljun ġie adottat permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, biex isaħħaħ il-protezzjoni u r-reżiljenza tal-migranti u r-rifuġjati (inklużi f'ċentri), u l-komunitajiet ospitanti fil-Libja. F'kollaborazzjoni mal-IOM, tkompla l-programm tar-Ritorni Volontarji Assistiti u r-Riintegrazzjoni. Fil-Libja biss, sa issa fl-2017 aktar minn 4,000 migrant marru lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom, li huwa aktar mill-għadd ta' migranti rritornati mil-Libja fis-sena sħiħa tal-2016. It-tliet attivitajiet ta' Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, EUNAVFOR Med Operation Sophia, il-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja u ċ-Ċellola tal-Ippjanar u ta' Kollegament tal-UE jkomplu jikkontribwixxu għall-ġlieda tal-UE kontra n-netwerks ta' kuntrabandu u jimpenjaw ruħhom mal-awtoritajiet Libjani.

Barra minn hekk, l-UE żiedet l-interazzjoni tagħha mal-ġirien sub-Saħarjani tal-Libja, biex jiġu ttrattati l-flussi migratorji irregolari ‘l fuq. Fil-5 ta' Ġunju 2017, l-UE ħabbret l-intenzjoni tagħha li tappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Konġunta tal-G5 (magħmula minn qawwiet mill-Mali, il-Mawritanja, in-Niġer, in-Niġerja u ċ-Ċad) biex ikun sigurtà fir-reġjuni transfruntiera sensittivi b'finanzjament sa EUR 50 miljun.

Il-passi li jmiss

Il-ħidma permezz ta' Qafas ta' Sħubija se jkompli b'aktar intensità politika u operazzjonali, filwaqt li tqis li l-migrazzjoni hija sfida għal perjodu twil ta' żmien. Jinħtieġ li l-istrumenti u r-riżorsi disponibbli jiġu miżjuda, u jinħtieġ ukoll li jiżdied l-impenn tal-Istati Membri u l-għadd ta' Stati Membri li jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fl-isforzi komuni. L-UE se tkompli tintensifika l-isforzi tagħha fil-qasam tar-ritorn mal-pajjiżi sħab, bil-għan li jkun hemm arranġamenti stabbli fuq ir-ritorn u r-riammissjoni.

Billi l-fatturi ta' spinta għall-migrazzjoni fl-Ewropa jibqgħu hemm, it-twettiq tal-objettivi kollha tal-Qafas ta' Sħubija jibqa' prijorità ewlenija fix-xhur li ġejjin u se jkun meħtieġ sforz akbar u kontinwu mill-partijiet interessati kollha involuti. Fit-22 u t-23 ta' Ġunju, il-Kunsill Ewropew se jieħu kont tar-riżultati miksuba u jagħti aktar gwida fuq it-triq 'il quddiem.

Sfond

Il-Qafas ta' Sħubija dwar il-migrazzjoni ma' pajjiżi terzi taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ġie mniedi sena ilu bħala l-approċċ komprensiv tal-UE biex tittratta l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari u l-kawżi ewlenin tagħha bħala parti minn kooperazzjoni usa' ma' pajjiżi terzi.

B'mod parallel, il-ħidma kumplementari tkompli permezz ta' inizjattivi reġjonali bħall-proċessi ta' Rabat u ta' Khartoum, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-Pjan Konġunt ta' Azzjoni tal-Belt Valletta.

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta wkoll tliet rapporti ta' progress dwar miżuri meħuda permezz tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Il-pass tar-rilokazzjoni żdied b'mod sinifikanti fl-2017 u r-risistemazzjoni tinsab fit-triq it-tajba, id-Dikjarazzjoni ta' bejn l-UE u t-Turkija qed tkompli tagħti riżultati u kompla l-progress bl-implimentazzjoni fis-sħiħ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta matul ix-xhur li għaddew. Madankollu, il-Kummissjoni qegħda tistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom u jikkontribwixxu b'mod ġust u proporzjonat għall-iskema ta' rilokazzjoni tal-UE, jimlew il-lakuni li fadal fil-persunal u t-tagħmir għall-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija.

Għal Iktar Informazzjoni

Ir-Raba' Rapport ta' Progress dwar il-Qafas ta' Sħubija ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

Anness 1

Anness 2

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Ir-rapporti tal-Kummissjoni fuq ir-riżultati taħt il-Qafas ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni u l-progress miksub tul ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali

Skeda informattiva dwar il-Qafas ta' Sħubija dwar il-Migrazzjoni

Skeda informattiva dwar il-kooperazzjoni taħt il-Qafas ta' Sħubija mal-Mali

Skeda informattiva dwar il-kooperazzjoni taħt il-Qafas ta' Sħubija man-Niġer

Skeda informattiva dwar il-kooperazzjoni taħt il-Qafas ta' Sħubija man-Niġerja

Skeda informattiva dwar il-kooperazzjoni taħt il-Qafas ta' Sħubija mas-Senegal

Skeda informattiva dwar il-kooperazzjoni taħt il-Qafas ta' Sħubija mal-Etjopja

Skeda informattiva dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libja

Skeda informattiva dwar il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika

 

 

IP/17/1595

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar