Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Is-Sajd: Il-Kummissjoni tiddeċentralizza u tissimplifika l-miżuri tekniċi ta' konservazzjoni

Brussell, il-11ta' marzu 2016

Il-Kummissjoni twettaq l-impenji tagħha fir-rigward tal-aġenda dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar fil-qasam tas-sajd

Illum, il-Kummissjoni ssukktat twettaq l-impenn tagħha dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar u ppreżentat proposta għal miżuri ta' konservazzjoni aħjar għas-sajd fl-ibħra Ewropej. Dawn huma regoli dwar kif, fejn u meta s-sajjieda jistgħu jistadu, u jiddeterminaw ukoll l-irkaptu, il-kompożizzjoni tal-qabda u wieħed x'għandu jagħmel f'każ ta' qabdiet aċċidentali. Sa issa, dawn ir-regoli kienu jiġu deċiżi fil-livell tal-UE permezz ta' proċess twil ta' addozzjoni, u tul is-snin din l-istruttura regolatorja saret kumplessa ħafna.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, qal: "B'din il-proposta qed niżguraw li l-għanijiet tagħna għas-sajd sostenibbli u l-ħarsien tal-ħabitats marini jintlaħqu fl-UE kollha. L-"approċċ reġjonalizzat" ta' din il-proposta jissimplifika r-regoli, f'konformità mal-aġenda tagħna għal regolamentazzjoni aħjar. Il-proposta tippermetti li d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tas-sajd jittieħdu lokalment, eqreb tan-nies li jkunu se jiġu affettwati."

Bil-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida u biex tintlaħaq konformità mal-prinċipju tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, ġie propost approċċ simplifikat ġdid. Il-Kummissjoni qed tressaq sistema ta' governanza aktar flessibbli, li tagħti s-setgħa lill-atturi reġjonali, li huma dawk li jafu l-aħjar il-kuntest lokali tagħhom, biex jimmodifikaw il-miżuri tekniċi ta' konservazzjoni fil-baċini tal-baħar tagħhom. Il-proposta tiġbor fiha wkoll għadd ta' Regolamenti distinti f'test wieħed li għandu jħaffef l-interpretazzjoni u jiffaċilita il-konformità.

L-UE se tistabbilixxi l-prinċipji u l-għanijiet ġenerali tal-attivitajiet tas-sajd; xorta se jkun hemm sett ta' regoli bażiċi li se jkunu applikabbli għal irkaptu tas-sajd projbit jew għall-ħarsien ta' ċerti speċijiet u ħabitats. Madanakollu, għal miżuri tekniċi li jaffettwaw baċin tal-baħar speċifiku, il-gvernijiet nazzjonali u l-operaturi se jkunu jistgħu jimmodifikaw ir-regoli proposti skont il-kuntest lokali biex jiksbu r-riżultati mixtieqa.

Jekk, pereżempju, żona speċifika tas-sajd jenħtieġ li tingħalaq biex jitħares ħabitat partikulari, bħal skoll tal-qroll sensittiv, jew jekk jenħtieġ li tkun permessa deroga għal bastimenti speċifiċi li ma jħallux impatt fuq qiegħ il-baħar, dan kollu jista' jsir permezz ta' miżuri tekniċi deċiżi mill-Istati Membri madwar dak il-baċin tal-baħar, b'konstultazzjoni mal-partijiet interessati.

Il-proposta tinkludi miżuri għall-ħarsien tal-ekosistema marina u tal-ħabitats marini u biex jiġu evitati l-qabdiet aċċidentali ta' speċijiet sensittivi u mhux kummerċjali, bħat-tjur tal-baħar u l-mammiferi.

Għal iżjed tagħrif

Mistoqsijiet u tweġibiet: Il-Kummissjoni tiddeċentralizza u tissimplifika l-miżuri tekniċi ta' konservazzjoni fis-sajd

IP/16/721

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar