Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Insaħħu l-fruntieri esterni tal-Ewropa: It-tnedija tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Kapitan Andreevo, is-6ta' ottubru 2016

Illum, qed titnieda uffiċjalment l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, anqas minn sena wara li ġiet proposta għall-ewwel darba mill-Kummissjoni.

It-tnedija se ssir fil-Kontroll tal-Fruntiera Kapitan Andreevo fil-fruntieri esterni tal-Bulgarija mat-Turkija u tinkludi preżentazzjoni tal-vetturi, tat-tagħmir u tat-timijiet tal-Aġenzija l-ġdida, kif ukoll konferenza tal-aħbarijiet li se jkunu preżenti għaliha l-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos; il-Prim Ministru Bulgaru, Boyko Borissov; id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Intern tal-Bulgarija, Rumiana Bachvarova; is-Segretarju tal-Istat tal-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika Slovakka Denisa Sakova; id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta Fabrice Leggeri; ministri tal-intern tal-UE u uffiċjali għolja oħra. Filwaqt li tibni fuq il-pedamenti ta’ Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se tissorvelja mill-qrib il-fruntieri esterni tal-UE u se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tidentifika malajr u tindirizza kwalunkwe theddid potenzjali għall-fruntieri esterni tal-UE.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos qal: "Illum huwa pass importanti fl-istorja tal-ġestjoni tal-fruntieri Ewropej: Minn issa 'l quddiem, il-fruntieri esterni tal-UE ta’ Stat Membru wieħed ikunu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri kollha— kemm mil-lat legali kif ukoll mil-lat operazzjonali. F’inqas minn sena stabbilixxejna sistema vera u proprja ta' Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, u biddilna l-prinċipji tar-responsabbiltà kondiviża u s-solidarjetà fost l-Istati Membri u l-Unjoni f'realtà. Dan huwa eżattament ir-rispons Ewropew li għandna bżonn għall-isfidi għas-sigurtà u l-migrazzjoni tas-Seklu 21.”

Il-Prim Ministru tas-Slovakkja, Robert Fico, li bħalissa pajjiżu għandu l-Presidenza tal-Kunsill, qal: "Bit-tnedija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta aħna qed noħolqu realtà ġdida fil-fruntieri esterni tagħna. Dan huwa riżultat tanġibbli tal-impenn konġunt miftiehem fil-Pjan ta' Direzzjoni ta' Bratislava, kif ukoll turija prattika tal-unità fost l-Istati Membri. Hija se tgħinna mmorru lura għal Schengen. Il-Presidenza hija determinata li tgħin biex tissaħħaħ aktar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta hekk kif insarrfu l-impenji mill-Pjan ta' Direzzjoni għall-azzjoni."

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta Fabrice Leggeri, qal: "Dan huwa mument storiku u jiena kburi ħafna li qed nara lil Frontex issir l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-Aġenzija l-ġdida hija aktar bsaħħitha u mgħammra aħjar biex tindirizza l-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-Ewropa. Il-mandat tagħha għandu ambitu usa' u setgħat ġodda li se jippermettulha taġixxi b'mod effettiv. L-Aġenzija se twettaq testijiet tal-istress fil-fruntieri esterni biex tidentifika l-vulnerabbiltajiet qabel ma tfaqqa' kriżi. Issa se tkun ukoll kapaċi toffri appoġġ operazzjonali lil pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE li jitolbu assistenza fil-fruntieri tagħhom u jaqsmu l-informazzjoni dwar attivitajiet kriminali transfruntiera ma' awtoritajiet nazzjonali u ma' aġenziji Ewropej biex tgħin f'investigazzonijiet kriminali. Hija għandha wkoll rwol ewlieni fil-fruntieri marittimi tal-UE permezz tal-funzjonijiet il-ġodda tagħha tal-gwardja tal-kosta."

"Bil-mandat il-ġdid, ir-rwol u l-attivitajiet tal-Aġenzija ġew estiżi b’mod sinifikanti. Il-persunal permanenti tal-Aġenzija se jikber aktar mid-doppju u l-Aġenzija se tkun tista’ tixtri t-tagħmir tagħha stess u tużah f’operazzjonijiet għall-fruntieri fl-aħħar mument. Pula ta' riżerva rapida ta’ mill-anqas 1,500 gwardja tal-fruntieri u pula ta’ tagħmir tekniku se jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija — li jfisser li mhux se jkun hemm iktar nuqqas ta’ persunal jew ta’ tagħmir għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tiżgura l-implimentazzjoni tal-istandards tal-Unjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri permezz tal-analiżi tar-riskju perjodiċi u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà obbligatorji.

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tipprovdi ħolqa nieqsa fit-tisħiħ tal-fruntieri esterni tal-Ewropa, biex in-nies ikunu jistgħu jkomplu jgħixu u jaħdmu liberament fl-Unjoni Ewropea — u tgħin biex jintlaħaq l-impenn tal-Ewropa li terġa' lura għat-tħaddim normali taż-Żona Schengen u għat-tneħħija ta’ kontrolli interni temporanji fil-fruntieri sal-aħħar tas-sena, kif stabbilit fil-Pjan ta' Direzzjoni Lura lejn Schengen tal-Kummissjoni fl-4 ta’ Marzu.

L-Aġenzija l-ġdida se tiġi implimentata bis-sħiħ matul ix-xhur li ġejjin:

  • 6 TA' OTTUBRU 2016: l-Aġenzija l-ġdida se tkun legalment operazzjonali

  • 7 TA' DIĊEMBRU 2016: il-pula ta' reazzjoni rapida u t-tagħmir ta' reazzjoni rapida jsiru operazzjonali

  • SA DIĊEMBRU 2016: 50 reklutaġġ ġdid fl-Aġenzija

  • 7 TA' JANNAR 2017: il-puli ta' ritorn isiru operazzjonali

  • JANNAR-MARZU 2017: isiru l-ewwel valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà

Sfond

It-twaqqif ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif imħabbar mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fid-9 ta’ Settembru 2015, huwa parti mill-miżuri stabbiliti bl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE. Iż-Żona Schengen mingħajr fruntieri interni hija sostenibbli biss jekk il-fruntieri esterni jkunu effettivament siguri u protetti.

Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta leġiżlattiva għall-ħolqien ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tibni fuq strutturi eżistenti ta’ Frontex, biex tilqa’ l-isfidi l-ġodda u r-realtajiet politiċi li qed tiffaċċja l-UE, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà interna. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi żmien rekord ta’ disa’ xhur biss.

Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se tgħin biex il-migrazzjoni tiġi ġestita b’mod aktar effettiv, titjieb is-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea u tissalvagwardja l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni. It-twaqqif ta’ Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta se jiżgura ġestjoni soda tal-fruntieri esterni tal-UE bħala responsabbiltà kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida

SKEDA INFORMATTIVA: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta l-ġdida

SKEDA INFORMATTIVA: L-operazzjonijiet tal-UE fil-Baħar Mediterran

Ir-Regolament li jistabbilixxiI l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Insaħħu l-Fruntieri tal-Ewropa: Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea

Is-sit web tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

IP/16/3281

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar