Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Tassazzjoni ġusta: Il-Kummissjoni tħejji l-passi li jmiss biex iżżid it-trasparenza fiskali u tikkumbatti l-abbuż fil-ħlas tat-taxxi

Strasburgu, il-5ta' lulju 2016

Minħabba l-problemi li ħarġu dan l-aħħar bis-saħħa ta' dak kollu li nkixef fil-midja, li sar magħruf bl-isem Panama Papers, il-Kummissjoni illum nediet il-passi li jmiss fil-kampanja tagħha biex iżżid it-trasparenza fiskali biex tikkumbatti l-evażjoni u l-evitar tat-taxxi fl-UE.

Dawn ir-rivelazzjonijiet urew li l-kumpaniji u l-kontijiet sigrieti jistgħu jintużaw biex jinħbew id-dħul u l-assi f'pajjiżi oħra, ħafna drabi bi skop tal-evażjoni tat-taxxa jew bi skopijiet illeċiti oħrajn. Diġà sar progress kbir kontra dawn il-prattiki fil-livell tal-UE, u fost l-affarijiet li saru hemm regoli ġodda li jimblukkaw l-arranġamenti artifiċjali tat-taxxi u rekwiżiti għat-trasparenza tal-kontijiet finanzjarji, sentenzi dwar it-taxxi u l-iskambju tal-informazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali. Madankollu għad fadal xi lakuni fil-qafas tal-liġi dwar it-taxxi li hemm bżonn li nieħdu ħsiebhom biex inwaqqfu l-abbużi fil-qasam tat-taxxi u l-flussi finanzjarji illeċiti.

Flimkien mal-proposta tal-lum biex tiġi emendata r-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta wkoll Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-ħidma favur sistema ta' tassazzjoni aktar trasparenti u aktar effettiva.

Il-Viċi President Vladis Dombrovskis, li hu responsabbli mill-Euro u d-Djalogu Soċjali, qal: "L-evitar tat-taxxi, lill-finanzi pubbliċi jista' jiswilhom bosta miljuni ta' ewri fis-sena. Huwa loġiku li n-nies b'mod ġenerali u n-negozji jridu li t-taxxi jkunu aktar ġusti u aktar effettivi. Biex inwettqu dan l-għan, qegħdin naħdmu flimkien fil-livell Ewropew biex noħolqu sistema aktar trasparenti li tagħmilha diffiċli għal min ikun irid jevita t-taxxa li jpoġġi l-profitti tiegħu f'pajjiż ieħor. L-iskandlu tal-Panama Papers għenna niffukaw moħħna u nħaffu din il-ħidma."

Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, qal: "Ir-rivelazzjonijiet riċenti fil-midja ħarġu fil-beraħ il-lakuni fil-liġijiet li għadhom jippermettu lil min irid jevita t-taxxi jaħbi l-flus f'pajjiżi oħra. Jeħtieġ li dawn il-lakuni jimtlew, u l-miżuri biex nesterminaw l-abbużi tat-taxxi jridu jissaħħu. Il-Kummissjoni hija ddeterminata li se ddaħħal aktar trasparenza u aktar fiduċja fis-sistema tat-tassazzjoni. Diġà għamilna ħafna progress, u issa wasal iż-żmien li nagħmlu iżjed. Il-kampanja tal-UE għat-trasparenza fiskali se tkompli."

L-azzjonijiet prinċipali jinkludu:

Li l-awtoritajiet tat-taxxa jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu: Biex jindunaw b'min ikun qed jevita t-taxxi, l-awtoritajiet tat-taxxa jridu jkunu jafu min qed jiggwadanja, fl-aħħar mill-aħħar, minn kull kumpanija, minn kull fiduċjarja u minn kull fond. Iżda din l-informazzjoni ma tkunx dejjem disponibbli attwalment lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kollha madwar l-UE. Illum il-Kummissjoni pproponiet li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess għall-informazzjoni ta' livell nazzjonali kontra l-ħasil tal-flus, għall-informazzjoni dwar sjieda li jkunu ta' vantaġġ partikolari, u dwar id-diliġenza dovuta. Din il-proposta leġiżlattiva qiegħda fil-forma ta' emenda tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni.

Li tiżdied l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet: Il-Kummissjoni pproponiet li kemm il-kontijiet il-ġodda, kif ukoll dawk li diġà jeżistu, għandhom jiġu suġġetti għall-kontrolli tad-diliġenza dovuta. Permezz ta' dan, il-kontijiet li potenzjalment jistgħu jkunu qegħdin jintużaw għall-attivitajiet illeċiti, ma jibqgħux moħbija. Se jkun hemm iżjed skrutinju u regoli iżjed stretti għall-kumpaniji u l-fiduċjarji passivi bħal dawk li nkixfu mill-Panama Papers. Dawn l-emendi proposti għad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Li tiżdied it-trasparenza transkonfinali dwar is-sjieda benefiċjarja: Ladarba l-evażjoni u l-evitar tat-taxxi jsiru fil-livell internazzjonali, mela t-trasparenza dwar it-taxxi wkoll trid tkun transkonfinali. Il-Kummissjoni se tistudja l-modi kif l-Istati Membri jkunu jistgħu jpartu l-informazzjoni nazzjonali dwar is-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji u fiduċjarji li għandhom impatt potenzjali fuq it-taxxi.

Li tiżdied is-sorveljanza fuq l-attivitajiet tal-konsulenti tat-taxxa: Issa ntwera biċ-ċar li ċerti konsulenti tat-taxxa u intermedjarji finanzjarji kellhom rwol ċentrali fl-iffaċilitar tal-evażjoni tat-taxxi.Il-Kummissjoni se tistudja kif l-attivitajiet tal-konsulenti tat-taxxa jistgħu jsiru aktar trasparenti u se toħloq diżinċentivi aktar effettivi għal dawk li jħeġġu u jiffaċilitaw l-ippjanar fiskali aggressiv.

Li titħeġġeg il-governanza fiskali tajba mad-dinja kollha u jiġu miġġielda l-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx: L-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha għadd ta' għodod, bħal ftehimiet ma' pajjiżi terzi u għajnuna fl-iżvilupp, li jippromwovu l-governanza fiskali tajba madwar id-dinja kollha. L-Istati Membri diġà approvaw l-idea li tiġi stabbilita lista fl-UE tal-pajjiżi terzi li ma jirrispettawx l-istandards tal-governanza fiskali tajba , kif stabbiliti mill-Kummissjoni fl-Istrateġija Esterna għat-Tassazzjoni Effettiva. Huwa mistenni li l-ħidma tat-tħejjija ta' din il-lista jkollha effett persważiv qawwi fuq il-pajjiżi terzi li jinkoraġġixxu b'mod attiv il-prattiki tat-taxxa abbużivi, jew li ma jridux jirrispettaw l-istandards internazzjonali tal-governanza fiskali tajba, biex ma jkomplux f'din it-triq. Fil-preżent il-Kummissjoni qiegħda taħdem mal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, tal-Kunsill, biex tidentifika l-iżjed pajjiżi rilevanti li għandhom jiġu studjati b'dan il-proċess, biex fl-2017 tkun lesta l-ewwel lista ta' dawn il-pajjiżi fl-UE.

Li min jikxef l-abbużi jkun protett: Kienet bis-saħħa ta' dawk li kixfu l-abbużi, li dan l-aħħar ħarġu fil-beraħ bosta każi ta' evażjoni u ta' evitar tat-taxxi. Il-Parlament Ewropew u gruppi tas-soċjetà ċivili oħrajn ħeġġew li jitwettqu miżuri aktar stretti li jipproteġu lil dawk li jikxfu dawn l-abbużi fl-interess pubbliku. Il-liġi attwali tal-UE tagħti protezzjoni lil min jikxef l-abbużi fil-leġiżlazzjoni settorjali, pereżempju fil-qasam tal-abbuż tas-suq. Il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa ta' miżuri orizzontali, jew ta' iżjed miżuri settorjali biex iżżid il-protezzjoni ta' min jikxef l-abbużi.

Il-Passi li Jmiss

Il-proposta li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess għall-informazzjoni (emenda għad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-Tassazzjoni) se titressaq quddiem il-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u quddiem il-Kunsill għall-adozzjoni. Dawn l-emendi proposti għad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fir-rwol tagħhom ta' koleġiżlaturi. Fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se tippromwovi l-miżuri stabbiliti fil-Komunikazzjoni u se tiddieċiedi dwar liema tkun l-aħjar azzjoni għal kull waħda minnhom fil-livell tal-UE.

Għal aktar tagħrif, ara:

Il-Komunikazzjoni dwar aktar miżuri biex tiżdied it-trasparenza u biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxi

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Komunikazzjon tal-lum

Aktarinformazzjoni dwar it-trasparenza fiskali

 

IP/16/2354

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar