Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ it-triq għal deċiżjoni sa Ġunju dwar vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tat-Turkija

Brussell, I-4ta' mejju 2016

Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ it-triq għal deċiżjoni sa Ġunju dwar vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tat-Turkija

Il-Kummissjoni Ewropea llum qed tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex ineħħu r-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini tat-Turkija, bil-fehim li l-awtoritajiet Torok se jwettqu, bħala kwistjoni ta' urġenza u kif impenjaw ruħhom li jagħmlu fit-18 ta' Marzu 2016, il-punti ta' riferiment pendenti tal-Pjan ta' Direzzjoni tal-Liberalizzazzjoni tal-Viża. Il-proposta hija ppreżentata flimkien mar-Rapport dwar il-progress mit-Turkija fit-twettiq tar-rekwiżiti tal-Pjan ta' Direzzjoni.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "It-Turkija għamlet progress impressjonanti, partikolarment fl-aħħar ġimgħat, biex tilħaq il-punti ta' riferiment tal-pjan ta' direzzjoni tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża.Għad hemm xogħol li jrid isir bħala kwistjoni ta' urġenza iżda jekk it-Turkija tkompli l-progress li għamlet sa issa, jistgħu jilħqu l-punti ta' riferiment li jifdal.Din hija r-raġuni għalhiex qed nippreżentaw proposta li tiftaħ it-triq għall-Parlament Ewropew u għall-Istati Membri biex jiddeċiedu jneħħu r-rekwiżiti tal-viża, ladarba jintlaħqu l-punti ta' riferiment."

Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos qal: " L-awtoritajiet Torok għamlu progress sinifikanti mis-Summit UE-Turkija tat-18 ta' Marzu u aħna għandna fiduċja li t-Turkija hija impenjata biex tagħti riżultati fl-oqsma kollha malajr kemm jista' jkun. Dwar il-fehim li l-punti ta' riferiment kollha se jintlaħqu bħala kwistjoni ta' urġenza, il-Kummissjoni ddeċidiet tressaq proposta biex tittrasferixxi lit-Turkija mal-lista ta' pajjiżi mingħajr viża. Naturalment, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja s-sodisfazzjoni kontinwa ta' dawn il-kriterji.”  

Il-liberalizzazzjoni tal-viża għat-Turkija hija komponent ewlieni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016 li ddikjara li t-twettiq tal-pjan ta' direzzjoni tal-liberalizzazzjoni tal-viża se jitħaffef bil-ħsieb li jitneħħew ir-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Torok sa mhux iktar tard mill-aħħar ta' Ġunju 2016, sakemm il-punti ta' riferiment kollha jiġu ssodisfati. Sabiex tintlaħaq l-iskadenza ta' Ġunju għall-adozzjoni mill-koleġiżlaturi, fil-bidu ta' Mejju għandha tiġi mressqa proposta tal-Kummissjoni biex it-Turkija titpoġġa fuq il-lista mingħajr viża sabiex ikun hemm perjodu ta' tmien ġimgħat bejn meta jiġi ppreżentat abbozz lill-Parlamenti nazzjonali u l-adozzjoni tiegħu.

Ir-Rapport ta' Progress adottat illum jivvaluta l-progress magħmul sal-lum mit-Turkija fl-implimentazzjoni tal-punti ta' riferiment, jidentifika l-punti ta' riferiment pendenti u jistabbilixxi miżuri konkreti li t-Turkija trid tilħaq sabiex tikkompleta r-rekwiżiti li jifdal, f'oqsma bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-protezzjoni tad-dejta, il-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Istati Membri kollha, kooperazzjoni mtejba mal-EUROPOL u rieżami tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar it-terroriżmu.

F’ċerti każijiet eċċezzjonali, it-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Direzzjoni għamel it-tlestija ta' ċerti punti ta' riferiment, bħat-tnedija sħiħa tal-passaporti bijometriċi u rieżami tal-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni UE-Turkija (applikabbli b'mod sħiħ mill-1 ta' Ġunju), impossibbli sal-lum. F'oħrajn, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress siewi magħmul mill-awtoritajiet Torok sa issa, u tinkoraġġihom iżidu b'mod urġenti dawn l-isforzi biex jilħqu r-rekwiżiti kollha sabiex jiksbu l-liberalizzazzjoni tal-viża sal-aħħar ta' Ġunju.

L-ivvjaġġar mingħajr viża se japplika għall-Istati Membri kollha tal-UE ħlief għall-Irlanda u r-Renju Unit, u għall-erba’ pajjiżi assoċjati ma’ Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). L-eżenzjoni tikkonċerna biss żjajjar qosra sa 90 jum (f’kull perjodu ta’ 180 jum) għal għanijiet tan-negozju, tat-turiżmu jew tal-familja, fost oħrajn. L-eżenzjoni mill-viża ma tipprovdix għad-dritt ta' xogħol fl-UE. Kundizzjonijiet ta’ dħul oħra għall-aċċess fiż-żona Schengen se jkomplu japplikaw, inkluż il-bżonn li jkunu f’pożizzjoni li juru l-għan tal-vjaġġ tagħhom u mezzi suffiċjenti biex imantnu lilhom infushom.

Għall-pajjiżi kollha elenkati fl-Anness II tar-Regolament dwar il-Viża u li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-Ewropa, il-klawsola ta' salvagwardja introdotta fil-bidu tal-2014 se tapplika għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tat-Turkija. Filwaqt li tqis id-diskussjonijiet riċenti mal-Istati Membri dwar il-politika tal-viża tal-UE kollha kemm hi, il-Kummissjoni llum ipproponiet biex issaħħaħ dan il-mekkaniżmu ta' sospensjoni biex tagħmilha iktar faċli għall-Istati Membri li jinnotifikaw iċ-ċirkostanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli u billi jippermetti lill-Kummissjoni tniedi l-mekkaniżmu fuq inizjattiva tagħha stess.

Sfond

L-Unjoni Ewropea nediet id-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża mat-Turkija fis-16 ta' Diċembru 2013, b'mod parallel mal-iffirmar tal-Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija. Id-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża huwa bbażat fuq il-Pjan ta' Direzzjoni lejn sistema ta' vjaġġar mingħajr viża mat-Turkija, dokument li jistabbilixxi r-rekwiżiti li t-Turkija teħtieġ li tissodisfa biex tippermetti lill-Kummissjoni biex tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill emenda għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jippermetti liċ-ċittadini Torok biex jivvjaġġaw mingħajr viża għal perjodi qosra ta' 90 jum f'kull perjodu ta' 180 jum għal finijiet ta' negozju, turiżmu jew familja, fiż-żona Schengen.

It-72 rekwiżit elenkati fil-Pjan ta' Direzzjoni ġew organizzati f'ħames gruppi tematiċi: is-sigurtà tad-dokumenti; il-ġestjoni tal-migrazzjoni; l-ordni pubblika u s-sigurtà; id-drittijiet fundamentali u r-riammissjoni ta' migranti irregolari.

Fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Ewwel Rapport tagħha dwar il-progress mit-Turkija biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan ta' direzzjoni tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża L-Ewwel Rapport ivvaluta l-issodisfar ta' kull rekwiżit u tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa biex isir aktar progress fihom kollha.

Fis-Summit UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015, li nieda l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Turkija, l-UE laqgħet l-impenn mit-Turkija li tħaffef l-issodisfar tal-punti ta' riferiment tal-Pjan ta' Direzzjoni dwar il-Viża vis-à-vis l-Istati Membri kollha li qed jieħdu sehem. It-Turkija impenjat ruħha biex jitħaffef it-twettiq tal-Pjan ta' Direzzjoni, inkluż billi mexxiet 'il quddiem l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim ta’ riammissjoni UE-Turkija.

Fl-4 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat it-Tieni Rapport tagħha dwar il-progress mit-Turkija biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan ta' direzzjoni tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Ir-Rapport laqa' l-livell il-ġdid tal-impenn u tad-determinazzjoni li qed juru l-awtoritajiet Torok.

Waqt is-Summit UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu, it-Turkija impenjat ruħha biex tħaffef aktar it-twettiq tal-Pjan ta' Direzzjoni. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta wara din il-laqgħa, it-28 Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE impenjaw ruħhom li jneħħu r-rekwiżiti tal-viża għaċ-ċittadini Torok mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Ġunju 2016, bil-kundizzjoni li t-72 punt ta' riferiment kollha tal-Pjan ta' Direzzjoni jiġu sodisfati.

Għal iktar informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Third Report on Progress by Turkey in fulfilling the requirements of its Visa Liberalisation Roadmap

Skeda informattiva: Turkey’s progress on the visa liberalisation roadmap

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Implementing the EU-Turkey Agreement

Proposta għat-trasferiment ta’ ċittadini tat-Turkija għal-lista ta’ mingħajr viża għal żjarat qosra fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE

Commission Proposal for a Regulation amending Regulation (EC) No 539/2001 listing the third countries whose nationals must be in possession of visas when crossing the external borders and those whose nationals are exempt from that requirement (revision of the suspension mechanism)

Third report on progress by Turkey in fulfilling the requirements of its visa liberalisation roadmap

Commission Staff Working Document accompanying the Third report on progress by Turkey in fulfilling the requirements of its visa liberalisation roadmap

Second report on progress by Turkey in fulfilling the requirements of its visa liberalisation roadmap

First report on progress by Turkey in fulfilling the requirements of its visa liberalisation roadmap

Dikjarazzjoni UE-Turkija, 18 ta' Marzu

EU-Turkey Action Plan of 15 October, imniedi fid-29 ta' Novembru

IP/16/1622

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar