Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi regoli għat-trasparenza fiskali pubblika għall-korporazzjonijiet multinazzjonali

Strasburgu, it-12ta' april 2016

Il-Kummissjoni llum qiegħda twitti t-triq lejn trasparenza fiskali korporattiva ikbar billi tintroduċi rekwiżiti ta' rapportar pubbliku għall-ikbar kumpaniji li joperaw fl-UE.

Il-proposta tal-lum tibni fuq ix-xogħol li l-Kummissjoni għamlet biex tindirizza l-evitar tat-taxxa mill-kumpaniji fl-Ewropa, li huwa stmat li jiswa lill-pajjiżi tal-UE €50-70 biljun fis-sena fi dħul mit-taxxa mitluf. Il-proposta, li tissupplementa proposti oħrajn biex jiġi introdott il-qsim tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, tkun teħtieġ li kumpaniji multinazzjonali li joperaw fl-UE bi dħul globali li jisboq €750 miljun fis-sena jippubblikaw informazzjoni prinċipali dwar fejn jagħmlu l-profitti tagħhom u fejn iħallsu t-taxxa fl-UE tagħhom pajjiż b'pajjiż. L-istess regoli japplikaw għal kumpaniji multinazzjonali mhux Ewropej li jagħmlu n-negozju fl-Ewropa. B'żieda, il-kumpaniji jkollhom jippubblikaw ċifra aggregata għat-taxxi totali mħallsa barra mill-UE.

Din il-proposta hija mod sempliċi u proporzjonali biex il-kumpaniji multinazzjonali kbar jagħtu iktar rendikont rigward it-taxxi, mingħajr ma jkun hemm ħsara għall-kompetittività tagħhom. Din se tapplika għal eluf ta' kumpaniji kbar li joperaw fl-UE, mingħajr taffettwa lil kumpaniji żgħar u ta' daqs medju.

Il-proposta tipprovdi wkoll għal rekwiżiti ta' trasparenza iktar b'saħħithom għall-attivitajiet tal-kumpaniji f'pajjiżi li ma jirrispettawx l-istandards internazzjonali għall-governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa. Il-Kummissjoni se tibni fuq l-Istrateġija dwar it-Taxxa Esterna tagħha bl-għan li tistabbilixxi l-ewwel lista komuni għall-UE ta' dawn il-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa malajr kemm jista' jkun.

Il-Viċi President Valdis Dombrovkis, responsabbli mill-Ewro u d-Djalogu Soċjali qal: "Il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa hija prijorità ewlenija ta’ din il-Kummissjoni. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tat-taxxa għandha timxi id f'id mat-trasparenza pubblika. Illum qegħdin nagħmlu l-informazzjoni dwar it-taxxi fuq l-introjtu mħallsa mill-gruppi multinazzjonali disponibbli faċilment għall-pubbliku, u dan mingħajr ma żidna piżijiet ġodda fuq l-SMEs u bir-rispett dovut għas-sigriet kummerċjali. Billi tadotta din il-proposta, l-Ewropa turi li qiegħda tmexxi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa."

Il-Kummissarju Jonathan Hill qal: "L-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna jiddependu fuq sistema fiskali li hija ġusta, u dan huwa prinċipju li japplika kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozju. Iżda llum, permezz ta' arranġamenti fiskali kkumplikati, xi kumpaniji multinazzjonali jistgħu iħallsu kważi terz inqas taxxa minn kumpaniji li joperaw biss f'pajjiż wieħed. Il-proposta tagħna li tiżdied it-trasparenza se tgħin biex il-kumpaniji jagħtu kont ikbar ta' għemilhom. Barra minn hekk, din se tippromwovi kompetizzjoni iktar ġusta bejn il-kumpaniji, ikun xi jkun id-daqs tagħhom."

Il-proposta tal-lum se temenda d-Direttiva dwar il-Kontabilità (Id-Direttiva 2013/34/UE) biex tiżgura li gruppi kbar jippubblikaw rapport annwali li jkun fih il-profitt u t-taxxa akkumulati u mħallsa f'kull Stat Membru pajjiż b'pajjiż. Din l-informazzjoni se tkun disponibbli għal ħames snin. Informazzjoni kuntestwali (id-dħul, l-għadd ta' impjegati u x-xorta tal-attivitajiet) se tippermetti li ssir analiżi informata u se jkollha tiġi divulgata għal kull pajjiż tal-UE li fih tkun attiva kumpanija, kif ukoll għal dawk il-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jimxux mal-istandards ta' governanza tajba fiskali (l-hekk imsejħa rifuġji fiskali). Se jkun hemm bżonn li jiġu mogħtija ċifri aggregati għal operazzjonijiet oħra f'ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa fil-bqija tad-dinja. Din il-proposta ġiet ikkalibrata bir-reqqa biex ikun żgurat li l-ebda informazzjoni kummerċjali riservata ma tkun ippubblikata.

Dan ir-rapportar mandatorju pajjiż b'pajjiż, li jibni fuq u jikkomplementa inizzjattivi li l-Kummissjoni ħadet reċentement kontra l-evitar tat-taxxa (IP/16/159), se jippermetti liċ-ċittadini jiflu l-imġiba ta' kumpaniji multinazzjonali. Dan, imbagħad, se jħeġġeġ lill-kumpaniji jħallsu t-taxxa fejn jagħmlu l-profitt.

Dan ir-rapportar se jkun ukoll ta' għajnuna għal sforzi li jsiru biex ikun hemm fehim aħjar tas-sistemi fiskali tal-Istati Membri u biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-lakuni u d-diskrepanzi eżistenti, u b'hekk jixħtu iktar dawl fuq il-kawżi u l-konsegwenzi tal-evitar tat-taxxa korporattiv.

Sfond:

F'Ġunju 2015, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni wiesgħa tal-impatt ta' miżuri potenzjali biex jiġu introdotti rekwiżiti ta' rapportar pubbliku għal kumpaniji multinazzjonali li joperaw fl-UE[1]. Din kienet tinvolvi analiżi fil-fond ta' għażliet ta' politika differenti, kif ukoll konsultazzjoni immirati, sabiex ikunu evalwati l-għanijiet, il-benefiċċji, ir-riskji u s-salvagwardji ta' iktar trasparenza fejn tidħol it-taxxa fuq il-kumpaniji. Il-proposta tal-lum tirrefletti r-riżultat ta' dan ix-xogħol.

Din il-proposta hija marbuta mill-qrib mar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva, li sar qbil politiku dwarha min-naħa tal-Istati Membri tal-UE f'Marzu 2016, li titlob lil ċerti intrapriżi multinazzjonali jippreżentaw rapport għal kull pajjiż lill-awtoritajiet tat-taxxi tal-UE. Din ir-reviżjoni timplimenta l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti tal-OECD, li ġie approvat mill-mexxejja tal-G20 f'Antalya f'Novembru 2015.

Il-passi li jmiss:

Din il-proposta għal Direttiva issa ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni tittama li din tiġi adottata malajr fil-proċess ta' kodeċiżjoni. Ladarba tiġi adottata, id-Direttiva l-ġdida se jkollha tiġi trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Istati Membri kollha tal-UE fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tagħha.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO dwar it-trasparenza fiskali pubblika għall-korporazzjonijiet multinazzjonali

Komunikazzjoni dwar it-trasparenza fiskali pubblika għall-korporazzjonijiet multinazzjonali

Valutazzjoni tal-impatt tar-regoli għat-trasparenza fiskali pubblika għall-korporazzjonijiet multinazzjonali

Informazzjoni dwar il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa

MEMO dwar il-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa

Informazzjoni dwar il-ftehim politiku dwar ir-rapporti għal kull pajjiż bejn l-awtoritajiet tat-taxxa

[1] http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/further-corporate-tax-transparency/index_en.htm

IP/16/1349


Side Bar