Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Progress lejn regolamentazzjoni aħjar: Il-Kummissjoni tagħti l-kunsens tagħha għall-patt dwar tfassil aħjar ta' liġijiet u taħtar il-membri tal-Pjattaforma REFIT

Brussell, is-16ta' dicembru 2015

Progress lejn regolamentazzjoni aħjar: Il-Kummissjoni tagħti l-kunsens tagħha għall-patt dwar tfassil aħjar ta' liġijiet u taħtar il-membri tal-Pjattaforma REFIT

Fil-15 ta' Diċembru, il-Kummissjoni approvat Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar tfassil aħjar tal-liġijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex titjieb il-kwalità u r-riżultati tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-ftehim se jidħol fis-seħħ hekk kif jiġi approvat mit-tliet istituzzjonijiet kollha. Il-Kummissjoni approvat ukoll il-ħatra tat-18-il membru tal-grupp tal-partijiet interessati tal-Pjattaforma REFIT, strument importanti biex jiġi identifikat kif jistgħu jittejbu liġijiet eżistenti bl-għajnuna ta' dawk li jkollhom jimxu magħhom u li jibbenefikaw minnhom ta' kuljum. Dawn huma passi importanti fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni Regolamentazzjoni Aħjar għal Riżultati Aħjar li l-Kummissjoni kienet adottat f'Mejju 2015.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Il-Kummissjoni hija impenjata li tbiddel il-mod kif naħdmu fi Brussell, u dawn huma żewġ passi importanti. It-tliet istituzzjonijiet qed jaqblu li jiffukaw l-enerġija tagħhom fuq prijoritajiet konġunti fejn hija biċ-ċar meħtieġa azzjoni Ewropea, u biex jagħtu daqstant attenzjoni fuq ir-rieżami u t-titjib tar-regoli eżistenti. L-għarfien espert tal-Pjattaforma REFIT se jgħinna wkoll biex ikollna djalogu miftuħ, trasparenti u inkussiv dwar kif l-aħjar inkunu nistgħu nneħħu kull piż mhux meħtieġ u ntejbu l-kwalità tal-liġijiet tagħna."

Il-ftehim interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet se jwassal għal bidliet matul iċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika, mill-konsultazzjonjiet u l-valutazzjoni tal-impatt għall-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. It-test li l-Kulleġġ approva llum ġie nnegozjat mal-Parlament u mal-Kunsill u jrid jiġi approvat mit-tliet istituzzjonijiet kollha qabel ma jidħol fis-seħħ. Il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali l-bieraħ ta l-appoġġ tiegħu għat-test, u l-Parlament Ewropew bħalissa beda bil-proċess intern tiegħu għall-approvazzjoni.

Il-ftehim interistituzzjonali l-ġdid għandu jwassal għal ftehimiet konġunti dwar is-suġġetti kruċjali li għandhom ikunu ta' prijorità għal-leġiżlaturi, inklużi eżerċizzji ta' simplifikazzjoni għal liġijiet eżistenti. L-arranġamenti li ntużaw għat-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni fl-2015 u fl-2016 issa se jiġu fformalizzati u t-tliet istituzzjonijiet se jagħmlu dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-prijoritajiet politiċi. Il-leġiżlaturi se jdaħħlu klawsoli ta' rieżami fejn possibbli fil-leġiżlazzjoni tal-UE b'mod li l-evalwazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jiġu mħejjija aħjar, u r-riżultati jkunu jistgħu jitkejlu. It-tliet istituzzjonijiet jirraffermaw ukoll l-impenn tagħhom għall-valutazzjoni tal-impatt, inkluż billi jimpenjaw ruħhom li jieħdu f'kunsiderazzjoni l-ħidma dwar il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni matul il-proċess leġiżlattiv. Mingħajr ma jiġi kkontestat id-dritt tal-Istati Membri li jżidu fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE, it-tliet Istituzzjonijiet jagħrfu biċ-ċar il-ħtieġa li l-Istati Membri jiġu xprunati biex ikunu trasparenti dwar dan is-sors addizzjonali ta' benefiċċji u kosti potenzjali.

Il-Pjattaforma REFIT se tlaqqa’ flimkien esperti mid-dinja tan-negozju, is-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Istati Membri. Illum il-Kulleġġ ħatar it-18-il membru tal-Grupp ta' Partijiet Interessati tal-Pjattaforma wara sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet, li se jieħdu posthom maġenb żewġ esperti maħtura mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, u se jiffurmaw il-Plenarja tal-Pjattafora mal-esperti tal-Istati Membri fuq il-Grupp tal-Gvern. Iż-żewġ gruppi se jiltaqgħu f'sessjoni plenarja għall-ewwel darba fid-29 ta' Jannar 2016, taħt il-presidenza tal-Ewwel Viċi President Timmermans.

Il-kompitu ewlieni tal-Pjattaforma huwa dak li tappoġġja l-kisba aħjar ta' għanijiet ta' politika billi tissuġġerixxi kif jistgħu jiġu ssimplifikati l-liġi tal-UE u l-miżuri implimentattivi tal-Istati Membri u kif jistgħu jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji mhux meħtieġa. Il-Pjattaforma se teżamina suġġerimenti mill-pubbliku, u tibda' minn dawk ippreżentati mill-partijiet interessati u miċ-ċittadini permezz tal-istrument onlajn "Naqqas il-Piż". Hija se tippreżenta dawk is-suġġerimenti meqjusa bħala li jixirqilhom l-aktar attenzjoni lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membru kkonċernat. Il-Kummissjoni sejra sistematikament tispjega kif beħsiebha tagħmel segwitu.

L-Isfond

F'Mejju 2015 il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar għal Riżultati Aħjar, u identifikat għadd ta' innovazzjonijiet fil-mod kif titfassal il-politika fi Brussell. Il-pubblikazzjoni ta' dan il-pakkett kienet tinkludi l-abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali, li ġie nnegozjat fix-xhur li għaddew mal-Parlament u mal-Kunsill, u l-proposta li tiġi stabbilita l-Pjattaforma REFIT, Bord ta' Skrutinju Regolatorju ġdid biex jissorvelja l-kwalità tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni u strumenti onlajn ġodda biex it-tfassil tal-politika jinfetaħ u tiġi analizzata r-reazzjoni tal-partijiet interessati fejn jidħlu liġijiet ġodda. Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), li jevalwa l-ammont eżistenti ta' leġiżlazzjoni tal-UE biex din issir aktar effiċjenti u effettiva mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi ta' politika, issaħħaħ bil-pakkett ta' Mejju.

Għal aktar tagħrif

Q&A dwar is-sitwazzjoni preżenti fejn tidħol l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar

L-abbozz ta' Ftehim Interistituzzjonali kif approvat mill-Kummissjoni

Il-Pjattaforma REFIT

Stqarrija għall-istampa dwar l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar

Memorandum dwar l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar

Komunikazzjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar għal Riżultati aħjar

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni

Il-Programm REFIT

Il-Portal Ħaffef il-Piż

IP/15/6300

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar