Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni Juncker tadotta t-tieni Programm ta’ Ħidma annwali: Iż-żamma tal-attenzjoni u t-twettiq tal-prijoritajiet

Strasburgu, is-27ta' ottubru 2015

Il-Kummissjoni Juncker tadotta t-tieni Programm ta’ Ħidma annwali: Iż-żamma tal-attenzjoni u t-twettiq tal-prijoritajiet

Fis-27 ta' Ottubru l-Kummissjoni Ewropea adottat il-Programm ta' Ħidma tagħha tal-2016, it-tieni wieħed tal-Kummissjoni Juncker, u saħqet mill-ġdid fuq l-impenn tagħha rigward l-għaxar prijoritajiet ta' politika fil-Linji Gwida Politiċi tagħha. Il-preparazzjoni għal dan il-Programm ta' Ħidma tnediet fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker quddiem il-Parlament Ewropew fid-9 ta' Settembru u l-Ittra ta' Intenzjoni mibgħuta minnu u mill-Ewwel Viċi President Timmermans lill-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fl-istess jum. Huwa jsegwi djalogu kostruttiv mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Il-Programm ta' Ħidma jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jgħinu fit-twettiq ta' riżultati malajr u effettivi fl-aktar oqsma importanti ta' politika.

L-ewwel Viċi President Frans Timmermans qal: "Sena ilu din il-Kummissjoni għamlet bidu ġdid, impenjata li tiffoka fuq l-affarijiet il-kbar fejn iċ-ċittadini jistennew li l-UE tagħmel id-differenza. Illum qed nieħdu l-passi li jmiss biex inwettqu dawn il-prijoritajiet politiċi. Matul is-sena d-dieħla se nipproponu miżuri addizzjonali biex niġġestixxu l-kriżi tar-refuġjati, nixprunaw l-impjiegi u t-tkabbir u nsaħħu s-suq uniku, napprofondixxu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, niżguraw il-ġustizzja fit-taxxa, standards soċjali għolja u nippromwovu s-sostenibilità ekonomika, soċjali u ambjentali. Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess: iċ-ċittadini se jiġġudikaw lill-UE dwar jekk tiksibx ir-riżultati fejn jidħlu l-isfidi ewlenin li jinsabu quddiem is-soċjetajiet tagħna llum. Huwa għalhekk li qed nitolbu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jipprojoritizzaw il-ħidma leġiżlattiva fuq il-proposti l-aktar urġenti tagħna."

Il-Programm ta’ Ħidma ta' din is-sena se jwettaq 23 inizjattiva ċentrali li jolqtu l-għaxar prijoritajiet politiċi tagħna, rigward 20 proposta pendenti hemm l-intenzjoni li jiġu rtirati jew modifikati u se jittieħdu 40 azzjoni ta' REFIT biex tiġi rieżaminata l-kwalità tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. F’ħafna oqsma huwa meħtieġ approċċ komuni fuq il-livell Ewropew jekk irridu nilħqu l-għanijiet ta' politika ambizzjużi tagħna - livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, livell għoli ta’ standards soċjali u tal-impjieg, is-sigurtà tal-enerġija, ekonomija ta' suċċess li minnha jibbenefika kulħadd, u politika ta’ migrazzjoni li tirrifletti l-valuri komuni tagħna.

It-twettiq tal-10 Prijoritajiet Politiċi tagħna permezz ta’ 23 inizjattiva ċentrali

Il-Programm ta’ Ħidma ta' din is-sena se jippreżenta proposti leġiżlattivi sostantivi bħala segwitu għall-programmi strateġiċi adottati fl-2015. Is-sena li għaddiet ippreżentajna l-viżjoni tagħna għall-Investiment, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-kumpaniji, l-istrateġija kummerċjali l-ġdida u l-aktar proposti reċenti tagħna biex napprofondixxu u nsaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna. Dan il-Programm ta’ Ħidma jippreżenta l-inizjattivi ewlenin li se nieħdu fit-tnax-il xahar li jmiss biex inwettqu dawn l-impenji.

L-inizjattivi l-ġodda li l-Kummissjoni se twettaq fl-2016 jinkludu:

  • Inizjattivi dwar il-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni, u proposti dwar il-ġestjoni tal-fruntietri.

  • L-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali, is-segwitu għall-istrateġija tas-Suq Uniku, Strateġija Spazjali għall-Ewropa, u Pjan ta’ Azzjoni għad-Difiża Ewropea

  • Ekonomija Ċirkolari, il-passi li jmiss għal Ġejjieni Ewropew Sostenibbli, u leġiżlazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija

  • Aġenda għall-Ħiliet Ġodda fl-Ewropa, Bidu Ġdid għal ġenituri li jaħdmu, u Pilastru tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

  • Pakkett dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji u Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT.

Permezz ta' inizjattivi oħra ċentrali għall-2016 se tiġi implimentata l-Aġenda tas-Sigurtà Ewropea, isir segwitu għall-istrateġija dwar il-kummerċ u l-investiment u għar-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u jingħata l-kontribut tal-Kummissjoni għall-Istrateġija Globali dwar il-politika barranija u ta’ sigurtà. Il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u strateġija biex il-baġit jiġi ffukat aħjar fuq ir-riżultati.

Biex il-leġiżlazzjoni tagħna tkun adatta għall-iskop tagħha permezz ta' 40 Azzjoni REFIT

B'dan l-impenn tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar se tingħata ħarsa lejn l-evidenza u jiġi żgurat li meta l-UE tintervjeni hija tagħmel dan b’mod li effettivament tagħmel differenza pożittiva fil-konkret. Għalhekk jeħtieġ li nkunu l-ħin kollu attenti biex naraw li l-leġiżlazzjoni u l-programmi tal-infiq tagħna jaħdmu b’mod effikaċi. Regoli li jeżistu issa u li għadda żmienhom, jew li huma wisq onerużi jew wisq kumplessi biex jiġu applikati fil-prattika, mhux se jilħqu l-objettivi tagħhom.

REFIT huwa l-programm tal-Kummissjoni li jieħu ħsieb li l-leġiżlazzjoni tal-UE tibqa' tajba għall-iskop tagħha u li jinkisbu r-riżultati intenzjonati. Għandu l-għan li l-korp tal-liġijiet tal-UE jinżamm razzjonali u sod, li jitneħħew piżijiet bla bżonn u li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi adattata mingħajr ma jsiru kompromessi fuq l-objettivi ambizzjużi ta' politika tagħna.

Din is-sena, 13-il azzjoni REFIT se jikkontribwixxu għal inizjattivi ċentrali, bħal ma hu s-semplifikar tar-regoli għall-iffinanzjar tal-UE jew ir-rieżami tal-leġiżlazjzoni dwar it-tassazzzjoni u dwar l-enerġija. Barra minn hekk, se jitniedu 27 azzjoni REFIT ġodda pereżempju biex tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni marittima tagħna, jitnaqqsu l-piżijiet fuq l-SMEs fejn jidħol l-akkwist pubbliku, tiġi ffaċilitata l-konformità mal-qafas REACH u jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà tkun tista' titħaddem u tiġi infurzata.

Il-Kummissjoni qegħda wkoll tħabbar l-irtirar jew il-modifika ta' 20 proposta leġislattiva pendenti li mhumiex konformi mal-prijoritajiet politiċi tagħha, li ma għandhom l-ebda probabbiltà li jiġu adottati, jew li ġew żnaturati permezz tal-proċess leġiżlattiv u li ma għadhomx jaqdu l-objettivi ta' politika oriġinali tagħhom. Dawn il-proposti jiġu rtirati fi żmien sitt xhur, sa April 2016.

Sfond:

Kull sena, il-Kummissjoni tadotta Programm ta’ Ħidma li jistabbilixxi l-lista ta’ azzjonijiet li se tieħu fit-tnax-il xahar li jkunu ġejjin. Il-Programm ta’ Ħidma jinforma lill-pubbliku u lill-koleġiżlaturi dwar l-impenji politiċi tagħna li nippreżentaw inizjattivi ġodda, nirtiraw proposti pendenti u nirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Huwa ma jkoprix il-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni biex timplimenta r-rwol tagħha bħala l-Gwardjan tat-Trattati u li tinforza l-leġiżlazzjoni eżistenti jew l-inzjattivi regolari li l-Kummissjoni tadotta kull sena.

Il-preparazzjoni tal-Kummissjoni għall-Programm ta’ Ħidma tal-2016 ġiet imsaħħa permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fuq il-bażi ta’ ittra ta’ intenzjoni mibgħuta mill-President Juncker u mill-ewwel Viċi President Timmermans fid-9 ta’ Settembru wara d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni qed tippreżenta b’mod ċar fil-Programm ta’ Ħidma tagħha l-fajls ta’ prijorità fejn trid li l-koleġislaturi jagħmlu l-aktar progress mgħaġġel possibbli u jipproduċu riżultati malajr għaċ-ċittadini tal-Ewropa.

Għal iktar informazzjoni:

Q&A dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5920_en.htm

Komunikazzjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016: http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2016_mt.pdf

Anness 1 – Inizjattivi Ċentrali: http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2016_annex_i_mt.pdf

L-Anness 2 – Azzjonijiet REFIT ġodda: http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2016_annex_ii_mt.pdf

Anness 3 – Prijoritajiet għall-koleġiżlaturi: http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2016_annex_iii_mt.pdf

Anness 4 – Intenzjonijiet għall-irtirar jew għall-modifiki http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2016_annex_iv_mt.pdf

Anness 5 – Lista ta’ Revoki: http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2016_annex_v_mt.pdf

Anness 6 – Leġiżlazzjoni li ssir applikabbli fl-2016: http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2016_annex_vi_mt.pdf

Pjani direzzjonali għal inizjattivi ppubblikat fil-Programm ta' Ħidma: http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/index_mt.htm

Il-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker: http://ec.europa.eu/priorities/docs/pg_mt.pdf

Il-progress li sar dwar l-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/priorities/soteu/docs/priorities-progress-report_mt.pdf

Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker: http://ec.europa.eu/priorities/soteu/docs/state_of_the_union_2015_en.pdf

Ittra ta’ intenzjoni mingħand il-President Juncker u l-ewwel Viċi President Timmermans dwar il-programm ta’ ħidma għall-2016: http://ec.europa.eu/priorities/soteu/docs/letter-of-intent_mt.pdf

IP/15/5923

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar