Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali: Pjan ta’ Azzjoni biex isaħħaħ il-finanzjament tan-negozju u l-finanzjament tal-investiment

Brussell, it-30ta' settembru 2015

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali

Il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali llum biex tgħin fil-bini ta' suq uniku veru għall-kapital madwar it-28 Stat Membru tal-UE. Illum ippubblikat ukoll l-ewwel u l-aktar passi urġenti f’dak il-Pjan, bħat-tnedija mill-ġdid ta' swieq sodi tat-titolizzazzjoni.

Bħala parti mill-priorità tal-Kummissjoni Juncker biex tingħata spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment madwar l-UE, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK), pilastru ewlieni tal-Pjan ta' Investiment, għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet ta’ investiment direttament permezz taż-żieda u d-diversifikazzjoni tas-sors ta' finanzjament għan-negozji Ewropej u proġetti fit-tul.

Sorsi alternattivi ta’ finanzjament, kumplimentari għall-finanzjament bankarju - inklużi swieq kapitali, kapital tar-riskju, finanzjament kollettiv u l-industrija tal-immaniġġjar tal-assi - huma użati b’mod aktar wiesa’ f’partijiet oħra tad-dinja, u għandhom jaqdu rwol akbar fil-provvediment ta’ finanzjament għal kumpaniji li jitħabtu biex jiksbu finanzjament, b’mod speċjali l-SMEs u l-istart-ups. Li jkun hemm sorsi diversifikati ta' finanzjament huwa tajjeb għall-investiment u n-negozju iżda huwa wkoll essenzjali għall-istabbiltà finanzjarja, tnaqqas l-impatt ta' problemi potenzjali fis-settur bankarju fuq kumpaniji u l-aċċess tagħhom għall-finanzi. Għal din ir-raġuni, l-USK huwa wkoll parti importanti mix-xogħol fit-tlestijia tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea.

Il-Kummissjoni trid ukoll tneħħi l-ostakli li qed jimblukkaw l-investimenti transfruntieri fl-UE biex tagħmilha aktar faċli għal kumpaniji u proġetti ta’ infrastruttura biex jiksbu l-finanzjament meħtieġ, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu.

L-USK huwa proġett għal perjodu medju iżda b’xi inizjattivi bikrija importanti. Illum il-Kummissjoni qegħda tiżvela l-ewwel sett ta' miżuri biex tniedi mill-ġdid titolizzazzjoni b'sigurtà għola, u biex tippromwovi investiment fit-tul fl-infrastruttura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tħabbar il-bidliet proposti għad-Direttiva dwar il-Prospett qabel tmiem is-sena, bil-għan li tagħmilha aktar faċli u inqas għali għall-kumpaniji żgħar u medji biex iżidu l-kapital.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni bdiet żewġ konsultazzjonijiet dwar Finanzjamenti ta' Kapital ta' Riskju u dwar Bonds Koperti.

U f’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tniedi sejħa għal evidenza dwar l-impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni finanzjarja — sabiex tiżgura li qed taħdem kif suppost mingħajr (pereżempju) trikkib f'rekwiżiti ta' rapurtaġġ jew inkonsistenzi bejn liġijiet varji.

L-għan ġenerali tal-Kummissjoni għall-USK huwa li jinħolqu opportunitajiet għall-investituri, jiġu kkollegati l-finanzi mal-ekonomija usa’, u titrawwem sistema finanzjarja aktar reżiljenti, b’integrazzjoni aktar profonda u b'aktar kompetizzjoni. L-approċċ tagħna ser ikun prammatiku, pass pass, abbażi ta’ analiżi ekonomika bir-reqqa u konxju tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività qal: "L-iktar parti importanti tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa huwa li jitneħħew l-ostakli għall-investiment billi jiġi approfondat is-suq uniku. Matul il-kampanji tiegħi ta' promozzjoni, smajt ħafna drabi li l-assiguraturi jsibu diffikultà biex jinvestu fi proġetti infrastrutturali, allura nittama li bl-emenda għar-regolament delegat-Solvenza II se jkollhom l-inċentivi korretti għal investimenti sikuri."

Il-Kummissarju Jonathan Hill, risponsabbli mill-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq tal-Kapital qal: "Irrid li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tgħin lin-negozji Ewropej, u l-SMEs tagħna partikolarment, biex ikollhom firxa usa' ta' sorsi ta' fondi. Irrid li nagħti lill-konsumaturi aktar għażliet biex jinvestu flushom. Irrid li negħleb l-ostakli li jagħmluha aktar faċli għall-kapital biex jiċċirkola liberament f'kull wieħed mit-28 Stat Membru."

Sfond

Fi Frar tal-2015 il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar il-miżuri meħtieġa biex jiġi sfruttat l-investiment fl-UE u biex jinħoloq suq uniku għall-kapital (IP/15/4433, MEMO/15/4434) u konsultazzjonijiet relatati dwar id-direttiva dwar il-prospett u t-titolizzazzjoni. Il-Kummissjoni rċeviet ammont kbir ta’ rispons minn negozji, investituri, is-settur finanzjarju, il-parlamenti nazzjonali, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u ċ-ċittadini Ewropej.

Aktar minn 700 tweġiba li waslu għamluha ċara li hemm appoġġ wiesa’ għall-USK (ara t-tweġibiethawnhekk). Wara l-konsultazzjoni kien hemm konferenza f'livell għoli fit-8 ta' Ġunju 2015

Ir-rispons mill-konsultazzjoni wera li suq uniku għall-kapital jista’ jgħin biex jappoġġja aktar kondiviżjoni transfruntieri tar-riskju, il-ħolqien ta' swieq iktar profondi u iktar likwidi u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament fl-ekonomija. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni kienu favur l-approċċ gradwali propost fil-Green Paper.

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa mibni madwar il-prinċipji ewlenin li ġejjin:

  • Il-ħolqien ta' aktar opportunitajiet għall-investituri L-USK għandu jgħin jimmobilizza l-kapital fl-Ewropa u jorjentah lejn il-kumpaniji, inklużi l-SMEs, u proġetti ta’ infrastruttura li għandhom bżonnu biex jikbru u joħolqu l-impjiegi. Għandu jagħti lil familji għażliet aħjar biex jissodisfaw l-għanijiet ta’ rtirar tagħhom.
  • Nikkollegaw l-iffinanzjar mal-ekonomija reali: L-USK huwa proġett klassiku għal suq uniku għall-benefiċċju tat-28 Stat Membru. l-Istati Membri għandhom ħafna x’jiggwadanjaw mill-orjentament tal-kapital u l-investiment lejn il-proġetti tagħhom.
  • It-trawwim ta’ sistema finanzjarja aktar reżiljenti u aktar b’saħħitha: Il-ftuħ ta’ firxa usa’ ta’ sorsi ta’ fondi u aktar investiment fit-tul, fejn jiġi żgurat li ċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE ma jibqgħux vulnerabbli għal xokkijiet finanzjarji daqskemm kienu matul il-kriżi.
  • L-approfondiment tal-integrazzjoni finanzjarja u l-kompetizzjoni dejjem tikber: L-USK għandu jwassal għal aktar kondiviżjoni transfruntieri tar-riskji u swieq aktar likwidi li se japprofondixxu l-integrazzjoni finanzjarja, inaqqsu l-ispejjeż u jżidu l-kompetittività Ewropea.

Azzjonijiet bikrija ewlenin huma:

Regoli ġodda dwar titolizzazzjoni

It-titolizzazzjoni hija l-proċess li permezz tiegħu strument finanzjarju jinħoloq, tipikament minn mutwanti, bħal bank, permezz ta’ akkomunament ta’ assi (pereżempju self għal karozza jew self għal SMEs) biex l-investituri jixtruhom. Dan jiffaċilita l-aċċess għal firxa akbar ta’ investituri, biex b’hekk tiżdied il-likwidità u jiġi lliberat il-kapital mill-banek għal self ġdid. Il-Kummissjoni qed tipproponi qafas regolatorju għat-titolizzazzjoni li hija sempliċi, trasparenti u standardizzata u soġġett għal kontroll superviżorju adegwat.Skont l-istimi tal-Kummissjoni, jekk kellha t-titolizzazzjoni tal-UE tinbena mill-ġdid għal-livelli medji ta' qabel il-kriżi, tiġġenera madwar €100-150 biljun f'finanzjament addizzjonali għall-ekonomija.

Regoli ġodda dwar it-trattament Solvency II ta’ proġetti ta’ infrastruttura

L-investiment fi proġetti ta’ infrastruttura huwa essenzjali għall-appoġġ ta' attività ekonomika u tkabbir fl-Ewropa, imma proġetti bħal dawn jirrikjedu ammonti kbar ta’ finanzjament fuq perjodu twil. L-industrija tal-assigurazzjoni hija mgħammra sew biex tipprovdi finanzjament fit-tul permezz ta’ investiment f’ishma ta' ekwità kif ukoll self għal proġetti ta’ infrastruttura. Il-Kummissjoni tixtieq li tneħħi l-ostakli prudenzjali mhux ġustifikati sabiex l-assiguraturi jkollhom irwol importanti fil-proġetti Ewropej tal-infrastruttura. Abbażi tal-parir mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), il-leġiżlazzjoni tal-lum toħloq klassi distinta ta' assi infrastrutturali u tnaqqas l-ammont ta’ kapital li l-assiguraturi għandu jkollhom kontra d-dejn u l-ekwità ta’ proġetti ta’ infrastruttura li jikkwalifikaw.

Konsultazzjoni pubblika dwar il-kapital ta’ riskju

Kumpaniji mhux elenkati li huma żgħar u ta’ daqs medju spiss isibuha diffiċli biex jiksbu finanzjament tradizzjonali permezz ta’ self bankarju u m’għandhomx aċċess għal kapital mis-swieq tal-ishma: alternattivi bħal kapital ta’ riskju jistgħu jgħinuhom jikbru u jiżviluppaw. Ir-regolamenti eżistenti tal-UE, ir-Regolamenti EuVECA u l-EuSEF stabilixxew żewġ tipi ta' fond ta' investiment kollettiv li jiffaċilitaw iktar u jagħmluha iktar attraenti għal faddala privati biex jinvestu f'SMEs mhux elenkati. Il-konsultazzjoni se tistaqsi jekk bidliet immirati għal dawn ir-Regolamenti jistgħux iżidu l-użu ta’ dawn il-fondi ta’ investiment. Il-konsultazzjoni se tkopri kwistjonijiet li jinkludu restrizzjonijiet fuq min ikun kapaċi jamministra l-fondi, il-livell ta’ investiment minimu ta’ EUR 100,000 għal investituri, u jekk maniġers mhux mill-UE għandhomx jitħallew joffru EuVECA jew EuSEF. Din il-konsultazzjoni se tibqa' għaddejja sas-6 ta' Jannar tal-2016.

Konsultazzjoni pubblika dwar bonds koperti

Il-bonds koperti huma għodda ewlenija għall-finanzjament fit-tul f’ħafna Stati Membri tal-UE, biex torjenta finanzjament lejn is-suq immobiljari u lejn is-settur pubbliku. Istituzzjonijiet ta’ kreditu Ewropej huma mexxejja dinjin fi ħruġ ta’ bonds koperti, iżda s-suq attwalment huwa frammentat skont linji nazzjonali, li jirrestrinġu l-istandardizzazzjoni fi prattiki ta' sottoskrizzjoni u żvelar u joħolqu ostakli għal swieq profondi, likwidi u aċċessibbli, b’mod partikolari bejn il-fruntieri. Il-Kummissjoni se tikkonsulta dwar qafas pan-Ewropew għal bonds koperti; dan għandu jibni fuq reġimi nazzjonali li jaħdmu sew mingħajr ma jfixkilhom u jkun ibbażat fuq standards ta’ kwalità għolja u l-aħjar prassi tas-suq. Il-konsultazzjoni li se tibqa' sejra sas-6 ta' Jannar tal-2016, se tfittex ukoll fehmiet dwar l-użu ta' strutturi ta' bonds koperti li jieħdu vantaġġ minn self lil SMEs. Wara li l-konsultazzjoni tkun għalqet, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk hix meħtieġa azzjoni mill-UE.

Impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni finanzjarja

Il-Kummissjoni llum qed tniedi “sejħa għal evidenza” biex tiġbor ir-rispons u tkejjel l-impatt kumulattiv u l-interazzjoni ta’ regoli finanzjarji attwali. Permezz ta’ din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qed tfittex li tidentifika inkonsistenzi, nuqqas ta’ koerenza u lakuni possibbli f’regoli finanzjarji, kif ukoll piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u fatturi li jaffettwaw b’mod negattiv l-investiment u t-tkabbir fit-tul.

Għal aktar informazzjoni: 

Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali

http://ec.europa.eu/finance/capital-markets-union/index_en.htm#action-plan

Il-proposta ta’ titolizzazzjoni

http://ec.europa.eu/finance/securities/securitisation/index_en.htm#150930

Leġiżlazzjoni emendata Solvency II

http://ec.europa.eu/finance/insurance/solvency/solvency2/index_en.htm#150930

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Kapital ta’ Riskju

http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/venture-capital-funds/index_en.htm

Konsultazzjoni pubblika dwar Bonds Koperti

http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/covered-bonds/index_en.htm

Impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni finanzjarja

http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/financial-regulatory-framework-review/index_en.htm

Memo dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5732_en.htm

MEMO dwar ir-regolament delegat Solvency II

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5734_en.htm

Impatt kumulattiv tal-leġiżlazzjoni finanzjarja

http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5735_en.htm

Paġna elettronika fuq l-USK

Testimonials & animation:

IP/15/5731

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar