Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tniedi inkjesta settorjali fir-rigward tal-mekkaniżmi biex jiġu żgurati l-provvisti tal-elettriku

Brussell, 29 April 2015

Il-Kummissjoni Ewroea nediet injesta fis-settur tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta' miżuri nazzjonali biex tiżgura d-disponibbiltà ta' kapaċità adegwata għall-produzzjoni tal-elettriku f'kull ħin biex jiġi evitat li qtugħ tal-elettriku totali (l-hekk imsejħa "mekkaniżmi ta' kapaċità") L-inkjesta se tiġbor informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità biex teżamina, b'mod partikolari, jekk dawn jiżgurawx biżżejjed provvista tal-elettriku mingħajr ma jfixklu l-kompetizzjoni jew il-kummerċ fis-Suq Uniku tal-UE. Hija tikkumplimenta l-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Unjoni tal-Enerġija, biex fl-Ewropa jinħoloq suq tal-enerġija sikur, integrat u konness. Jekk jogħġbok irreferi għall-Iskeda Informattiva għal aktar informazzjoni dettaljata.

Għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri qegħdin jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità biex iħeġġu l-investiment f’impjanti tal-enerġija jew jipprovdu inċentivi biex l-impjanti jkomplu joperaw, bl-għan li jiġi żgurat li l-provvista tal-elettriku tissodisfa d-domanda f'kull ħin. Il-Kummissjoni tirrikonixxi li miżuri pubbliċi bħal dawn jistgħu f'xi sitwazzjonijiet ikunu ġustifikati u l-Linji Gwida tagħha Linji Gwida 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarisen tal-ambjent u l-enerġija għall-ewwel darba pprovdew kriterji għall-valutazzjoni dwar jekk il-mekkaniżmi ta' kapaċità humiex f'konformità mal-għajnuna mill-Istat u mar-regoli. L-Istati Membri l-ewwel nett iridu jkunu kapaċi juru li l-miżuri huma meħtieġa. Barra minn hekk, iridu jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' kapaċità jitfasslu b'mod li ma jfixklux il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku tal-UE - pereżempju, ma għandhomx jiffavorixxu bla mistħoqq lil ċerti produtturi jew tipi ta' teknoloġija, jew jistabilixxu ostakli li jwaqqfu l-elettriċità milli tgħaddi minn pajjiż tal-UE għal ieħor.

L-inkjesta settorjali, l-ewwel waħda taħt ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, inizjalment se titlob informazzjoni dwar kampjun rappreżentattiv ta’ Stati Membri li għandhom mekkaniżmi ta’ kapaċità fis-seħħ jew li qed jikkunsidrawhom, jiġifieri: Il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u l-Isvezja.

Il-Kummissarju Margrethe Vestager, inkarigata mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: ""Il-gvernijiet għandhom interess leġittimu li jiżguraw li jkun hemm provvista tal-elettriku suffiċjenti - l-unitajiet domestiċi u l-industriji ma għandhomx jesperjenzaw qtugħ tal-elettriku. Ir-rwol tiegħi hu li nissalvagwardja li l-miżuri pubbliċi li jirfdu l-investiment fil-provvisti tal-elettriku ma jiffavorixxux bla mistħoqq lil xi produtturi jew teknoloġiji partikolari, jew joħolqu osktali għall-kummerċ bejn il-fruntieri nazzjonali. Pereżempju, f’xi każi jista’ jkun aktar effiċjenti l-investiment fit-titjib tal-konnessjonijiet tal-grilja tal-elettriku bejn il-pajjiżi tal-UE milli l-bini ta’ impjanti tal-enerġija ġodda."

"Din l-inkjesta settorjali tibgħat sinjal ċar lill-Istati Membri biex jirrispettaw ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat meta jimplimentaw mekkaniżmi ta’ kapaċità, u tikkontribwixxi għall-għan tal-Kummissjoni li tibni Unjoni tal-Enerġija ġenwina fl-Ewropa."

Il-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ kapaċità

Għadd li qed jiżdied ta' Stat Membri wera t-tħassib tiegħu li l-provvisti tal-elettriku jistgħu ma jkunux kapaċi jlaħħqu mad-domanda sal-2020 minħabba investiment insuffiċjenti sforz tal-inċertezzi tas-suq u interventi regolatorji. Kwistjoni oħra hija li d-domanda trid tiġi sodisfatta bis-sħiħ mill-provvista anki f'ħinijiet meta jkun hemm nuqqas minn sorsi rinnovabbli varjabbli (eżempju minħabba f'inqas riħ jew xemx f'xi ħinijiet partikolari).

Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità huma miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-provvista tal-elettriku tkun tista' tlaħħaq mad-domanda fuq perjodu medju u fit-tul. Huma maħsuba biex jappoġġjaw l-investiment biex jimla l-lakuna mistennija fil-kapaċità u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. Tipikament, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità joffru benefiċċji addizzjonali lill-provvedituri tal-kapaċitajiet, barra mid-dħul miksub mill-bejgħ tal-elettriku fis-suq, inkambju għaż-żamma ta' kapaċità eżistenti jew l-investiment f'kapaċità ġdida meħtieġa biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvisti tal-elettriku. Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità jistgħu potenzjalment jappoġġjaw mhux biss il-ġenerazzjoni tal-enerġija iżda wkoll il-miżuri ta’ reazzjoni għad-domanda (eż. inċentivi lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji biex inaqqsu l-konsum tal-elettriku f'ħinijiet meta dan ikun fl-eqqel tiegħu).

L-ambitu tal-inkjesta settorjali

Il-Kummissjoni se tibgħat settijiet differenti ta’ mistoqsijiet lil awtoritajiet pubbliċi u lil parteċipanti tas-suq magħżula, inizjalment fi ħdax-il pajjiż tal-UE (il-Belġju, il-Kroazja, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja u l-Isvezja). Il-Kummissjoni mbagħad tivvaluta t-tweġibiet u tistieden il-kummenti dwar il-konklużjonijiet preliminari tagħha qabel tmiem l-2015 filwaqt li tippjana li tippubblika r-riżultati finali tagħha għal nofs l-2016.

Permezz tal-inkjesta settorjali l-Kummissjoni tixtieq tifhem aħjar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità li diġà ġew implimentati jew li qegħdin jiġu kkunsidrati. Hija se tivvaluta u tidentifika wkoll jekk jeżistux ċerti karatteristiċi ta’ tfassil fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità li jew ifixklu l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-kapaċità jew ixekklu l-kummerċ bejn il-fruntieri nazzjonali.

L-inkjesta settorjali se tissupplementa u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u l-enerġija li daħlu fis-seħħ f'Lulju 2014. Barra minn hekk, l-inkjesta settorjali se tikkumplimenta l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar it-tfassil tas-suq tal-elettriku taħt l-Istrateġija tal-UE ta' Unjoni tal-Enerġija.

Aktar tagħrif dwar l-inkjesta settorjali fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità huwa disponibbli fuq:

http://www.ec.europa.eu/competition/sectors/energy/state_aid_to_secure_electricity_supply_en.html

IP/15/4891

Kuntatti mal-istampa

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku:


Side Bar