Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Mejju 2014

Il-lakuni fl-informazzjoni jillimitaw l-edukazzjoni għolja f’ħafna pajjiżi tal-UE

L-ammont ta' pajjiżi li qed jużaw l-informazzjoni li jiġbru dwar l-edukazzjoni għolja biex itejbu l-universitajiet tagħhom u l-opportunitajiet li dawn joffru lill-istudenti għadu mhuwiex biżżejjed. Dan jidher fir-rapport ta' Eurydice li ġie ppubblikat illum. Ir-rapport "Modernisation of Higher Education in Europe: Access, Retention and Employability" (l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa: Aċċess, Żamma u Impjegabbiltà) jinvestiga x'miżuri qed jieħdu l-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex iwessgħu l-aċċess għal edukazzjoni għolja, jiżdied l-għadd ta’ studenti li jispiċċaw l-edukazzjoni għolja (iż-żamma), u jiggwidaw lill-istudenti għad-dħul fis-suq tax-xogħol (l-impjegabbiltà). Aktar minn 30 pajjiż ħa sehem fl-istħarriġ, jiġifieri l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tal-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi. Anke l-Islanda, il-Liechtenstein, il-Montenegro, in-Norveġja u t-Turkija naqsu milli jipparteċipaw f'dan l-istħarriġ.

"Jeħtieġ li l-edukazzjoni għolja taħdem aktar biex tindirizza l-oqsma dgħajfa: pereżempju, irridu nħeġġu aktar id-diversità fil-popolazzjoni tal-istudenti. L-universitajiet iridu jattiraw aktar l-istudenti żvantaġġati, speċjalment dawk li ġejjin minn familji bi dħul baxx, dawk b'diżabiltajiet, dawk li għandhom status ta' migranti jew dawk ta' etniċitajiet differenti. Apparti milli tħeġġeġ diversità akbar, id-dejta rilevanti tista' tgħinna biex nivvalutaw aħjar l-impatt tal-prijoritajiet politiki tagħna u biex nibdlu r-rotta meta dan ikun neċessarju. Irridu nibdew nużaw id-dejta u l-feedback b'mod aktar proattiv, b'mod li jiggwida d-deċiżjonijiet li nieħdu" qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Ir-rapport juri li:

Għalkemm ħafna pajjiżi jiġbru informazzjoni dwar l-istudenti tagħhom, ħafna drabi l-analiżi tad-dejta ma tkunx marbuta ma’ objettivi konkreti (bħal pereżempju li jiġi żgurat l-aċċess ta’ studenti żvantaġġati għall-edukazzjoni għolja) u ħafna pajjiżi mhumiex konxji dwar jekk il-popolazzjoni tal-istudenti tagħhom hijiex qed issir iktar varjata jew le (ara l-Grafika 1).

Ftit pajjiżi biss (BE(fl), IE, FR, LT, MT, FI u UK (l-Iskozja)) stabbilixxew miri għat-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal persuni minn gruppi sottorappreżentati bħal dawk li ġejjin minn familji bi dħul baxx.

Madwar nofs is-sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni għolja għandhom programmi li jiffaċilitaw l-istudju għall-parteċipanti li ma jiġux direttament mill-edukazzjoni sekondarja (BE, CZ, DK, DE, IE, FR, AT, PL, PT, SI, SE, SK, UK, IS u HR) u jagħtu krediti għall-edukazzjoni għolja li jirrikonoxxu l-valur tat-tagħlim preċedenti tal-istudenti (jeżistu wkoll f'ES, IT, LI, FI, NO). Huwa ċar li teżisti diviżjoni ġeografika dwar il-miżuri li jwessgħu l-aċċess għall-edukazzjoni għolja, peress li dawn issibhom l-aktar fit-Tramuntana u fil-Punent tal-Ewropa.

Għadd sinifikanti ta’ pajjiżi ma jikkalkulawx b'mod sistematiku r-rati ta' studenti li jlestu l-iskola u/jew ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola. Dawn jinkludu l-pajjiżi li għandhom politiki li jindirizzaw iż-żamma u t-tlestija, iżda huwa ċar li ma għandhomx biżżejjed dejta bażika biex janalizzaw l-impatt ta’ dawn il-politiki.

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jridu jissottomettu informazzjoni dwar l-impjegabbiltà (eż. ir-rati tal-impjieg tal-gradwati tagħhom, kif dawn jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għall-gradwati tagħhom biex isibu impjieg) għall-iżgurar tal-kwalità. Madankollu, l-informazzjoni dwar il-lawrja rarament tintuża biex jiġu żviluppati politiki dwar l-edukazzjoni għolja.

L-użu tal-assigurazzjoni tal-kwalità biex tippromwovi l-għanijiet kruċjali tal-politika għal aċċess usa’ u għal rati aħjar ta' żamma u tlestija tal-edukazzjoni, jista' jgħin fil-monitoraġġ tal-progress tal-istudenti u biex jidentifika kif l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (eż. l-universitajiet u l-kulleġġi) jużaw din l-informazzjoni biex tgħin iċ-ċiklu ta’ titjib tal-kwalità.

Grafika 1: Bidliet fid-diversità tal-istudenti fl-edukazzjoni għolja, 2002/03-2012/13

Sfond

Ir-rapport Modernisation of Higher Education in Europe: Access, Retention and Employability jeżamina l-politiki u l-prattiki relatati mal-esperjenzi tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja permezz ta' tliet stadji: l-aċċess, li jeħtieġ li wieħed ikun konxju mill-offerti tal-edukazzjoni għolja, mir-rekwiżiti biex wieħed ikollu aċċess għall-edukazzjoni għolja u mill-proċess tad-dħul; il-progress matul il-programm ta' studju, inkluż l-appoġġ li jista' jingħata meta wieħed jaffaċċja l-problemi; u t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għolja għas-suq tax-xogħol.

L-aġenda tal-Kummissjoni għall-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja tenfasizza l-kwistjonijiet ta’ metodi flessibbli għall-edukazzjoni għolja; kif tiġi żgurata l-effettività u l-effiċjenza fl-edukazzjoni għolja; u l-iżvilupp għall-istudenti ta' ħiliet relatati mal-impjiegi sabiex wara l-gradwazzjoni jkun hemm trasferiment faċli għas-suq tax-xogħol.

Il-Eurydice

Il-kompitu tan-netwerk Eurydice huwa li jifhem u jispjega kif inhuma organizzati u kif jaħdmu s-sistemi edukattivi differenti tal-Ewropa. In-netwerk jipprovdi deskrizzjonijiet tas-sistemi edukattivi nazzjonali, studji komparattivi dwar suġġetti speċifiċi, indikaturi u statistika. Il-pubblikazzjonijiet kollha tal-Eurydice huma disponibbli bla ħlas fuq il-websajt tal-Eurydice jew, fuq talba, fil-verżjoni stampata. Bil-ħidma tiegħu, il-Eurydice għandu l-għan li jippromwovi l-fehim, il-kooperazzjoni, il-fiduċja u l-mobbiltà fil-livelli Ewropew u f'dak internazzjonali. In-netwerk jikkonsisti minn unitajiet nazzjonali li jinsabu f'pajjiżi Ewropej u huwa kkoordinat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-UE. Għal aktar informazzjoni dwar il-Eurydice, ara http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice.

Għal aktar informazzjoni

Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli bl-Ingliż fil-websajt tal-Eurydice

Il-Kummissjoni Ewropea: L-edukazzjoni u t-taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar